28 ta’ Diċembru: Il-Qaddisin Innoċenti Martri

Verżjoni Vidjo: Il-Qaddisin Innoċenti Martri

“Kristu, li twieled għalina, żejjen lill-Innoċenti martri bil-kuruna tal-glorja: ejjew nadurawh. … Dawn kienu mifdijin minn fost il-bnedmin, l-ewwel frott għal Alla u għall-Ħaruf: huma bla tebgħa quddiem it-tron ta’ Alla.” – Antifoni mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa tal-Qaddisin Innoċenti Martri

william-charles-thomas-dobson-the-holy-innocentsIL-QADDISIN INNOĊENTI MARTRI

Tagħrif: Fit-tieni kapitlu tal-Vanġelu skont San Mattew, insibu li malli s-Sultan Erodi l-Kbir li taħtu twieled Ġesù, għaraf li kien ġie ngannat mill-Maġi, xegħel b’rabja kbira, u minnufih ordna l-massakru tat-tfal subien ta’ taħt is-sentejn f’Betlem u fl-inħawi ta’ madwar. Hu bbaża l-kalkoli tiegħu fuq id-dati li kien ġabar minn fomm il-Maġi.

Il-maġġoranza tal-kommentaturi jgħidu li n-numru tat-tfal innoċenti martri ma kienx jgħodd iżjed minn 25.

Din il-festa nsibuha tiġi ċċelebrata fil-Knisja sa mis-seklu ħamsa, u mis-seklu sitta ‘l quddiem il-jum tal-Festa sar it-28 ta’ Diċembru.

Dawn il-vittmi innoċenti huma meqjumin bħala “martri,” iżda mhux bħala martri ordinarji. Huma mhux biss mietu għal Kristu, iżda minflok Kristu.

Ħsieb: Dan li ġej huwa qari mid-Diskorsi tal-isqof San Quodvultdeus bit-titlu ‘Għadhom anqas jafu jitkellmu, u diġà qegħdin jistqarru ‘l Kristu’:

“Twieled it-tifel, tarbija ċkejkna, li hu s-Sultan il-Kbir. Il-kewkba wasslet lill-maġi ħdejh mill-bogħod; u ġew jaduraw lil dak li għalkemm mindud f’maxtura iżda jsaltan fuq is-smewwiet u fuq l-art. Il-maġi xandru t-twelid tas-Sultan, u Erodi tħawwad. Ried joqtlu biex ma jitlifx is-saltna. Kieku emmen fih, kien jista’ jserraħ rasu mis-saltna tiegħu tal-art, u kien isaltan għal dejjem fil-ħajja l-oħra.

Għaliex beżżgħetek, Erodi, l-aħbar tat-twelid tas-Sultan? Hu ma ġiex biex ikeċċi lilek, imma biex jegħleb lix-xitan. Int ma fhimt xejn minn dan, u għalhekk tħawwadt u wrejt il-qilla tiegħek; biex teqred lil dak il-wieħed li fittixt, sirt aħrax u qtilt dawk it-trabi kollha!

Ebda ħniena ma ħassejt għall-ommijiet u l-missirijiet jibku u jolfqu minħabba l-qtil ta’ wliedhom, anqas għat-trabi tagħhom iwerżqu u jixhru. Fnejt il-ħajja tat-tfal, għax il-biża’ fnielek qalbek; mingħalik se tgħix ħajja twila jekk il-ħsieb tiegħek iseħħ, int li ridt teqred lill-istess Ħajja.

Kemm hu kbir id-don tal-grazzja! X’merti kellhom it-trabi biex jaqilgħu grazzja ta’ rebħa bħal din? Għadhom ma jafux jitkellmu, u ġa qegħdin jistqarru ‘l Kristu. Għadhom bla ħila li jxejjru jdejhom u jitqabdu, u ġa qegħdin ixejjru l-palma tar-rebħa.”

  • U xi ngħidu għall-eluf ta’ trabi li jinqatlu bl-abort?
  • Forsi dawn m’ humiex it-trabi innoċenti ta’ żminijietna?
  • U int, għaqli/ja biżżejjed biex tkun minn ta’ quddiem li titkellmu favur il-ħajja sa mit-tnissil tagħha fil-ġuf għax taf lit-tarbija m’għandhiex vuċi ħlief tiegħek?
  • Titlob biex jitwaqqaf l-abort u ma jiġix introdott f’pajjiżna?
  • Tgħin u tagħti s-sapport tiegħek lill-Fundazzjonijiet Favur il-Ħajja li jaħdmu ma’ nisa b’diffikultà  fit-tqala u problemi oħra li jistgħu jkunu ta’ theddida kemm għall-omm kif ukoll għat-tarbija?

Talba: O Alla, f’dan il-jum it-Trabi Innoċenti martri xandru t-tifħir tiegħek mhux bil-kliem iżda bil-mewt tagħhom: agħmel li l-fidi li nistqarru b’fommna nuruha wkoll fl-imġiba ta’ ħajjitna. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/12/holy-innocents.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/holy-innocents/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Massacre_of_the_Innocents

Nota: It-Tagħrif dwar din it-tifkira tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Design a site like this with WordPress.com
Get started