16 ta’ Lulju: Il-Verġni Mqaddsa Marija tal-Karmelu

Verżjoni Vidjo: Il-Verġni Mqaddsa Marija tal-Karmelu

“B’tifkira ta’ ġieħ kbir, niċċelebraw din il-festa ta’ Marija, il-Verġni glorjuża, li l-Mulej ħares lejn iċ-ċokon tagħha. Mat-tħabbira ta’ l-anġlu, hija nisslet lis-Salvatur tad-dinja. Nagħtu glorja lil Kristu f’din il-festa qaddisa tal-kbira Omm Alla.” ~ Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa tal-Verġni Mqaddsa Marija tal-Karmelu.

91flLDEXeCL._SY550_

IL-VERĠNI MQADDSA MARIJA TAL-KARMELU

Tagħrif: Il-Profeta Elija tela’ fuq l-għolja tal-Karmelu, il-Palestina, biex jitlob għax-xita għax l-art kienet niexfa qoxqox. F’daqqa waħda ra sħaba żgħira tielgħa mill-baħar. Wara, is-sema nkesa bis-sħab, u niżlet xita qawwija. (1 Slaten 18)

Fit-tnax-il seklu, Eremiti nsara marru jgħixu ħajja ta’ talb u ġabra fuq din l-għolja.

Huma xebbhu dik is-sħaba żgħira li kien ra Elija mal-Madonna, Omm Alla, li ġabet il-ħajja vera fid-dinja li kienet mejta. Bdew jonoraw lill-Madonna b’titlu ġdid, il-Madonna tal-għolja tal-Karmelu, u waqqfu Ordni ddedikat prinċipalment għal ħajja kontemplattiva taħt il-patroċinju tal-Madonna. Illum insibuh bl-isem tal-Ordni tal-Karmelitani.

F’dan l-istess jum niċċelebraw il-festa tal-Labtu tal-Madonna tal-Karmelu. Hemm tradizzjoni li tgħid li fis-16 ta’ Lulju 1251, il-Madonna dehret lil San Xmun Stock li kien is-sitt superjur Ġenerali tal-Karmelitani, f’Cambridge, l-Ingilterra, u wrietu l-labtu, u wegħdet grazzji speċjali għal kull min jilbsu.

Il-Papa Benedittu XIII fis-sena 1726, estenda l-festa tal-Madonna tal-Karmelu fis-16 ta’ Lulju, mal-Knisja kollha.

Aktar dettalji
L-għolja msejħa ‘Karmel’ li bil-Lhudi tfisser ‘ġnien’ hi miżgħuda bis-siġar u kienet post favorit fejn fis-seklu 9 Q.K. kien jirtira l-profeta San Elija għall-kwiet biex jgħix f’ħajja ta’ talb u penitenza. Il-muntanja tal-Karmelu kienet ix-xena tar-rebħa tal-Profeta Elija fuq il-qassisin pagani ta’ Baal.

L-ewwel Karmelitani kienu eremiti li marru jgħixu fuq din l-istess muntanja. L-ewwel superjur tagħhom kien San Bertoldu li miet fl-1195. Għat-talba ta’ San Brokardu, li laħaq flok San Bertoldu, San Albert minn Verċelli, patrijarka latin ta’ Ġerusalemm, tahom ir-Regola. Daħlu mbagħad fl-Ewropa, fejn ġew approvati bħala ordni mendikanti mill-Papa Innoċenż IV fl-1247. Meta l-kruċjati ġew megħluba f’Ġerusalemm, ħafna mill-eremiti emigraw lejn l-Ewropa u ġew organizzati mill-ġdid fuq il-linja tal-patrijiet mendikanti. Imma l-ordni sab ħafna diffikultajiet u oppożizzjoni.

Skont it-tradizzjoni Karmelitana, kien propju waqt dan iż-żmien ta’ tiġrib, li l-Verġni mbierka dehret lis-superjur ġenerali San Xmun Stock, fis-16 ta’ Lulju 1251, u tagħtu l-labtu tal-ordni bħala sinjal tal-protezzjoni tagħha u bħala sinjal speċjali tal-imħabba tagħha lejn l-ordni. Il-Karmelitani xerrdu din id-devozzjoni fis-sekli ta’ wara speċjalment billi żdiedu magħhom nies lajċi permezz tal-labtu kannella u li l-insara jilbsu b’devozzjoni lejn il-Madonna biex tħarishom fil-perikli tar-ruħ u tal-ġisem, u fl-istess ħin ifisser sinjal tal-konsagrazzjoni tagħhom lil Marija.

Din il-festa ġiet imdaħħla fil-Kalendarju Universali mill-Papa Dumnikan Benedittu XIII fl-1726. Tfakkarna li l-veri devoti ta’ Marija, li mhux biss jilbsu l-labtu Mqaddes tal-Karmnu, imma wkoll jgħixu kif trid Marija, ma jistgħux jintilfu. Il-Madonna tal-Karmnu hija wkoll protettriċi speċjali tal-erwieħ tal-purgatorju. Barra minn hekk, fl-1914, ġiet magħżula patruna tal-Bolivja, u fl-1923, Patruna taċ-Ċili. Ċentru importanti ta’ din id-devozzjoni huwa l-kunvent u l-Knisja ta’ Aylesford, fid-djoċesi ta’ Southward l-Ingilterra, mhux bogħod minn Londra, tal-Patrijiet Karmelitani.

Fuq il-muntanja tal-Karmelu, il-Karmelitani bnew knisja b’qima lil Marija, li hija santwarju l-iktar għażiż u devot. Tinsab illum għand il-Karmelitani Skalzi, u kienu l-patrijiet maltin li kellhom sehem mill-ikbar fir-restawr tagħha. Difatti l-pittura kollha hi xogħol Fra Luigi Poggi, Karmelitan Skalz malti li miet fl-1952.

Diversi parroċċi u knejjes f’Malta huma ddedikati lill-Madonna taħt it-titlu tal-Karmnu, fosthom is-santwarju għażiż tal-belt fejn tiġi ċċelebrata l-festa tagħha b’solennità kbira u li għaliha jattendu ħafna nies mid-diversi bliet u rħula ta’ Malta u Ghawdex. Bħal-lum taħbat it-tmintax u l-aħħar dehra tal-Madonna ġewwa Lourdes, li seħħet fis-16 ta’ Lulju, 1858.

Ħsieb: Kliem il-Beatu Titu Brandsma, f’R. Valabeck, Maria e noi portatori di Dio:

“Marija hija dik li hi: midjuna bħalna lejn il-grazzja u t-tjubija ta’ Alla. Hija ħaġa ċara li l-grazzja ġiet riservata għaliha b’dispożizzjoni speċjali ta’ Alla; iżda hija wieġbet għaliha mingħajr l-iċken riserva. Min-naħa tagħha, hija ħallietha taħkimha għal kollox. Marija fetħet qalbha għal Alla. Huwa ammira l-għotja totali tagħha u ngħata għal kollox lilha.

Irridu nkunu lkoll ħaġa waħda ma’ Kristu. Irridu nilqgħu lil Kristu f’qalbna, li minflok, kif sikwit wisq jiġri, tinfetaħ pjuttost ħażin għaż-żjara tiegħu. Marija, bil-maqlub, ingħatat kollha kemm hi lil Alla sa mill-ewwel snin ta’ ħajjitha. Minn meta telgħet fit-tempju, ħajjitha kollha ma kinitx ħaġ’oħra għajr servizz bla waqfien, offerta bla heda lil Alla, u għalhekk qalbha baqgħet dejjem miftuħa għalih.”

Skont Rupertu ta’ Deutz:

“Il-mara tissimbolizza l-Knisja Mqaddsa … Jingħad tajjeb ‘imlibbsa bix-xemx’, għaliex fil-wegħda rċeviet lil Kristu, tassew xemx tal-ġustizzja, il-qamar huwa ‘taħt riġlejha’, għaliex it-tlellix tal-ġid tad-dinja huwa taħt it-tmexxija tagħha. L-iben tal-mara, jiġifieri l-iben tal-Knisja, tal-mara Verġni Marija, kien meħud għand Alla u sat-tron tiegħu u minn hemm fuq, meta jħares hawn isfel, jidħak bl-irjus kollha tad-dragun, hekk kif qal l-Ispirtu s-Santu fis-salm: “Dak li hu fis-smewwiet jidħak bihom, il-Mulej biċ-ċajt jeħodhom, imbagħad ikellimhom bil-herra, bil-qilla tiegħu jkexkixhom: ‘Għax jien għamiltu s-sultan tiegħi.’” 

“Marija xxerred il-grazzi tagħha fuq dawk kollha li jirrikorru lejha.” ~ San Alfons ta’ Liguori

“Il-Missier Etern jitgħaxxaq iħares lejn il-qalb tal-Imqaddsa Verġni Marija … bħala l-kapulavur ta’ jdejh … L-Iben jitpaxxa fiha bħala l-qalb ta’ Omm, l-għajn li minnha ħa d-demm li salvana …” ~ S.Ġwann Marie Vianney

U dan kliem il-Qaddis Papa Ġwann Pawlu II:

“L-eżempju ta’ Marija jgħin lill-Knisja tapprezza aħjar il-valur tas-silenzju. Is-silenzju ta’ Marija ma kienx biss moderazzjoni fid-diskors, iżda b’mod speċjali, kapaċità għaqlija, biex tiftakar u tħaddan, b’ħarsa waħda ta’ fidi, il-misteru tal-Verb magħmul bniedem u l-ġrajjiet kollha tiegħu fid-dinja. Huwa f’dan is-silenzju bħala l-aċċettazzjoni tal-kelma, din l-abbiltà biex timmedita fuq il-misteru ta’ Kristu, li Marija twassal lill-insara kollha. F’dinja storbjuża mimlija b’kull xorta ta’ messaġġi, ix-xhieda tagħha tgħinna napprezzaw dak is-silenzju mogħni bi spiritwalità u jkabbar l-ispirtu kontemplattiv.”

O Marija, jien mhux biss fil-perikli, fid-dubji, fid-diffikultajiet, naħseb fik u nsejjaħlek. Insejjaħlek issa u dejjem. Nagħmel hekk għax inħobbok. Int tinsab f’qalbi, u ismek spiss fuq xofftejja. Minn qiegħ qalbi nsellimlek, infaħħrek u ntennilek: Is-sliem għalik Marija, mimlija bil-grazzja.

Talba: Fjur tal-Karmelu, dielja bil-frott mogħnija, dija tas-sema, int waħdek fix-xbubija, b’ġieħ t’omm tiftaħar! Omm l-iżjed ħelwa, li ġmielek qatt ma ttebba’, magħna, ħniena int uri u mħabba, O kewkba tal-baħar!

Agħmel, Mulej, li l-Verġni glorjuża Marija tidħol għalina quddiemek bit-talb qawwi tagħha, u tibqa’ dejjem tħarisna, biex naslu għand dak li hu l-muntanja vera tagħna: Ibnek Ġesù Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/resources/mary/popular-marian-devotions/our-lady-of-mount-carmel

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/our-lady-of-mount-carmel/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Our_Lady_of_Mount_Carmel

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar din il-Festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

17 ta’ Frar: Is-Seba’ Fundaturi tal-Ordni tas-Serviti ta’ Marija

Verżjoni Vidjo: Is-Seba’ Fundaturi tal-Ordni tas-Serviti ta’ Marija

“Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa li l-aħwa jgħammru flimkien!” – Salm 133:1 u Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa tas-Seba’ Fundaturi tal-Ordni tas-Serviti ta’ Marija.

The Madonna with the Seven Founders of the Servite OrderIS-SEBA’ QADDISIN FUNDATURI TAS-SERVITI TA’ MARIJA
Seklu XII

Tagħrif: Dawn il-qaddisin kienu negozjanti tad-drapp f’Firenze li, għall-ħabta tas-sena 1233, waqt li belthom kienet għaddejja minn żmien ta’ ġlied imdemmi bejn l-aħwa, ħallew il-familji tagħhom u ġidhom u bdew jgħixu ħajja ta’ faqar fid-distrett ta’ Cafaggio.

Huma libsu l-abitu griż tal-Aħwa tal-Penitenza, konfraternità ta’ lajċi li tagħha kienu membri, u ddedikaw ruħhom għat-talb, penitenzi u għemejjel ta’ ħniena.

Wara ftit taż-żmien, xi wħud minnhom bdew jgħixu ħajja waħedhom fuq il-Muntanja Senario, xi dsatax-il kilometru ’l bogħod minn Firenze. Meta d-dumnikan qaddis Pietru ta’ Verona, ipprietka f’Firenze matul l-Avvent u r-Randan tas-snin 1244-45, is-seba’ sħab għenuh jorganizza s-Soċjetà ta’ Marija, għaqda ta’ lajċi, filwaqt li hu għen lill-aħwa biex jifformaw komunità reliġjuża, waħda li tinkludi kemm l-eremiti fuq il-muntanja Senario kif ukoll il-grupp ta’ appostolat f’Cafaggio.

Huma sejħu lilhom infushom “Servi ta’ Marija” għax kien hemm kappella tal-Madonna fiż-żewġ postijiet. Dawn is-serviti adottaw ir-regola ta’ Santu Wistin u ħadu l-abitu iswed b’devozzjoni lejn id-Duluri tal-Madonna.

Is-seba’ fundaturi kienu dawn:

  • Bonfiglio (gwida tal-grupp lajk u wara prijur tal-komunità ġdida);
  • Bonagiunta, (prijur bejn l-1256 u l-1257);
  • Manetto (li waqqaf l-ewwel fundazzjonijiet fi Franza);
  • Amadio (ir-ruħ tal-grupp);
  • Sostegno u Uguccione (ħbieb magħhom); u
  • Alessju (ziju ta’ Santa Ġuljana).

Ruma kienet għarfet il-kontribut tagħhom iżda kellhom jgħaddu mas-sittin sena, jiġifieri fis-sena 1304 li s-Santa Sede tathom l-għarfien uffiċjali. Dawn is-Seba’ Fundaturi tas-Servi ta’ Marija ġew ikkanonizzati flimkien fl-1888, mill-Papa Ljun XIII.

Jinsabu kollha midfunin flimkien f’Monte Senario, fuq l-altar li sar mill-Kardinal Alessio Enrico Maria Lepicier, tal-istess ordni, li kien żar Malta u Għawdex u nkuruna lill-Madonna ta’ Pinu bħala legat tal-Papa fl-1935.

Is-Serviti ta’ Marija għamlu ‘l fuq minn mitt sena fil-paroċċa ta’ Stella Maris, Sliema.

Ħsieb: Dawn is-seba’ Servi ta’ Marija ddedikaw ruħhom għat-talb, penitenzi u għemejjel ta’ ħniena. Ftit snin wara li waqqfu l-ordni, il-persuni li ngħaqdu magħha kienu jgħoddu 10,000. Dan kien attribut għall-ħidma li wettqu u ż-żelu li wrew. Il-mexxej tagħhom kien Buonfiglio Monaldo li kien l-akbar wieħed fiż-żmien. Il-kappillan tal-Laudesi, Giacomo Poggibonsi, bniedem ta’ qdusija, kien id-direttur spiritwali tagħhom.

Imma kif beda kollox? Kollox beda f’nhar l-Assunta, meta waqt li kienu miġburin jitolbu flimkien kellhom dehra tal-Madonna u qatgħuha li jirrinunzjaw għad-dinja u jinxteħtu taħt il-protezzjoni tagħha. Tlieta minnhom kienu ċelebi, tnejn romol u t-tnejn l-oħra miżżewġin. Ir-romol u l-miżżewġin riedu jaraw kif se jirranġaw mal-familji li kienu jiddependu minnhom. Minn hawn u minn hemm instab mezz kif id-dipendenti tagħhom jkunu sostnuti fil-bżonnijiet materjali tal-ħajja u bil-kunsens ta’ qrabathom setgħu jingħataw għas-sejħa l-ġdida li kienet ġiethom. L-isqof għenhom ħafna u tlieta u għoxrin jum wara li kienu ġew imsejħin daħlu fid-dar imsejħa La Carmarzia barra minn Firenze.

Din is-sejħa għal ħajja ta’ kontemplazzjoni u ċaħda b’kuntrast mal-ħajja libertina ta’ Firenze u l-madwar, ġibdet l-ammirazzjoni tal-poplu. Ta’ kuljum in-nies kienet tmur f’La Carmarzia biex tkellem lil dawn l-irġiel twajba. Għalhekk huma qatgħuha li jitbiegħdu mill-belt u jmorru fuq Monte Senario, ħdax-il mil ’il barra minn Firenze, fejn bnew knisja sempliċi u eremitaġġ u bdew jgħixu ħajja ta’ awsterità.

Nhar it-13 t’April, 1240, kellhom dehra tal-Verġni Mbierka li ridithom jilbsu l-abitu iswed b’għelm tad-Duluri tagħha f’riġlejn is-Salib ta’ binha. Talbithom ukoll jintrabtu bir-Regola ta’ Santu Wistin u li jissejħu s-‘Serviti ta’ Marija.’ Fuq ix-xewqa tal-isqof, kollha barra Fratell Alexis, aktar tard irċevew l-Ordni Sagri . L-Ordni ħadet il-bixra aktar ta’ Ordni Mendikanti u hija l-ħames waħda ta’ din ix-xorta fil-Knisja.

Tul ħajjithom, is-Serviti tal-bidu raw l-Ordni tiftaħ Djar f’diversi pajjiżi barranin. F’ħamsin sena l-għadd tal-imseħbin laħaq l-10,000 u sal-bidu tas-seklu 14 kellhom ’il fuq minn 100 monasteru b’missjonijiet ukoll fi Kreta u l-Indja. Aktar tard twaqqfet ukoll is-Sekond Ordni ta’ sorijiet klawstrali u Terz Ordni b’ħidma ta’ karità u edukazzjoni imwaqqfa minn Santa Ġuljana Falconieri.

L-aħħar wieħed li miet, u l-iktar wieħed li għex fosthom kien il-Fratell Alessju Falconieri, meta kellu 110 snin, fis-17 ta’ Frar, 1310. Il-fdalijiet tagħhom jinsabu meqjumin f’qabar wieħed fil-knisja tal-monasteru f’Monte Senario.

  • Min jaf li kieku inti, bħal dawn is-seba’ żgħażagħ issib ħin matul il-jum biex tinġabar f’post għall-kwiet biex tingħaqad f’aktar intimità ma’ Alla fit-talb?
  • Min jaf li kieku t-talb u l-penitenza tagħmilhom l-iskop tal-ħajja tiegħek hi ta’ liema stat hi?
  • Min jaf li kieku inti wkoll tkabbar id-devozzjoni tiegħek lejn il-Verġni Mbierka Marija u lejn is-seba’ duluri tagħha li kienet waħda mid-devozzjonijiet ta’ dawn l-aħwa qaddisa?

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Talba: Agħtina, Mulej, it-tjieba tar-ruħ tal-aħwa qaddisa li llum qegħdin infakkru, li kellhom devozzjoni tal-għaġeb lejn l-Omm qaddisa ta’ Alla, u ħabirku biex iressqu lejk il-poplu tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/seven-founders-of-servite-order.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/seven-founders-of-the-servite-order/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Servite_Order

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Il-maġġoranza tal-Ħsieb huwa kitba ta’ Joe Fenech li dehret fl-Leħen is-Sewwa.

Design a site like this with WordPress.com
Get started