7 ta’ Lulju: Beati Roger Dickenson u Ralph Milner

Verżjoni Vidjo: Beati Roger Dickenson u Ralph Milner

“Jiġifieri inti tagħtini l-parir li għall-affarijiet li jgħaddu ta’ dil-ħajja tridni nitlef ’l Alla tiegħi? Le, Sire, ma naċċettax.” – Il-Beatu Ralph Milner lill-imħallef li rrakkomandalu li jkun biżżejjed għalih li jmur jagħmel viżta fi knisja parrokkjali protestanta u li jekk jagħmel dan, ikun meħlus mill-kundanna tiegħu.

5653346143_059a5d603b_bBEATI ROGER DICKENSON U RALPH MILNER
Martri
† 1591

Tagħrif: Fis-7 ta’ Lulju, 1591 ġew mgħallqin f’Winchester Roger Dickenson talli kien qassis u Ralph Milner talli kien jgħinu.

Milner kien jaħdem fir-raba’ u kien imtella’ bħala protestant. Beda jqabbel il-ħajja tal-ġirien kattoliċi u protestanti, u, b’sorpriża ta’ sħabu l-protestanti, beda jmur jitgħallem il-fidi kattolika u talab li jidħol fil-knisja tagħna.

Imma ftit wara, dakinhar stess li tqarben għall-ewwel darba, kien mitfugħ il-ħabs talli bidel ir-reliġjon. Hawnhekk inżamm għal diversi snin, imma l-priġunerija tiegħu ma kinitx stretta ħafna, u kemm-il darba seta’ joħroġ on parole, u f’dawn il-waqtiet kien jiġbor għajnuniet materjali u spiritwali għal sħabu priġunieri, u billi kien jaf sewwa l-pajjiż, kien anke jiffaċilita ċ-ċaqliq u l-ħidma tas-saċerdoti missjunarji li kienu jintbagħtu l-Ingilterra bil-moħbi.

B’dan il-mod sar jaf lill-ġiżwita Fr. Stanney u, permezz ta’ Fr. Stanney, li l-qassis djoċesan magħruf bħala Mr. Roger Dickenson ġie jgħix f’Winchester. Roger Dickenson kien minn Lincoln, studja f’Rheims, u għal ħafna snin ħadem fid-distrett ta’ Winchester, megħjun minn Milner.

L-ewwel darba li arrestaw lil Roger Dickenson, il-gwardji tiegħu tant sikru li hu rnexxielu jaħrab. Imma meta nqabad it-tieni darba, Milner kien miegħu, u t-tnejn tressqu għall-ġuri, Dickenson għax kien qassis, u Milner għax kien jgħinu.

Waqt il-ġuri, l-imħallef billi bħal speċi ta’ ħenn għal Ralph Milner għax kien xwejjaħ, kif ukoll għax kellu mara u tmien ulied, irrakkomandalu li jkun biżżejjed għalih li jmur jagħmel viżta fi knisja parrokkjali protestanta u jkun meħlus. Imma Milner wieġbu: “Jiġifieri inti tagħtini l-parir li għall-affarijiet li jgħaddu ta’ dil-ħajja tridni nitlef ’l Alla tiegħi? Le, Sire, ma naċċettax.” Iż-żewġt irġiel ġew maqtulin flimkien.

Diversi nisa kienu wkoll ikkundannati għall-mewt talli ħallew lill-Beatu Roger jiċċelebra l-quddiesa f’darhom, iżda s-sentenza tagħhom ġiet mibdula f’daqqa. Huma mbagħad talbu li jitħallew imutu mal-qassis, iżda ġew meħuda lura fil-ħabs.

Iż-żewġ martri Roger Dickenson u Ralph Milner ġew iddikjarati beati mill-Papa Piju XI fl-1929.

Ħsieb: Fl-introduzzjoni tad-Digriet dwar l-Ekumeniżmu “Unitatis Redintegratio” (21 ta’ Novembru, 1964) insibu dan li ġej:

“Wieħed mill-iskopijiet ewlenin tal-Konċilju Mqaddes Vatikan it-Tieni huwa dak illi terġa’ tkun stabbilita l-għaqda fost l-insara kollha. Għaliex Kristu l-Mulej waqqaf Knisja waħda u unika; iżda ħafna komunitajiet insara jippreżentaw irwieħhom quddiem il-bnedmin bħala werrieta tassew ta’ Ġesù Kristu; kollha jistqarru li huma dixxipli tal-Mulej iżda bejniethom ma jaqblux u jgħaddu minn mogħdijiet differenti bħallikieku Kristu nnifsu kien mifrud[1] .Żgur li din il-firda tmur ċar u tond kontra r-rieda ta’ Kristu, hija ta’ skandlu għad-dinja u tagħmel ħsara lill-kawża l-aktar qaddisa li l-Evanġelju jixxandar lill-ħolqien kollu.

Tabilħaqq is-Sid taż-żmien, li b’għerf u b’sabar ikompli jtemm il-pjan tal-grazzja tiegħu għalina midinbin, dan l-aħħar beda jnissel b’kotra akbar fl-insara mifrudin bejniethom is-sobgħa għal din il-qagħda u x-xewqa għall-għaqda. Għadd kbir ta’ bnedmin f’kull imkien tad-dinja ntlaqtu minn din il-grazzja u fost l-aħwa mifrudin minna ngħata bidu wkoll, bl-għajnuna tal-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, għal Moviment, li kuljum qed jikber, biex terġa’ sseħħ l-għaqda ta’ l-insara kollha. F’dan il-Moviment għall-għaqda, li jissejjaħ ekumeniku, jieħdu sehem dawk li jsejħu lil Alla wieħed fi tliet Persuni u jistqarru li Ġesù huwa l-Mulej u s-Salvatur; f’dan il-Moviment jipparteċipaw mhux biss individwi għal rashom iżda wkoll persuni organizzati fi gruppi li fihom huma semgħu l-Evanġelju u li kull wieħed minnhom iqis bħala l-Knisja tiegħu u ta’ Alla. B’danakollu kważi kulħadd, min b’mod u min b’ieħor, jixtieq li jkun hemm knisja ta’ Alla waħda u viżibbli, li tkun tassew universali u li tkun mibgħuta lid-dinja kollha biex id-dinja tikkonverti għall-Evanġelju u ssalva għall-glorja ta’ Alla.

Għalhekk dan il-Konċilju Mqaddes iqis bil-ferħ dan kollu u, wara li diġà iddikjara d-dottrina dwar il-Knisja, imqanqal mix-xewqa li jerġa’ jġib l-għaqda fost id-dixxipli kollha ta’ Kristu, irid jipproponi lill-kattoliċi kollha l-mezzi, il-metodi u l-modi li bihom huma jistgħu jwieġbu għal din is-sejħa u l-grazzja divina.”

Aktar tard fl-istess Dokument, insibu dan:

F’din il-Knisja waħda u unika ta’ Alla, sa mil-bidu tagħha, qamu xi firdiet li l-Appostlu jiddeplora bil-qawwa u jgħid li hu ta’ min jikkundannahom; iżda fis-sekli li ġew wara qamu tilwimiet akbar u xi komunitajiet mhux żgħar infirdu mill-komunjoni sħiħa tal-Knisja kattolika, xi drabi mhux mingħajr ħtija ta’ xi bnedmin minn naħa u minn oħra. Iżda dawk li qegħdin jitwieldu issa f’dawn il-komunitajiet u li jimtlew fihom bil-fidi fi Kristu ma jistgħux ikunu mixlija bid-dnub tal-firda u l-Knisja kattolika tħaddanhom b’qima u bi mħabba tal-aħwa.

Illum, f’ħafna nħawi tad-dinja bl-ispirazzjoni tal-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, qegħdin jittieħdu ħafna inizjattivi, bit-talb, bil-kelma u bil-ħidma, biex tintlaħaq dik il-milja tal-unità li Ġesù Kristu jrid. Għalhekk dan is-Sinodu Mqaddes iħeġġeġ lill-fidili kattoliċi kollha sabiex, fil-waqt li jagħrfu s-sinjali taż-żminijiet, jieħdu sehem bil-ħerqa fil-ħidma ekumenika.

B’moviment ekumeniku nifhmu dawk l-attivitajiet u dawk l-inizjattivi li, skont il-ħtiġiet differenti tal-knisja u l-opportunitajiet taż-żmien, jitqanqlu u huma maħsuba biex iġibu ‘l quddiem l-għaqda tal-insara bħalma huma:

  1. l-ewwel, l-isforzi kollha biex ikunu evitati dawk il-kliem, ġudizzji u għemejjel li ma jirriflettux skont il-ħaqq u s-sewwa l-qagħda tal-aħwa mifrudin u għalhekk jagħmlu iżjed diffiċli r-relazzjonijiet reċiproki.
  2. Imbagħad jiġi d-“djalogu” bejn esperti mħarrġin sewwa, f’laqgħat tal-insara minn diversi Knejjes jew Komunitajiet, li jsiru bi spirtu reliġjuż. F’dan id-djalogu kull wieħed minnhom ifisser iżjed fil-fond it-tagħlim tal-komunità tiegħu u jippreżenta b’mod ċar il-karatteristiċi tagħha. Għaliex b’dan id-djalogu kulħadd jista’ jikseb tagħrif aktar eżatt tat-tagħlim u tal-ħajja reliġjuża ta’ kull waħda mill-komunitajiet u jibda japprezzahom iżjed.
  3. Barra minn hekk dawn il-komunitajiet jaslu għal kollaborazzjoni akbar fil-qadi ta’ dawk id-dmirijiet kollha li titlob kull kuxjenza nisranija għall-ġid komuni; fejn dan huwa permess, huma jinġabru flimkien fit-talb.
  4. Fl-aħħarnett f’dan il-moviment ekumeniku kulħadd jitwassal biex jeżamina ruħu fuq il-fedeltà tiegħu lejn ir-rieda ta’ Kristu dwar il-Knisja u, fejn jenħtieġ, jidħol bl-enerġija kollha għall-ħidma ta’ tiġdid u ta’ riforma.

Din ix-xewqa qaddisa li l-insara kollha jingħaqdu fi Knisja waħda u unika ta’ Kristu jisbqu l-forzi u l-ħila tal-bnedmin. Għalhekk, ejjew inqiegħdu t-tama kollha fit-talb ta’ Kristu għall-Knisja, fl-imħabba tal-Missier għalina, fil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. “U din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna.” (Rumani 5:5)

  • U int kemm timpenja ruħek f’talb għall-għaqda fost l-Insara?

Talba: Beati Roger Dickenson u Ralph Milner, intom immaturajtu u kbirtu fil-fidi Kattolika; itolbu għaż-żgħażagħ insara kollha, ħalli jżommu l-fidi li jkunu rċevew fit-tfulija tagħhom u jservu lill-Mulej fil-ħajja adulta. Għalkemm intom sofrejtu ħafna, saħansitra l-martirju, bqajtu paċenzjużi, imqawwija mill-grazzja ta’ Alla sal-aħħar; itolbu għalina biex fi żminijietna nkomplu nirsistu għall-għaqda fost l-Insara kollha biex il-poplu ta’ Alla jkun ħaġa waħda fi Kristu u sseħħ l-għaqda tal-knejjes kollha taħt Ragħaj wieħed. Ammen.

English Version: https://catholicexchange.com/blessed-ralph-milner-and-roger-dickenson

Alternative Reading: http://www.divine-redeemer-sisters.org/saint-of-the-day/july/7-blessed-ralph-milner-and-roger-dickenson-martyrs

Wikipedia about Ralph Milner: https://en.wikipedia.org/wiki/Ralph_Milner

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started