28 ta’ Ġunju: San Irinew

Verżjoni Vidjo: San Irinew

“Ma jistax ikun li tgħix mingħajr il-ħajja, u ma hemmx ħajja jekk ma tiġix mingħand Alla, u jkollok il-ħajja mingħand Alla jfisser li tara ’l Alla u tithenna bi tjubitu.” – San Irinew

SOD-0628-SaintIrenaeus-790x480.jpg

SAN IRINEW
Isqof u Martri
130 – 202

Tagħrif: San Irinew wieħed mill-akbar teoloġi tat-tieni seklu, twieled fi Smirna, fil-Friġja (illum Ismir fit-Turkija) fis-sena 130. Hu kellu l-privileġġ li jkun dixxiplu ta’ San Polikarpu li kien ħabib ta’ San Ġwann l-Appostlu.

Fis-sena 154 jew 155 San Irinew mar Ruma flimkien ma’ San Polikarpu. Min Ruma mar Lyon, Franza, fejn kien ġie ordnat saċerdot mill-Isqof ta’ Lyon, San Potinu.

Fis-sena 177, l-Isqof Potinu bagħtu Ruma b’ittra għall-Papa San Elewterju. Sadattant l-Isqof Potinu u numru ta’ Nsara ġew maqtula fil-persekuzzjoni tal-Imperatur Mark Awrelju.

Meta San Irinew reġa’ lura f’Lyon, fis-sena 178, ġie elett Isqof bħala suċċessur ta’ San Potinu.

Fis-sena 190, San Irinew għen biex tinżamm il-paċi bejn il-Papa San Viktor I u l-Isqfijiet tal-Lvant fuq il-kwistjoni tad-data tal-festa tal-Għid.

Madwar is-sena 155, l-istess kwistjoni kienet ġiet ittrattata mill-Papa San Aniċetu u San Polikarpu. Ġiet solvuta għal kollox wara l-Konċilju ta’ Niċea (325), meta l-Knisja tal-Lvant minn rajha bdiet tiċċelebra l-festa tal-Għid bħall-Knisja tal-Punent.

San Irinew kiteb ħafna kontra t-tagħlim qarrieqi ta’ żmienu speċjalment kontra l-Injostiċi. L-iktar xogħol famuż tiegħu hu trattat f’ħames kotba jismu “Adversus Haereses” (Kontra l-Ereżiji).

X’aktarx li miet martri, fi żmien il-persekuzzjoni ta’ Settimu Severu madwar is-sena 202, wara li kien ilu Isqof ta’ Lyon xi 24 sena. Billi San Irinew kien dixxiplu ta’ Polikarpu, u dan kien dixxiplu ta’ San Ġwann Appostlu, id-djoċesi ta’ Lyon għadha sal-lum il-knisja primarzjali ta’ Franza kollha minħabba l-qedem kbir tagħha.

Ħsieb: Dan il-qaddis, imsejjaħ “Missier it-Teoloġija Kattolika,” kien iben familja nisranija li kienet tgħix fl-Asja Minuri (Turkija). Irinew kellu jeħodha kontra l-eretiċi msejħa Njostiċi, li kienu jippretendu li kellhom tagħrif dwar is-salvazzjoni li kien superjuri għal dak li kienet toffri l-ġerarkija tal-Knisja. L-isqof Irinew jispjega li d-duttrina vera nisranija tinsab fl-Iskrittura u t-Tradizzjoni, u jinsisti li t-tradizzjoni appostolika hi miżmuma fis-safa kollha tagħha b’mod speċjali fil-Knisja ta’ Ruma.

Ix-xogħol kbir tiegħu ‘Adversus Haereses,’ ippreservat bil-Latin biss, temm l-injostiċiżmu bħala forza fil-knisja. Hu l-aktar teologu importanti tat-tieni seklu. Permezz tiegħu l-fidi sħiħa u ortodossa tat-tradizzjoni appostolika twasslet għandna bil-kitba.

San Irinew jibqa’ msemmi għall-mod kollu karità li bih kien jittratta l-avversarji tiegħu. Għex tassew it-tifsira ta’ ismu, li bil-Grieg tfisser “iħobb il-paċi.” Ħalla miktub: “M’hemmx Alla mingħajr tjubija.” u “Hu permezz tal-imħabba li l-Verb sar dak li aħna, biex aħna nsiru dak li hu Hu,” u lil dawk li kienu kontrih jiktbilhom: “Aħna noffrulkom idejna b’qalbna kollha, u ma nehdew qatt li noffruhielkom.” Irinew kiteb bil-Grieg; hu jiskuża ruħu li ma kitibx bi stil eleganti, “għaliex,” qal, “aħna qed ngħixu qalb iċ-Ċelti, u kemm hi lingwa stramba din li qed ikollna nitkellmu biha!”

Qari mit-Trattat tal-Isqof San Irinew, “Kontra l-Ereżiji”:

“Id-dija ta’ Alla tagħti l-ħajja; mela dawk li jaraw ‘l Alla jkollhom il-ħajja. Għalhekk Alla, li ma nistgħux nagħrfuh, nifhmuh u narawh, ġie fostna biex narawh, nifhmuh u nagħrfuh. U għalkemm il-kobor tiegħu qatt ma nistgħu naslu biex nagħrfuh, u t-tjieba tiegħu qatt ma nifhmuha, hu proprju minħabba l-kobor u t-tjieba tiegħu li hu juri lilu nnifsu lilna u jagħti l-ħajja lil dawk li jarawh. Ma jistax ikun li tgħix mingħajr il-ħajja, u ma hemmx ħajja jekk ma tiġix mingħand Alla, u jkollok il-ħajja mingħand Alla jfisser li tara ‘l Alla u tithenna bi tjubitu.

Il-bnedmin, mela, biex jgħixu, jridu jaraw ‘l Alla u jekk jaraw ‘l Alla jgħixu għal dejjem u jaslu sa għand Alla. Dan, kif għedtilkom, ħabbruh taħt xbihat il-profeti meta qalu li għad jaraw ‘l Alla dawk li għandhom l-Ispirtu tiegħu, u bla heda jistennew il-miġja tiegħu. Dan jgħid Mosè fid-Dewteronomju: F’dan il-jum naraw li Alla jista’ jkellem lill-bniedem, u dan jibqa’ ħaj.

Lil Alla, li jaħdem kollox f’kulħadd, ħadd mill-ħlejjaq kollha ma’ jista’ jarah jew jifhmu, fil-qawwa u l-kobor tiegħu, għalkemm ma nistgħux ngħidu li ma jistgħux jagħrfuh: permezz tal-Verb tiegħu. Il-ħlejjaq kollha jitgħallmu li wieħed hu Alla l-Missier, li għamel kollox u kollox iżomm sħiħ fl-eżistenza tiegħu, kif insibu miktub fl-Evanġelju: Lil Alla għadu ħadd ma rah, imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, li hu fi ħdan il-Missier.

Mill-bidunett l-Iben għarrafna l-Missier, għax mill-bidu kien mal-Missier: hu, meta ried, fi żmien f’waqtu wassal lill-bnedmin, għall-ġid tagħhom, il-viżjonijiet tal-profeti, kull xorta ta’ kariżmi u grazzji, il-ministeru tiegħu, u s-sebħ ta’ Alla, ħaġa wara l-oħra, b’armonija liema bħalha: għaliex meta ħaġa tiġi wara l-oħra, f’ordni liema bħalu, jkun hemm l-armonija, u fejn hemm l-armonija hemm iż-żmien f’waqtu, u fejn iż-żmien hu f’waqtu hemm il-ġid ta’ kulħadd.

Għalhekk il-Verb qassam lill-bnedmin, għall-ġid tagħhom, id-doni tal-Missier: għalihom għamel dan kollu u wriehom lil Alla. Wera ‘l Alla lill-bnedmin, imma ried li Alla jibqa’ ma jidhirx għall-bnedmin, biex huma ma jaslux biex jistmerru lil Alla, imma jkollhom dejjem lilu għand min imorru; ried li Alla ma jkunx jidher għall-bnedmin, imma wrihulhom permezz tal-ħlejjaq tiegħu, biex il-bniedem ma jkunx għalkollox imċaħħad minn Alla, li ma jasalx biex jgħid li ma hemmx Alla. Hu glorja ta’ Alla l-bniedem ħaj, u hi l-viżjoni ta’ Alla l-ħajja tal-bniedem. Jekk ir-rivelazzjoni ta’ Alla permezz tal-ħolqien kienet biżżejjed biex tagħti l-ħajja lill-ħlejjaq kollha tal-art, kemm aktar ir-rivelazzjoni tal-Missier permezz tal-Verb ma tagħtix il-ħajja lil dawk li jaraw ‘l Alla?”

  • U int, qed tirċievi l-kuraġġ mingħand Alla biex tgħix u tistqarr il-ħajja tal-fidi tiegħek fi Kristu Sidna?

Talba: O Alla, int tajt il-grazzja lill-isqof San Irinew biex iwettaq il-verità tat-tagħlim tal-Knisja u jħabrek sewwa għall-paċi tagħha; agħmel li, bit-talb tiegħu, niġġeddu fil-fidi u fl-imħabba, biex dejjem infittxu li nkunu magħquda qalb waħda bejnietna. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-irenaeus-285

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-irenaeus/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Irenaeus

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

23 ta’ Frar: San Polikarpu

Verżjoni Vidjo: San Polikarpu

“Lill-Anġlu tal-Knisja li hemm fi Żmirna iktiblu hekk: ‘Dan jgħidlek dak li hu l-Ewwel u l-Aħħar, li kien mejjet u reġa’ ħaj: ‘Jiena naf it-taħbit u l-faqar tiegħek għad li inti għani. Ibqa’ fidil sal-mewt, u jiena nagħtik il-kuruna tal-ħajja. Tibżax minn dak li jkollok issofri: ara, id-demonju se jixħet lil xi wħud minnkom fil-ħabs biex iġarrabkom.'” – Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Polikarpu

th2_스미르나의성폴리카르포21.jpgSAN POLIKARPU
Isqof u Martri
59 – 155

Tagħrif: L-atti awtentiċi ta’ dan il-martri famuż kienu miktuba mill-Knisja ta’ Żmirna u huma dokument importanti fl-istorja tal-knisja tal-bidu.

San Polikarpu kien żagħżugħ meta ġie mgħammed minn San Ġwann l-Evanġelista u sar dixxiplu tiegħu f’madwar is-sena 80.

Meta kellu 37 sena, ġie kkonsagrat Isqof ta’ Żmirna, minn San Ġwann stess, probabbilment qabel ma kien eżiljat f’Patmos, fis-sena 96. Polikarpu mexxa l-Knisja ta’ Żmirna għal 70 sena, u fost id-dixxipli tiegħu nsibu lil San Irenew u lill-kittieb Papija.

San Irenew ħalla miktub li San Polikarpu kien jaf personalment lil San Ġwann u lill-oħrajn li kienu raw lill-Mulej.

Waħda mill-avvenimenti kbar f’ħajtu, kienet li f’madwar is-sena 155, meta kellu iktar minn 96 sena, ftit qabel ma miet, mar Ruma biex f’isem il-Knisja tal-Lvant jiddiskuti mal-Papa San Aniċetu, it-twaqqif tal-jum tal-festa tal-Għid il-Kbir, u ddeċidew li ż-żewġ Knejjes jiċċelebraw l-Għid għal rashom, skont l-użanzi rispettivi tagħhom.

Taħt l-imperaturi Lucius Virus u Marcus Aurelius, il-qaddis kien arrestat u meħud quddiem il-prokonslu. San Polikarpu kien miġjub quddiem Kwadratu li kien Prokonslu tal-Asja, u kkundannah għall-mewt billi jaħarquh.

Meta ġie mitlub biex jiċħad lil Ġesù, wieġeb: “Jien ili 86 sena li sirt nafu, ħabbejtu u servejtu, u Hu qatt ma naqasni. Kif nista’ niċħdu issa!”

Talli ma riedx jiċħad lil Kristu, hu kien ikkundannat għall-mewt billi kien mitfugħ fin-nar. L-awturi tal-atti tiegħu, li jgħidu li kienu xhieda ta’ dak li kitbu, isemmu l-fatt li l-fjammi tan-nar ma messewhx, imma ffurmaw bħal arkata fuq rasu. Minħabba f’hekk Polikarpu kien maqtul bix-xabla.

Il-mewt tiegħu ġrat fit-23 ta’ Frar, għall-ħabta tas-sena 166. Ġismu ġie maħruq, imma xi għadam tiegħu nġabar b’devozzjoni mill-Insara u llum jinsab ppreservat fil-knisja ta’ San Ambrogio in Massimo, f’Ruma.

San Polikarpu hu wieħed mill-Padri Appostoliċi. Ir-rakkont tal-martirju tiegħu, l-ittra tiegħu lill-Filippin u l-ittra li San Injazju ta’ Antjokja kitiblu, huma fost l-aktar dokumenti prezzjużi tal-knisja bikrija.

Ħsieb: Qari minn Ittra tal-Knisja ta’ Żmirna fuq il-martirju ta’ San Polikarpu:

“Meta kollox kien imħejji għall-ħuġġieġa, Polikarpu neża’ ħwejġu, ħall il-ħżiem, u għamel kif seta’ biex ineħħi wkoll il-qorq minn riġlejh, ħaġa li ma kienx jagħmilha qabel, għax l-Insara kollha kienu dejjem bl-imħatra bejniethom min jersaq lejh u jmissu l-ewwel; għax, sa minn qabel ma ħa l-martirju, kien bniedem imżejjen b’kull tjieba minħabba l-qdusija ta’ ħajtu.

Fejn kien qiegħed issa, kellu madwaru dak kollu li kien tħejja għall-ħuġġieġa. Resqu fuqu, u riedu jsammruh bl-imsiemer, iżda hu qalilhom: ‘Ħalluni hekk; min tani l-grazzja li mmut maħruq, jgħinni wkoll biex nibqa’ fin-nar b’qalbi fis-sliem, bla ma jkun hemm għalfejn issammruni.’ Għalhekk ma waħħluhx bl-imsiemer, imma rabtuh biss.

Tahom idejh wara dahru, u rabtuh. Kien qisu barri sabiħ mill-merħla l-kbira lest għas-sagrifiċċju, bħal vittma li togħġob imħejjija għal Alla. Refa’ għajnejh ‘il fuq lejn is-sema, u qal:

‘Mulej Alla li tista’ kollox, Missier ta’ Ġesù Kristu, Ibnek l-għażiż u l-imbierek li ġie fostna u għarrafna min int, inti Alla tal-anġli u tal-qawwiet, Alla tal-ħlejjaq kollha u tal-ġusti kollha li jgħixu quddiemek. Tkun imbierek, Mulej, għax inti għoġbok li llum, f’din is-siegħa, flimkien mal-martri nieħu sehem fil-kalċi ta’ Kristu Ibnek, biex bl-Ispirtu s-Santu nikseb il-qawmien tar-ruħ u l-ġisem għall-ħajja ta’ dejjem li ma titħassarx. Ilqagħni magħhom illum quddiemek, bħal sagrifiċċju ta’ offerta sabiħa li togħġbok, kif inti stess ħejjejtu, kif urejtni sa minn qabel li kellu jsir u issa qiegħed tagħmel li jseħħ, o Alla tas-sewwa li ebda gidba ma hemm fik. Għalhekk infaħħrek, imbierkek u nigglorifikak għal dak kollu li għamilt miegħi, b’Ibnek il-għażiż Ġesù Kristu, ir-ragħaj etern tagħna mis-sema; permezz tiegħu, tingħata glorja lilek, miegħu u mal-Ispirtu s-Santu, issa u għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.’

Wara l-‘Ammen’ li biha għalaq it-talba, taw in-nar lill-ħuġġieġa. Kif in-nar beda jikber u jogħla, rajna quddiemna dehra tal-għaġeb. Alla żammna sa dak il-ħin biex nistgħu naraw dik id-dehra u ngħidu lill-oħrajn b’kulma ġara. Għax in-nar infetaħ qisu ark, u sar donnu l-qlugħ ta’ dgħajsa fir-riħ, bil-ġisem tal-martri f’nofsu. U kif kien hekk fin-nofs, kont tistħajlu mhux laħam mixwi, imma ħobża misjura, jew bħal deheb u fidda jleqqu fil-forġa. U riħa tassew tfuħ li xammejna kienet qisha inċens jew xi fwieħa prezzjuża.

‘Missier … jien imbierkek, talli ħaqqni din il-ġurnata u din is-siegħa.’

  • U inti, lest/a tibqa’ leali lejn Ġesù f’kull ċirkustanza ta’ ħajtek, anki jekk ikollok iġġarrab xi forma ta’ martirju mingħand dawk li jagħmlulek il-ħajja diffiċli għax inti ta’ Kristu?

Talba: Alla tal-ħolqien kollu, li għoġbok tagħti lill-Isqof San Polikarpu post qalb il-martri, agħtina li bl-interċessjoni tiegħu li waqt li naqsmu miegħu fil-kalċi ta’ Kristu, aħna nqumu għall-ħajja eterna bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu. Mulej, in-nar ta’ mħabbtek mela l-martri San Polikarpu bil-kuraġġ. Il-Vanġelu neħħielu kull biża’ tal-mewt. Agħti l-poplu tiegħek il-grazzja li jħobb bħal ma ħabb hu, li jgħix bħal ma għex hu, u li jmut għall-fidi. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/st-polycarp-of-smyrna.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-polycarp-of-smyrna-156

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Polycarp

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started