Verżjoni Vidjo: Santa Gianna Beretta Molla
“U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu; fuq xbihet Alla ħalqu. Raw għajnejk l-għemejjel tiegħi: kollha nkitbu fil-ktieb tiegħek. Alleluja!” – Antifona tad-Dħul tal-Festa ta’ Santa Gianna Beretta Molla (Ġenesi 1:27; Salm 139:16)
SANTA GIANNA BERETTA MOLLA
Omm
1922 – 1962
Tagħrif: Twieldet Bergamo, qrib Milan, u kienet l-10 wild fost 13. Studjat fl-Università ta’ Milan u ta’ Pavia, u fl-1949 iggradwat fil-mediċina u l-kirurġija. Fl-1952, speċjalizzat fil-pedjatrija u ħadmet bħala speċjalista tat-tfal f’diversi sptarijiet. Kienet membru attiv tal-Azzjoni Kattolika.
Iżżewġet lill-Inġinier Pietru Molla. Kellha 3 ulied. Meta kien ser ikollha tarbija oħra, mill-ewwel dehru sinjali li kien se jkun hemm periklu gravi f’saħħitha. Minħabba t-tqala, irrifjutat li tieħu trattament għall-kankru.
Lesta għal kull sagrifiċċju, issottomettiet ruħha għall-intervent kirurġiku, deċiża u titlob li jsalvaw lit-tarbija. Kienet tirrepeti: “lesta għal kollox biex it-tarbija tgħix.”
Fil-21 ta’ April tas-sena 1962 twieldet ir-raba’ tarbija, u ġimgħa wara (fit-28 tax-xahar) mietet l-omm erojka, konvinta li “hu dnub toqtol tarbija fil-ġuf.”
Il-Papa Ġwanni Pawlu II, fl-24 ta’ April tas-sena 1994, iddikjaraha Beata fil-preżenza ta’ żewġha u l-erba’ wliedha.
Huma kienu wkoll preżenti meta fis-16 ta’ Mejju 2004, l-istess Papa, lil Gianna Beretta Molla ddikjaraha bħala qaddisa, l-ewwel waħda taż-żminijiet tagħna.
Ħsieb: Gianna Beretta Molla għexet il-ħajja ta’ tabiba u ta’ pedjatra eżemplari. Ħajja ta’ mara miżżewġa u omm u, wara li welldet tlett itfal, fir-raba’ tqala kellha problemi serji u riedet tagħżel. Għażlet minn jeddha li tagħti ħajja lit-tarbija tagħha u tissagrifika l-ħajja tagħha stess. Dan kollu, setgħet tagħmlu għax Gianna Beretta Molla għexet ħajja intensa ta’ talb, fi prattika tal-karità, f’parteċipazzjoni attiva u konvinta fil-ħajja tal-Knisja, fl-imħabba kbira lejn żewġha u f’dedikazzjoni bla tarf lejn uliedhom. B’rieda kbira u kuraġġ, Gianna Molla għamlet l-għażla li ppermettiet lil bintha titwieled. Nistgħu ħafna drabi nixtiequ li konna f’ċirkostanzi differenti, iżda l-qdusija spiss ġejja mill-għażla diffiċli f’sitwazzjonijiet ħżiena.
Din hija silta mill-omelija tal-Isqof Mario Grech waqt quddiesa għan-nisa fiċ-Ċentru tal-Azzjoni Kattolika, Victoria, fl-okkażjoni tal-World Unions of Catholic Women Organisation (14 ta’ Mejju, 2013):
“Nappella lin-nisa għaqlin tagħna biex ikunu minn ta’ quddiem li jitkellmu favur il-ħajja tat-tarbija fil-ġuf. Il-ġenituri huwa l-ewwel għalliema biex inisslu f’uliedhom l-għożża għall-ħajja tat-tarbija fil-ġuf. L-Azzjoni Kattolika qed tagħmel ħaġa sewwa li xxerred id-devozzjoni lejn Santa Gianna Berretta Molla, omm-tabiba li biex tħares lil bintha li kienet għadha fil-ġuf, għażlet li tirriskja u tagħti ħajjitha!
Imbagħad inġedded l-istedina biex nissieħbu fil-kampanja ta’ talb msejjħa “Adozzjoni Spiritwali” li qed tieħu ħsiebha d-Dar Ġużeppa Debono. F’din l-inizjattiva wieħed jimpenja ruħu li jitlob għal tarbija li qiegħda tiżviluppa f’ġuf ommha u li qiegħda f’riskju ta’ abort. Id-Dar Ġużeppa Debono hija barka għas-soċjetà tagħna għaliex tagħmel ħafna ħidma biex issalva l-ħajjiet tat-trabi! Din id-dar hija “santwarju tal-ħajja” fid-djoċesi tagħna ta’ Għawdex u jixirqilha li nagħtuha kull sapport!
Pajjiżna għandu tassew għaliex ikun kburi li għandu dan il-patrimonju favur il-ħajja! Importanti ħafna li nibqgħu nilqgħu kontra kull pressjoni biex pajjiżna jiċħad dan il-patrimonju bid-dħul tal-liġi favur l-abort. Jekk xi darba nbexqu l-bieb għall-abort, inkunu għamilna ħsara irreparabbli liċ-ċiviltà tagħna għaliex l-abort huwa miżura li tneżżagħna mill-istess umanità tagħna.”
Tajjeb li wieħed ikun jaf ukoll li l-Fondazzjoni Monsinjur Salv Bartoli Galea ppubblikat bil-Malti l-ktieb Santa Gianna Beretta Molla: l-istorja ta’ ħajjitha maqlub għall-Malti minn Caroline Buhagiar. Michael Caruana, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni, qal li permezz ta’ dan il-ktieb wieħed isir jaf il-ħajja qasira iżda mimlija bl-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu ta’ din il-qaddisa ta’ żmienna. Dan il-ktieb qed jinbiegħ mil-Libreriji Ewlenin Insara. Wieħed jista’ jirċevieh id-dar bil-posta billi jibgħat sitt ewro lil Michael Caruana, Istitut Kattoliku, Floriana FRN 1441.
Hu l-ħsieb tal-Fondazzjoni Monsinjur Salv Bartoli Galea li aktar tard din is-sena tippubblika t-tieni ktieb dwar din il-qaddisa ta’ żmienna. Fil-fatt Caroline Buhagiar għadha kemm qalbet għall-Malti l-ittri li għaddew bejn Gianna Beretta Molla u żewġha Pietro li huma l-qofol tat-tieni ktieb dwarha.
- U int, kemm qed titlob, issemma’ leħnek u/jew tagħti s-sapport tiegħek favur il-ħajja li tana Alla sa mit-tnissil tagħha fil-ġuf?
Fost il-Fondazzjoni/Movimenti Ewlenin tal-Pro-Life f’Malta nsibu:
1. Life Network Foundation Malta:
http://lifenetwork.eu/about-us/our-work/
https://www.facebook.com/lifenetworkeu/?ref=br_rs
2. Gift of Life Foundation
https://www.facebook.com/lifemalta/?ref=br_rs
3. The Malta Unborn Child Movement
https://unbornchildmalta.org
Talba: Alla Missierna, infaħħruk u nberkuk talli f’Gianna Beretta Molla tajtna u wrejtna mara li tat xhieda tal-Evanġelju bħala żagħżugħa, mara miżżewġa, omm u tabiba. Niżżukħajr talli bl-għotja qalbiena ta’ ħajjitha tgħallimna nilqgħu u nagħtu ġieħ lil kull tarbija, ħlejqa tiegħek. Ammen.
Agħmel, o Missier, li l-fidili tiegħek, fuq l-eżempju ta’ Santa Gianna, jgħixu b’fedeltà l-grazzja tal-konsagrazzjoni fl-imħabba taż-żwieġ u l-familja, u jilqgħu bi gratitudni l-ulied, li fihom tiddi l-istess xbieha ta’ Kristu, huma u jdawruhom bi mħabba attenta sa mill-ewwel waqtiet ta’ ħajjithom. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Kolletta tal-Festa ta’ Santa Gianna Berretta Molla)
English Version: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=6985
Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Gianna_Beretta_Molla
Vatican Biography: http://www.vatican.va/news_services/liturgy/saints/ns_lit_doc_20040516_beretta-molla_en.html
Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.