30 ta’ Ottubru: Beatu Duminku Collins

Verżjoni Vidjo: Beatu Duminku Collins

“Inżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna; hu li, flok l-hena li kellu quddiemu, qagħad għas-salib bla xejn ma qies l-għajb tiegħu, u issa qiegħed fuq in-naħa tal-lemin tat-tron ta’ Alla.” – Lhud 12:2

collins-51IL-BEATU DUMINKU COLLINS
Fra Ġiżwita u Martri
1566 – 1602

Tagħrif: Twieled fl-1566 minn familja kattolika, f’Youghal, Cork, l-Irlanda. Kemm missieru u wara ħuh kienu s-sindku tal-belt. Aktarx attenda l-iskola tal-Ġiżwiti.

Fl-1583, salpa lejn Franza. Hemmhekk daħal fl-armata kattolika tad-duka Mercoeur u biż-żmien sar gvernatur militari. Biż-żmien ġie trasferit għal Spanja.

Fl-1598, iltaqa’ ma’ Ġiżwita Irlandiż li ġie biex iqarar lis-suldati fir-Randan. Duminku wrieh ix-xewqa li jidħol ġiżwita. Ma tantx għamillu kuraġġ minħabba l-livell ta’ studju, imma Dumink wieġeb li għalih kien biżżejjed li jidħol bħala Fra.

Baqa’ jirsisti għaliex għall-ewwel il-Ġiżwiti ma ridux jaċċettawh. Fl-aħħar beda n-novizzjat f’Santiago De Compostela.

Faqqgħet il-pesta u Fra Collins wera qlubija kbira, dar mal-vittmi, morda u l-moribondi.

Fl-1601, reġa’ lura l-Irlanda flimkien ma’ ġiżwita ieħor, biex jagħti l-għajnuna lis-suldati waqt il-gwerra mal-Ingliżi. Sab ruħu assedjat flimkien ma’ 143 suldat f’kastell żgħir għal diversi xhur. Hawn reġa’ mill-ġdid wera kuraġġ kbir idur mal-feruti u dawk moribondi. Saħansitra pprova jagħti lilu nnifsu bħala ostaġġ sabiex jieqaf il-ġlied, imma kien kollu għalxejn.

Fl-aħħar żammewh priġunier flimkien ma’ tnejn oħra u l-oħrajn nqatlu kollha. Kien interrogat f’Cork. Sofra terturi liema bħalhom biex jippruvaw jibdlulu fehmtu u jipperswaduh isir protestant. Saħansitra anke membri mill-familja tiegħu qalulu jagħmilha tabirruħu dar biex jeħles il-martirju, imma Duminku baqa’ ma ċediex.

Fil-31 ta’ Ottubru 1602, libes il-libsa ta’ ġiżwita, għaddewh mit-toroq ta’ beltu għall-post tal-eżekuzzjoni. Tkellem bil-ħeġġa mal-folla bl-Irlandiż, l-Ingliż u l-Ispanjol. Qalilhom li kien ferħan li kien reġa’ lura l-Irlanda biex jiddefendi l-fidi Kattolika. Huwa ġie mgħallaq quddiem folla emozzjonata għall-aħħar. Bil-lejl xi Kattoliċi tal-belt, ħadu l-ġisem tiegħu u difnuh f’post sigriet.

Mal-ewwel beda jissejjaħ venerabbli u l-fama tiegħu nxterdet mal-Irlanda u l-Ewropa. Ħafna mirakli ġew attribwiti bl-interċessjoni tiegħu.

Il-Beatu Papa Ġwanni Pawlu II bbeatifikah fl-1992. Huwa wieħed mill-aktar beati popolari fl-Irlanda.

Ħsieb: Il-Beatu Duminku Collins huwa mfakkar l-aktar għall-mod kif żamm sod u kostanti fil-fidi tiegħu sal-aħħar. Għalkemm il-libertà u l-avvanz ġew imqiegħda quddiemu, hu għażel li “joqgħod għas-salib, bla xejn ma qies l-għajb tiegħu” (Lhud 12:2). Kienet fidi soda tassew dik tiegħu!

Mhux biss, imma l-fidi tiegħu kienet kawża ta’ ferħ kbir f’qalbu li spikka fil-ħin tal-martirju. It-tbissima tiegħu waqt dawk il-mumenti tal-aħħar, impressjonat mhux ftit lil min kien preżenti. Kien għalhekk li wieħed mix-xhieda stqarr li dik kienet tbissima li hu kien ikollu fuq fommu li kieku kien sejjer għal xi ikla tajba u mhux għall-qatla! Duminku Collins, minn naħa tiegħu stqarr li kien lest li jieħu l-martirju għal ħafna drabi oħra, dejjem bl-istess attitudni. Imma minn fejn ġietu din il-fidi tal-azzar? U aħna kif nistgħu nikbru fil-fidi fqajra tagħna?

Il-fidi hi bħal pjanta li rridu nieħdu ħsiebha. Iħawwilha Alla fil-Magħmudija, ikabbruha dawk ta’ madwarna bit-tagħlim u l-eżempju tagħhom, imma meta nsiru adulti, huwa aħna li rridu:

  • nkomplu nsaqquha bit-talb u l-Qari tal-Kelma t’Alla,
  • inneħħulha l-ħaxix ħażin li jibker magħha billi nqaċċtu minn ħajjitna d-drawwiet ħżiena,
  • nagħtuha l-fertilizzant bl-għemejjel tajba li nagħmlu u
  • nesponuha għall-ilma, l-arja u d-dawl permezz tas-Sagramenti tal-Qrar u t-Tqarbin.

Bniedem ta’ fidi, xi kultant iġib ruħu b’mod li kważi lanqas jitwemmen. Ix-xhieda skantaw b’Duminku Collins għax kien bħal donnu ‘frisk bħal ħassa’ riesaq biex jieħu l-martirju! Dan minħabba l-fiduċja tiegħu f’Alla, fiduċja bħal tat-tfal ċkejknin li jiddependu għal kollox fuq il-ġenituri tagħhom jew fuq min jieħu ħsiebhom.

Infatti, jekk infittxu fl-Iskrittura kollha ma nsibux passaġġ wieħed li hu wieħed, fejn Alla jgħidilna u jikkmandana biex ninkwetaw! Anzi Kristu nnifsu jtenni b’ħerqa kbira l-kelma: “Tinkwetawx …” (Mattew 6:25). It-tfal żgħar jinkwetaw bħall-kbar? Le tassew! Mela wara li nkunu qed nagħmlu ħilitna kollha, sa fejn jiddependi minna li nagħmlu,
għaliex għandna nibqgħu ninkwetaw?

L-inkwiet hu mxebbah ma’ min qed juża rocking chair – qed jiċċaqlaq imma mhu se jwasslek għal imkien, iħallik fl-istess post, taħli l-enerġija mentali għal xejn u bla ma jirnexxielek tbiddel xejn.

Hi biss l-azzjoni kollha mħabba ta’ Alla li tista’ tagħtik raġuni biex tibqa’ titbissem. Ma’ Alla, dejjem se noħorġu rebbieħa, b’mod speċjali la nkunu nsaltnu miegħu fil-glorja. Għalhekk, din it-tip ta’ tbissima tiġi naturali bla ma jkollok bżonn tagħmel sforz fuqek innifsek minn barra. Jekk inti tkun mimli/ja bit-tjubija ta’ Alla minn ġewwa, allura ħadd qatt ma jista’ joħodlok din it-tbissima minn fuq wiċċek!

  • U int, kif qed tkabbar il-fidi tiegħek?
  • Kemm tagħmel ħiltek biex tirbaħ l-inkwiet bil-fiduċja f’Alla?
  • Min jagħmilha miegħek, jista’ jgħid li t-tbissima fuq fommok tixhed il-fidi u l-fiduċja li għandek f’Alla, irrelevanti ċ-ċirkustanzi li tkun għaddej/ja minnhom?

Talba: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox,  Int tajtna eżempju ta’ kuraġġ meraviljuż fil-martri tiegħek il-Beatu Duminku Collins u sħabu. Għall-ferħ li ġie mqiegħed quddiemhom, huma sofrew is-salib, bla xejn ma qiesu l-għajb tiegħu. Agħtina permezz tat-talb tagħhom li, filwaqt li nibqgħu fidili lejn il-kmandamenti tiegħek, aħna wkoll inkunu nistgħu inġibu l-għaqda u l-paċi kull fejn inkunu. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.catholicireland.net/saintoftheday/blessed-dominic-collins-1566-1602-irish-martyr-jesuit-brother/

Alternative Reading: https://www.catholicireland.net/saintoftheday/decisions-decisions-blessed-collins-sj/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Dominic_Collins

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Leave a comment

Design a site like this with WordPress.com
Get started