15 ta’ Ottubru: Santa Tereża ta’ Avila

Verżjoni Vidjo: Santa Tereża ta’ Avila

“Tħalli xejn xi jħawdek, tħalli xejn xi jbeżżgħek. Kollox jgħaddi; Alla biss ma jitbiddilx. Is-sabar jikseb kollox. Min għandu ‘l Alla ma jonqsu xejn. Alla waħdu biżżejjed.” – Santa Tereża ta’ Avila

saint-teresa-avilaSANTA TEREŻA TA’ AVILA (jew TA’ ĠESU’)
Verġni u Duttur tal-Knisja
1515 – 1582

Tagħrif: Santa Tereża twieldet f’Avila, Spanja, fit-28 ta’ Marzu, 1515, għand familja sinjura. Telgħet ta’ natural ħelu u vivaċi.

Meta kellha seba’ snin, hi u ħuha iżgħar minnha, wara li qraw xi ħajjiet ta’ qaddisin martri, ġiethom f’moħħhom li jmorru għall-Missjoni biex imutu martri, iżda ma laħqux tbiegħdu wisq mid-dar meta ltaqgħu ma’ zijuhom u ħadhom lura għand ommhom.

Meta kellha 12-il sena, ommha mietet. Tliet snin wara, oħtha l-kbira li kienet tieħu ħsieb id-dar iżżewġet, u l-missier daħħal lil Tereża mas-sorijiet Agostinjani. Wara sena u nofs, mardet, u kellha tmur lura lejn id-dar. F’dawn is-snin kienet bierda ħafna fir-Reliġjon. Imbagħad f’daqqa waħda fl-1535, iddeċidiet li tidħol Soru mal-Karmelitani li kienu f’Avila. Missierha għall-ewwel ma ridhiex, iżda mbagħad ċeda.

Sena wara li daħlet soru, ipprofessat. Imbagħad ġie fuqha żmien twil ta’ mard, u ta’ nixfa fil-ħajja spiritwali.

Meta missierha kien marid, hi marret iddur bih. Il-mewt tiegħu ġabet bidla ġo fiha għax marret tqerr għand il-konfessur tiegħu u dan ordnalha terġa’ tibda titlob. Issa kienet qrib l-erbgħin.

Imbagħad beda jkollha esperjenzi spiritwali li nafu bihom għax hi niżżlithom b’mod ċar u b’sengħa l-iktar kbira f’kotba li llum huma meqjusa bħala klassiċi spiritwali: l-“Awtobiografija,” “Mixja tal-Perfezzjoni,” u “Il-Kastell Ġewwieni.” Kitbet ukoll diversi ittri.

Fl-1560, ġieha l-ħsieb li tirriforma l-Ordni tagħha, u ġġedded l-awsterità u d-dixxiplina li kellha qabel, u fl-1562, bil-għajnuna ta’ San Pietru ta’ Alkantara, minkejja bosta taħbit u tfixkil, rat l-ewwel erba’ Sorijiet Karmelitani Skalzi jilbsu l-libsa l-ġdida fil-Monasteru l-ġdid ta’ San José, f’Avila. Sitt xhur wara, meta ġieha l-permess, marret tgħix magħhom. Xahar wara, ġiet magħżula biex tkun is-Superjura.

Wara xi snin ta’ ħajja kwieta, bdiet tiftaħ kunventi oħra mxerrdin ma’ Spanja. Fl-1568, bil-għajnuna ta’ San Ġwann tas-Salib waqqfet l-ewwel monasteru tal-Patrijiet. B’kollox hi fetħet 17-il kunvent tas-Sorijiet u 15 tal-Patrijiet.

Santa Tereża ta’ Avila kellha wkoll devozzjoni speċjali lejn il-Patrijarka San Ġużepp. Il-kunventi kollha tal-Patrijiet u tas-Sorijiet Karmelitani Skalzi li hi waqqfet, poġġiethom kollha taħt il-Patroċinju tiegħu. Santa Tereża tikteb hekk: “Jien ħadt b’avukat u patrun tiegħi lill-Glorjuż San Ġużepp, rajt u messejt tassew li l-għajnuna tiegħu hi wisq akbar minn dak kollu li stajt nittama. Kunu devoti b’mod partikolari ta’ San Ġużepp, li għandu wisq qawwa u setgħa quddiem Alla!”

Tħabtet u batiet biex iġġedded l-ispirtu ġenwin Karmelitan skont ir-Regola ta’ Ħajja ta’ Sant’Albert, hekk li sa mewtha fl-1582 rat jinfetħu xejn inqas minn 17-il monasteru tas-sorijiet tagħha. U Alla ried illi f’laqgħa tassew providenzjali mal-patri żagħżugħ Karmelitan, Juan de Yepes, hija tirbaħ għall-kawża tagħha lil dan il-qaddis, hekk li bis-saħħa tiegħu bl-isem ġdid ta’ Ġwann tas-Salib setgħet torganizza r-Riforma tagħha fost il-patrijiet ukoll u sa mewtha tara jinfetħu 15-il kunvent tal-Patrijiet tagħha, li bdew jissejħu Karmelitani Skalzi.

Fl-aħħar vjaġġ tagħha fl-1582, wara li fetħet monasteru f’Burgos, telqet lejn Alba de Tormes. Meta waslet fl-20 ta’ Settembru, kienet għajjiena ħafna u marida, inxteħtet fis-sodda, u mietet ftit ġranet wara, fl-4 ta’ Ottubru.

Fl-1622, il-Papa Girgor XV ikkanonizzaha, u fl-1970, il-Papa Pawlu VI ipproklamaha Duttur tal-Knisja flimkien ma’ Santa Katerina ta’ Siena.

Ħsieb: Tereża għaddiet mill-kriżijiet iebsin tal-mard u tal-bruda spiritwali. Wara din il-kriżi ta’ snin twal fil-ħajja reliġjuża, il-grazzja t’Alla refgħetha u għenitha terġa’ ssib lil Ġesù. Qalbha saret ħuġġieġa waħda ta’ mħabba tremenda għal Ġesù. Kellha diversi dehriet mistiċi u bdiet tintilef f’estasi Fih. Saret tabilħaqq Tereża ta’ Ġesù. Hija kellha żwieġ mistiku ma’ Ġesù u dan f’okkażjoni meta kienet qed tirċievi l-Ewkaristija. L-ispiritwalità ta’ Tereża hi waħda tassew profonda.

Għaliha, l-unjoni ma’ Ġesù hija il-fus ta’ kollox fil-ħajja tan-Nisrani. Araw b’liema reqqa din il-mistika kbira tispjega dan:

Min għandu miegħu lil Ġesù Kristu bħala ħabib u mexxej twajjeb, għal kollox jiflaħ: għax hu jgħinna, iqawwina, qatt ma jonqosna, u hu veru Ħabib sinċier. Jiena naraha ħaġa ċara li, jekk irridu nogħġbu lil Alla u nirċievu grazzji kbar mingħandu, hu jrid iwasslilna kollox permezz tal-Umanità qaddisa ta’ Kristu, li fiha l-Maestà tiegħu qal li jsib l-għaxqa tiegħu.

Bosta drabi dan tgħallimtu bl-esperjenza, u qaluli l-Mulej innifsu. Rajt b’għajnejja stess li minn dan il-Bieb għandna ngħaddu jekk irridu lis-Sultan kbir tagħna jiftħilna beraħ is-sigrieti kbar u għolja tiegħu. Ma għandniex infittxu triq oħra, imqar jekk inkunu lħaqna l-quċċata tal-kontemplazzjoni. Din it-Triq hija żgura. Huwa Sidna Ġesù li minnu u bih jiġina kull ġid: hu jgħallimna. Jekk inħarsu lejn ħajtu, ma nsibux xempju aħjar u aktar perfett li nistgħu nimxu fuqu.

X’neħtieġu aktar milli jkollna magħna ħabib hekk twajjeb li ma jitlaqniex weħidna fit-taħbit u t-tfixkil, kif jagħmlu l-ħbieb tad-dinja? Hieni min iħobbu bil-qalb u tassew, u jżommu dejjem miegħu. Inħarsu lejn il-glorjuż Appostlu San Pawl, li donnu ma kienx jista’ joqgħod bla ma jsemmi ‘l Ġesù b’fommu, hu li kellu dan l-isem miktub u mnaqqax f’qalbu. Meta fhimt dan, stħarriġt bir-reqqa l-ħajja ta’ xi qaddisin li kienu kontemplattivi kbar, bħal San Franġisk, Sant’Antnin ta’ Padova, San Bernard, Santa Katerina ta’ Siena, u sibt li huma ma għaddewx minn triq oħra. Jeħtieġ li aħna nimxu minn din it-triq b’libertà sħiħa, mitluqin għal kollox f’idejn Alla. Ladarba l-Maestà tiegħu għoġbu jdaħħalna fost dawk li huma midħla u fidili tiegħu, inweġbuh minn qalbna.

Kull meta naħsbu fi Kristu, għandna niftakru dejjem b’liema mħabba xerred fuqna tant grazzji u ġid, u kemm hi kbira l-imħabba li wriena Alla meta tana rahan hekk kbir tal-imħabba li għandu għalina: għax l-imħabba tistenna l-imħabba. Mela nagħmlu ħilitna kollha biex dan inżommuh dejjem quddiem għajnejna, u hekk nitħeġġu fl-imħabba. Għax jekk Alla jagħtina darba l-grazzja li din l-imħabba titnaqqax fil-qiegħ ta’ qalbna, kollox isirilna mill-eħfef, u naħdmu ħafna fl-iqsar żmien u bi tbatija ċkejkna.” 

  • U għalik, Ġesù huwa l-Ħabib l-aktar intimu li miegħu tħossok komdu/komda tiftaħ qalbek fit-talb?
  • Tqisu bħala l-Għarus ta’ ruħek hekk li l-hena tiegħek issibu f’li ssir taf dejjem iżjed dwarU, tqatta’ ħin miegħU u titgħallem minnU?
  • F’mumenti ta’ nixfa meta donnu l-Mulej mhux qiegħed miegħek, inti tibqa’ tħobbu u tagħmel atti ta’ fidi Fih? Tibqa’ tafdaH, tittama fiH u tistennieH bħalma l-għarajjes jistennew lil xulxin bil-qalb?

Talba: O Alla, int qanqalt lil Santa Tereża ta’ Ġesù bl-Ispirtu Qaddis tiegħek biex hija turi lill-Knisja t-triq tal-perfezzjoni; agħmel li, fil-ħobż tat-tagħlim tagħha tas-sema, insibu dejjem l-ikel spiritwali tagħna biex nitħeġġu bix-xewqa tal-qdusija tassew. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.coraevans.com/blog/article/the-incredible-life-of-st.-teresa-of-avila

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-teresa-of-avila-625

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Teresa_of_%C3%81vila

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

2 thoughts on “15 ta’ Ottubru: Santa Tereża ta’ Avila”

Leave a comment

Design a site like this with WordPress.com
Get started