11 ta’ Lulju: San Benedittu

Verżjoni Vidjo: San Benedittu

“Benedittu ħalla d-dar u l-ġid ta’ missieru, u, bix-xewqa li jgħix għal Alla waħdu, talab il-libsa mqaddsa reliġjuża, u għex waħdu fil-ġabra quddiem l-Għassies tas-sema. Huwa twarrab minn kulħadd u għażel il-bluha tad-dinja biex jikseb l-għerf ta’ Alla.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Benedittu.

San-Benedetto-1SAN BENEDITTU
Abbati
480 – 547

Tagħrif: San Benedittu twieled f’Norcia, l-Italja, fis-sena 480, minn familja sinjura ħafna, u aktarx li kien tewmi ma’ oħtu, Santa Skolastika.

Huwa mar jistudja f’Ruma, iżda meta ra l-ħajja ħażina madwaru, ħalla kollox u mar jgħix waħdu fuq l-għoljiet ta’ Sabina, xi 65 km bogħod minn Ruma. Hawn iltaqa’ ma’ Romano, patri, li kien jgħix f’għar f’Subiaco, f’ħajja ta’ ġabra u talb. Biż-żmien xi rġiel u żgħażagħ bdew imorru jingħaqdu miegħu, u n-numru tagħhom baqa’ jikber kontinwament tant li sas-sena 525 kien ġa waqqaf tnax-il monasteru f’dawk l-inħawi.

Fis-sena 529 mar fuq Monte Cassino, bejn Napli u Ruma. Hawhekk ukoll ħafna marru jingħaqdu miegħu.

Fis-sena 530 waqqaf il-magħruf monasteru ta’ Monte Cassino. Ir-regola li kiteb għall-patrijiet tiegħu kienet mibnija fuq talb, studju u xogħol, swiet ta’ ġid enormi mhux biss għall-patrijiet iżda għall-Ewropa kollha. Il-monastiċiżmu ta’ San Benedittu ta patrijiet li għenu bis-sħiħ biex inbniet Ewropa ċċivilizzata u nisranija, billi:

  • bnew uħud mill-isbaħ knejjes fl-Ewropa,
  • fetħu ħafna skejjel,
  • għallmu lill-bdiewa jħaddmu l-art,
  • għallmu s-snajja’,
  • ippreservaw ħafna mill-klassiċi Griegi u Rumani,
  • ġabu progress kbir fix-xjenza, fl-arti u fl-agrikultura.

Fuq kollox l-Ordni tiegħu ta lill-Knisja 24 Papa, 4,600 isqof, u aktar minn 5,000 qaddis.

Miet fl-età ta’ 67 sena f’Monte Cassino u difnuh fil-qabar ma’ oħtu Santa Skolastika li kienet mietet xi 40 jum qabel. Il-Papa Pawlu VI fl-24 ta’ Ottubru, 1964 ddikjara lil San Benedittu Patrun prinċipali tal-Ewropa kollha. Diġà Piju XII fl-1947 sejjaħlu missier l-Ewropa.

Aktar dettalji
San Benedittu hu meqjus bħala l-Missier tal-Monastiċiżmu tal-Punent. Ir-regola tiegħu, li hija ta’ influwenza kbira, tiġbor fiha t-tradizzjoni monastika tal-Orjent. Hu addattaha b’għerf u diskrezzjoni għad-dinja latina, u kienet mezz biex tiftaħ triq ġdida għaċ-ċiviltà ewropea wara l-waqfa Rumana. F’din l-iskola ta’ servizz lill-Mulej għandhom rwol determinanti il-qari meditat tal-Kelma t’Alla u t-tifħir liturġiku, alternat b’waqtiet ta’ xogħol fi klima intensa ta’ karità fraterna u ta’ servizz reċiproku.

Din ir-regola hija bbażata fuq l-iskrittura u fuq awturi monastiċi ta’ qablu, San Benedittu saħaq ħafna fuq imħabba personali ħafna għal Kristu u fuq il-għaqal. Biż-żmien nibtu fil-kontinent ewropew u f’bosta gżejjer ċentri ta’ talb, ta’ kultura, ta’ promozzjoni umana, ta’ ospitalità għall-foqra u l-pellegrini. Żewġ sekli wara mewtu, l-għadd ta’ monasteri mmexxija mir-regola tiegħu, jiskorri l-elf. Dan il-Fundatur tal-Monastiċiżmu tal-Punent jixraqlu dawn it-titoli għax permezz ta’ wliedu l-Benedittini rnexxielu jiċċivilizza u jagħmel nisranija parti mmensa mill-Ewropa, mill-Ingilterra sal-Finlandja, minn Franza sal-Polonja u minn Spanja sal-Iskandinavja. (GGC, Avvenire, eċċ.)

Ħsieb: Qari mir-Regola ta’ San Benedittu, abbati bit-titlu ‘Tqiegħdu xejn qabel Kristu’:

“L-ewwelnett, qabel ma tibda xi ħaġa tajba, itlob b’ħerqa kbira lil Alla biex jagħmilha hu, għax wara li għoġbu jilqagħna fost uliedu, ma għandna qatt innikktuh bl-għemil ħażin tagħna. Hu jagħtina ħafna ġid, u jmissna nuruh li dejjem qegħdin ninqdew bih sewwa. Għalhekk inqisu li hu ma jkunx għalina bħal missier inkurlat li se jħalli lil uliedu barra mill-wirt, anqas bħal sid tal-biża’, imbaqbaq għal ħżunitna li se jixħetna fit-telfien ta’ dejjem bħal qaddejja mill-agħar li ma ridux jimxu warajh sal-glorja.

Mela nqumu sa fl-aħħar, l-Iskrittura tqajjimna u tgħidilna: ‘Waslet is-siegħa li intom tqumu min-ngħas. Niftħu għajnejna għad-dawl tas-sema, u b’widnejn mistagħġba nisimgħu lil Alla li kuljum iwissina b’leħen għoli u jgħid:’ “M’hux li kontu llum tisimgħu leħnu: La twebbsux qalbkom;” u: ‘Min għandu widnejn, ħa jisma’ xi jgħid l-Ispirtu lill-Knejjes.’

U xi jgħid? ‘Ejjew, uliedi, isimgħu lili: jiena l-biża’ tal-Mulej ngħallimkom. Ibqgħu miexja sakemm għandkom id-dawl biex id-dlam tal-mewt ma jilħaqkomx.’

Il-Mulej ifittex il-ħaddiem tiegħu f’nofs poplu kotran u jsejjaħ u jgħid: ‘Min hu l-bniedem li jħobb il-ħajja, u jixtieq jara għomru kollu risq?’ Jekk int tisimgħu u twieġbu: “Jiena hu”, Alla jgħidlek: “Jekk tassew trid tgħix għal dejjem, ħares ilsienek mill-ħażen u agħmel it-tajjeb, fittex is-sliem u imxi warajh. Jekk tagħmel dan, għajnejja jkunu lejk, u widnejja miftuħa għall-għajta tiegħek; jekk biss issejjaħli, inwieġbek: Hawn jien.”

Ħuti għeżież, x’hemm aktar ħelu għalina minn din l-għajta tal-istedina tal-Mulej? Araw, fit-tjieba tiegħu l-Mulej jurina t-triq tal-ħajja.

Mela nħażżmu ġenbejna bil-fidi u l-għemejjel tajba, u nissuktaw miexja fit-triq tal-Evanġelju, biex jistħoqqilna naraw lil dak li sejħilkom għas-saltna tiegħu. Jekk irridu nidħlu fl-għamara tas-saltna tiegħu, m’aħniex se naslu jekk ma nħaffux permezz tal-għemejjel tajba.

Bħalma hemm għira ħażina li timla l-qalb bl-imrar, li tifridna minn Alla u twassalna fl-infern, hekk hemm għira tajba li tifridna mill-vizzju u twassalna għand Alla fil-ħajja ta’ dejjem. U l-għira ta’ mħabba l-iżjed imħeġġa li l-irħieb imissu jkollhom hija din: li jżommu wieħed lill-ieħor aqwa minnhom fil-ġieħ; jistabru ħafna b’min hu dgħajjef fil-ġisem u r-ruħ; ifittxu bil-ħerqa li jkunu ubbidjenti; ma jagħmlux kull wieħed li jaqbillu, imma li jaqbel lill-oħrajn; ikollhom imħabba safja bejniethom bħal aħwa; jibżgħu minn Alla bl-imħabba; iħobbu lis-superjur tagħhom b’għożża mill-qalb u umli; u ma jqiegħdu xejn u xejn qabel Kristu, li jwassalna flimkien għall-ħajja ta’ dejjem.”

  • “Itlob u aħdem” kien il-motto ta’ San Benedittu. Int għandek xi motto tiegħek personali? Kemm jekk għandek u kemm jekk m’għandekx, qed tara li t-talb ikollu postu fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum, jiġifieri li jkun hemm ħin matul il-jum li tgħaddih f’għaqda ma’ Alla?

Talba: Qaddis admirabbli u duttur tal-umiltà, li pprattikajt dak li għallimt u li kont titlob b’ħeġġa u mħabba kbira ’l Alla filwaqt li taħdem għall-ġid tal-bnedmin; inti taf bil-perikli li qed iduru madwarna llum, perikli li ħoloq il-bniedem stess, ħarisna minn kull velenu kemm tal-ġisem, kif ukoll tal-moħħ u tar-ruħ, u kun inti tassew l-imbierek għalina lkoll. Ammen. (Talba lil San Benedittu)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://www.saintbenedict.org/saint-benedict/

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-benedict/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Benedict_of_Nursia

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

9 ta’ Frar: Santa Skolastika

Verżjoni Vidjo: Santa Skolastika

“Il-verġni qaddisa talbet lil Alla biex ħuha ma jitlaqhiex; seħħilha taqla’ iżjed mingħand is-Sid ta’ qalbha, għax ħabbitu iżjed. Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa, li l-aħwa jgħammru flimkien!” – Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ Santa Skolastika / Salm 132 (133):1

st-scholasticaSANTA SKOLASTIKA
Verġni
480 – 547

Tagħrif: Santa skolastika twieldet fis-sena 480. Kienet tiġi oħt San Benedittu u x’aktarx tewmija miegħu. Hi kienet ikkonsagrata verġni meta kienet għadha żagħżugħa.

Meta San Benedittu mar Monte Cassino fejn bena l-monasteru famuż tiegħu, Santa Skolastika marret toqgħod xi ħames mili ‘l bogħod minnu, f’Plombariola, qrib Monte Cassino u hemm waqqfet monasteru għas-sorijiet li josservaw ir-Regola ta’ San Benedittu. Saret ukoll badessa (superjura) – aktarx taħt id-direzzjoni ta’ ħuha.

Kienet tmur tiltaqa’ ma’ ħuha darba fis-sena ftit qabel ir-Randan, biex jiddiskutu ħwejjeġ spiritwali u jitolbu flimkien. Billi ma kinetx tista’ tidħol fil-monasteru tiegħu, hu flimkien ma xi patrijiet kien imur jiltaqa’ magħha f’dar fil-qrib.

Papa San Girgor jirrakkonta l-aħħar laqgħa ta’ dawn iż-żewġt aħwa qaddisin li ġrat tlett ijiem qabel il-mewt ta’ Santa Skolastika u ftit ġimgħat qabel dik ta’ San Benedittu. Dan il-qaddis niżel l-għolja Cassino ma’ diversi patrijiet u qagħad ġurnata ma’ oħtu. Filgħaxija huma kielu flimkien u komplew jitkellmu sat-tard. Skolastika talbet lil ħuha biex ma jitlaqhiex, iżda jibqgħu jitkellmu sa filgħodu fuq il-hena tal-ġenna. Imma l-Abbati ħass li kellu jerġa’ lura fil-monasteru biex jgħaddi l-lejl hemm.

Skolastika bdiet titlob u tibki. Santa Skolastika kienet ħasset li ma kinetx ser iddum ħajja, għalhekk talbitu biex jgħaddu l-lejl jitolbu flimkien. Imma hu ma riedx jikser ir-regola tal-monasteru li kien għamel hu stess, u jqatta’ l-lejl barra mill-monasteru. Ġara li qamet tempesta qalila u San Benedittu ma setax joħroġ mid-dar, u hekk kellu jibqa’ d-dar ma’ oħtu. Santa Skolastika qaltlu: “Tlabtek favur u int ċħadthuli; tlabtu lil Alla u Hu tahuli.” San Girgor il-Kbir jikkummenta: “Il-Liġi tal-Imħabba rebħet fuq il-Liġi tal-ġustizzja u d-dixxiplina.”

Tlett ijiem wara, Santa Skolastika mietet fis-sena 547 fl-età ta’ 67 sena, u San Benedittu ra ‘l ruħha bħal ħamiema tittajjar lejn is-sema.

San Benedittu difinha fil-qabar li kien ħejja għalih innifsu, u meta miet hu, ġie midfun ħdejha. San Girgor jikkonkludi: “L-iġsma ta’ dawn it-tnejn qegħdin fil-post tal-mistrieħ flimkien kif fil-ħajja l-erwieħ tagħhom kienu dejjem ħaġa waħda f’Alla.” Hekk it-tewmin reġgħu ngħaqdu wara li waqqfu ż-żewġ friegħi ta’ dak l-Ordni kbir li baqa’ jiffjorixxi għal erbatax-il seklu, u n-numru ta’ Qaddisin li ta lill-Knisja jlaħħaq iktar minn 5,000.

F’Malta għandna żewġ monasteri tas-Sorijiet Benedittini: wieħed fl-Imdina (ara informazzjoni dwar il-Monasteru ta’ San Pietru fl-Imdina) u l-ieħor il-Birgu (ara s-sit dwar il-Monasteru ta’ Santa Skolastika fil-Birgu).

Fil-Kalendarju Universali t-tifkira ta’ Santa Skolastika ssir fl-10 ta’ Frar, iżda f’Malta billi dakinhar niċċelebraw il-festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, u San Pawl hu l-Patrun tagħna l-Maltin, issir fil-jum ta’ qabel.

Ħsieb: Qari mill-ktieb tad-Djalogi tal-Papa San Girgor il-Kbir, bit-titlu ‘Kellha setgħa aqwa, għax ħabbet iżjed’:

“Skolastika, oħt San Benedittu, sa minn ċkunitha kkonsagrat ruħha lil Alla li jista’ kollox. Kellha d-drawwa li darba fis-sena tagħmel żjara lil ħuha, u dan il-bniedem ta’ Alla kien jinżel jilqagħha f’kamra li l-irħieb kellhom barra mill-monasteru mhux ‘il bogħod mill-bieb.

Darba ġiet bħas-soltu, u ħuha ħa miegħu xi dixxipli u niżel jilqagħha. Għaddew il-jum kollu jfaħħru ‘l Alla u jitħaddtu bejniethom fuq ħwejjeġ qaddisa. Meta kien dieħel il-lejl, ħadu xi ħaġa tal-ikel flimkien.

Huma baqgħu jitħaddtu fuq il-ħwejjeġ ta’ Alla, u l-ħin għamel sewwa. Għalhekk dik il-mara qaddisa talbet lil ħuha u qaltlu: ‘Nitolbok biex ma titlaqnix waħdi dal-lejl, imma nibqgħu ngħidu xi ħaġa fuq l-hena tal-ħajja tas-sema sa ma’ jisbaħ.’ Hu weġibha: ‘X’inti tgħid, oħt? Ma jistax ikun li nibqa’ barra miċ-ċella!’

Meta rat li ħuha ċaħdilha t-talba tagħha, dik il-mara qaddisa qiegħdet idejha fuq il-mejda, b’subgħajha ġo xulxin, serrħet rasha fuq idejha, u talbet lil Alla li jista’ kollox. Malli refgħet rasha minn fuq il-mejda, beda jberraq u jriegħed waħda f’waħda u qabdet nieżla xita bil-qliel, hekk li la Benedittu u lanqas ħutu r-reliġjużi li kienu miegħu ma setgħu joħorġu barra mill-kamra fejn kienu bilqiegħda.

Imbagħad ir-raġel ta’ Alla sewwed qalbu u beda jitniehed: u qalilha: ‘Alla li jista’ kollox jaħfirlek, oħt! X’għamilt?’ Hi weġbitu: ‘Tlabt lilek, u ma ridtx tismagħni; tlabt lil Alla tiegħi, u semagħni. Mela issa oħroġ, jekk tista’, ħallini, u erġa’ lura fil-monasteru!’

Iżda hu, li ma riedx jibqa’ hemm minn rajh, kellu jibqa’ bilfors. U hekk ġara li għaddew il-lejl kollu mqajmin, iferrħu ‘l xulxin bi kliemhom fuq il-qdusija tal-ħajja spiritwali.

U xejn m’hu tal-għaġeb li dik il-mara wriet ruħha aqwa minn ħuha; għax ladarba Alla hu mħabba, kif jgħid San Ġwann, nistgħu ngħidu bir-raġun kollu li hi kellha setgħa aqwa, għax ħabbet iżjed.

Ġara mbagħad li, wara tlett ijiem, ir-raġel ta’ Alla kien bilqiegħda fiċ-ċella tiegħu, ħares ‘il barra b’għajnejh ‘il fuq, u lemaħ ir-ruħ ta’ oħtu barra minn ġisimha, tittajjar f’sura ta’ ħamiema u dieħla s-sema. Dik il-glorja kollha tagħha mlietu bil-ferħ, u nfexx irodd ħajr lil Alla li jista’ kollox, b’innijiet ta’ tifħir. Imbagħad bagħat lil ħutu r-reliġjużi biex iġibu l-katavru tagħha fil-monasteru, u difnuh fl-istess qabar li kien ħejja għalih innifsu.

B’hekk ġara li, bħalma l-erwieħ tagħhom kienu dejjem marbutin bejniethom f’Alla, l-iġsma tagħhom ukoll anqas fil-qabar ma nfirdu minn xulxin.’

Regolarment nilmentaw għaliex għandna ħafna x’nagħmlu, li ma nafux mnejn se nibdew u fejn se nispiċċaw, nixtiequ li l-ġurnata fiha aktar minn erbgħa u għoxrin siegħa. Donnu li aktar mat-teknoloġija moderna tipprovdilna għajnuniet biex iħaffulna x-xogħol, aktar insibu x’nagħmlu. U meta kultant jirnexxilna nieħdu vaganza, mhux biss naslu lura aktar għajjiena, imma aktarx insibu li x-xogħol li ħallejna warajna jkollna npattu għalih wara.

Quddiem dan il-paradoss tal-ħajja moderna, xi nisa jħallu dan il-ġenn biex jidħlu jgħixu f’Monasteru, u fuq il-passi ta’ San Benedittu u Santa Skolastika, jagħmlu ħilithom biex iħarsu r-regola monastika ta’ silenzju, ubbidjenza u umiltà, eċċ … Kemm għandha x’tgħidilna din fid-dinja li ngħixu llum!

Fil-mixja tal-ħajja, l-Ispirtu t’Alla jsejjaħ lil min jixtieq. Is-sbuħija tal-persuna tkun ir-rigal għal Alla biex permezz ta’ ħajja dedikata għat-talb, riflessjoni u xogħol komuni fil-monasteru, jagħmlu ħajjithom vokazzjoni li tagħmel sens.

Minkejja t-taħbit u l–impenji tiegħek, nistiednek biex tfittex ftit ħin kuljum ħalli tagħmel ftit ħin ta’ riflessjoni dwar il-valur veru tas-silenzju – mhux bħala ħarba mir-realtajiet tal-ħajja, imma bħal valur nisrani fejn il-bniedem l-ewwel jiskopri tassew lilu nnifsu biex f’dak il-ħin jiskopri wkoll lil Alla.

Talba: O warda sabiħa tal-imħabba Santa Skolastika, inti kont dejjem fidila mal-Għarus Divin tiegħek billi offrejt il-volontà tiegħek kollha Lilu u b’hekk ippurifikajt lil qalbek mill-ħwejjeġ tad-dinja u kebbistha bl-imħabba divina tiegħu.

Aħna u niċċelebraw it-tifkira tal-verġni Santa Skolastika, agħmel, Mulej, li nitgħallmu minnha biex naqduk bi mħabba sħiħa, u hekk ikun jistħoqqilna li tfawwarna bl-hena ta’ mħabbtek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/02/st-scholastica.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-scholastica-143

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Scholastica

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started