Verżjoni Vidjo: San Charbel Makhlouf
“Jalla San Charbel Makhlouf jagħtina li nifhmu, f’dinja li l-aktar affaxxinata mill-ġid u l-kumdità, il-valur kbir tal-faqar, tal-penitenza u tal-axxettika, biex neħilsu lil ruħna hi hu togħla lejn Alla.” – Kliem li qal il-Papa Pawlu VI fil-Beatifikazzjoni ta’ San Charbel Makhlouf
SAN CHARBEL MAKHLOUF
Saċerdot
1828 – 1898
Tagħrif: Dan il-qaddis eremit modern twieled fit-8 ta’ Mejju, 1828 f’Biqa-Kafra, fuq il-muntanji għoljin fit-tramuntana tal-Lebanon. Kien jismu Ġużeppi u kien l-aħħar iben minn ħamsa ta’ familja maronita ta’ bdiewa foqra ħafna iżda reliġjużi għall-aħħar. Tilef lil missieru żgħir u beda jieħu ħsiebu zijuh.
Minn tfulitu wera ġibda qawwija għat-talb u għas-solitudni u meta għalaq it-23 sena, huwa ħalla d-dar minkejja d-dispjaċir ta’ niesu biex imur jgħix fil-monasteru ta’ San Maroun f’Annaya. Meta ġie aċċettat fin-novizzjat, tawh l-isem ta’ Charbel għal wieħed martri tal-ewwel sekli.
Wara li tgħallem sewwa t-teoloġija fis-seminarji tal-ordni tiegħu, Charbel kien ordnat saċerdot fit-23 ta’ Lulju, 1859 ta’ 31 sena, u kien assenjat il-monasteru ta’ San Maroun, fejn għadda 16-il sena jitħarreġ fil-virtujiet monastiċi. Huwa kien iservi bil-qalb lill-oħrajn tant li ħadd ma kien jaf x’jippreferi, ħlief affarijiet bħas-solitudni, tgħakkis u ubbidjenza.
In-nies kienu jmorru għandu b’kunfidenza kbira. Fl-1875 kiseb il-permess tas-superjuri tiegħu li jirtira fl-eremitaġġ ta’ San Pietru u San Pawl mhux wisq ‘il bogħod mill-monasteru. Dan kien jintuża mill-irħieb biex jgħaddu xi jiem ta’ rtir fil-kwiet. F’dan il-monasteru-eremitaġġ hu għadda l-bqija tat-23 sena ta’ ħajtu jitħarreġ f’ħajja ta’ tgħakkis aħrax.
Sħabu jgħidu li hu kien jilbes iċ-ċilizzji (hair-shirt), isawwat ‘il ġismu, jorqod għall-qiegħa tal-art, u jiekol darba biss kuljum mill-fdal li kienu jħallu sħabu. Kellu devozzjoni kbira lejn l-Ewkaristija u preferenza li jqaddes kuljum fil-11.00 a.m. biex ikun jista’ jgħaddi kważi l-għodwa kollha bi tħejjija u l-bqija tal-ġurnata f’ringrazzjament.
Jum wieħed, wara li kien tqarben bid-demm prezzjuż fil-quddiesa, Charbel tah attakk għall-għarrieda, ittieħed fiċ-ċella tiegħu, fejn miet tmint ijiem wara, lejlet il-Milied fl-24 ta’ Diċembru, 1898. Kellu 70 sena. Difnuh fiċ-ċimiterju tal-monasteru fejn ħafna rħieb qaddisa oħra kienu ndifnu qablu. Skont id-drawwa tal-monasteru, ġismu, li ma kienx ibbalzmat, ġie mlibbes l-abiti sħaħ tal-ordni u mqiegħed bla tebut fil-qabar.
Aktarx li kien jintesa li kieku ma kienx għall-fenomenu li seħħ fuq qabru meta dawl straordinarju dawwar il-qabar tiegħu għal 45 lejl li ġew wara d-difna. Minħabba f’dan il-prodiġju, l-awtoritajiet tal-monasteru, bil-permess tal-awtoritajiet ekklesjastiċi, ħasbu biex jaqalgħu l-qabar. Dan seħħ erba’ xhur wara mewtu. Il-qabar infetaħ quddiem għadd kbir ta’ nies ta’ kull xorta, u nstab li ġismu baqa’ f’kundizzjoni perfetta, minkejja x-xita li kemm-il darba għarrqet iċ-ċimiterju tal-monasteru minn mindu kien midfun. Il-ġisem instab jgħum fil-wiċċ fuq it-tajn f’qabar mimli ilma.
Wara li l-ġisem ġie mnaddaf, u mlibbes mill-ġdid, tqiegħed f’tebut tal-injam u mqiegħed f’rokna fil-kappella privata tal-monasteru. Għeġubijiet oħra baqgħu jsiru anki wara din l-eżumazzjoni, fost dawn ħafna fejqan ukoll.
Huwa ġie bbeatifikat mill-Beatu Papa Pawlu VI fil-5 ta’ Diċembru, 1965, u ddikjarat qaddis mill-istess Papa fid-9 ta’ Ottubru, 1977.
Ħsieb: Dan huwa parti mid-diskors li għamel il-Papa Pawl VI f’jum il-kanonizzazzjoni ta’ San Charbel Makhlouf:
“Illum, qed infakkru iben il-Libanu, Charbel Makhlouf: bniedem singulari, artiġjan paradossali tal-paċi, li fittixha ‘l bogħod mid-dinja, f’Alla biss, li Fih kien mitluf, bħal wieħed fis-sakra. Imma l-lampa tiegħu, mixgħula fil-quċċata tal-muntanja tal-eremitaġġ fejn kien jgħix, fl-aħħar seklu, iddiet b’dija dejjem akbar, u malajr sar magħruf għall-qdusija tiegħu.
Iċ-ċavetta għal din il-ħajja apparentement stramba li għex Charbel Makhlouf hija t-tfittxija għall-qdusija, jiġifieri:
- l-aktar konformità perfetta ta’ Kristu umli u fqir,
- il-kollokju kważi mingħajr interruzzjoni mal-Mulej,
- il-parteċipazzjoni personali fis-sagrifiċċju ta’ Kristu b’ċelebrazzjoni ferventi tal-Quddiesa u
- bil-penitenza rigoruża tiegħu flimkien mall-interċessjoni għall-midinbin.
Fil-qosor, it-tfittxija bla heda għal Alla biss, li hija partikulari għall-ħajja monastika, aċċentwata mis-solitudni tal-ħajja ermetika.
Il-Knisja għandha bżonn ta’ nies li jippritkaw il-Vanġelu, imma teħtieġ wkoll nies li joffru lilhom infushom bħala vittmi għas-salvazzjoni tad-dinja, f’interċessjoni għall-poplu, bħal Mosè fuq il-muntanji. L-istil ta’ ħajja ta’ dawn ir-reliġjużi patrijiet eremiti bħal San Charbel Makhlouf, mhix proposta għal kulħadd, imma ejjew imbierku lill-Mulej talli tana lil dan il-qaddis biex jerġa’ jqajjem il-forzi tal-Knisja bl-eżempju u bit-talb tiegħu.
Jalla dan il-qaddis ġdid ikompli jeżerċita l-influwenza prodiġja tiegħu, mhux biss fil-Libanu, iżda fil-Lvant u fil-Knisja kollha! Ħa jidħol għalina, midinbin imsejkna, għall-pajjiż għażiż tal-Libanu, u jgħinu jegħleb id-diffikultajiet li għaddej minnhom fil-preżent, biex ifejjaq il-feriti li għadhom hemm, ħalli jimxi bit-tama! Ħa jkun San Charbel Makhlouf li jsostnina u jiggwidana fit-triq it-tajba! Jalla dawlu jiddi fuqna u jgħaqqad lill-bnedmin f’għaqda bejniethom u jqarribhom lejn Alla, li hu issa jikkontempla fil-hena dejjiema! Ammen!”
- U inti, b’liema mod qed tkun tixbah lil Kristu umli u fqir?
- Qed tagħti importanza vitali għall-kollokju tiegħek mal-Mulej bit-talb?
- Kemm tipparteċipa b’devozzjoni u ta’ spiss fis-sagrifiċċju ta’ Kristu fil-Quddiesa?
- Tagħmel xi forom ta’ penitenza?
- Tinterċedi għall-midinbin biex dawn ma jibqgħux mitlufa għal dejjem?
- Il-ħajja tiegħek qed tkun ta’ dawl għal dawk ta’ madwarek?
Talba: Għażiż San Charbel Makhlouf, int li int magħruf bħala “l-qaddis fis-sakra f’Alla,” interċedi għalina biex aħna wkoll, bħalek, nagħrfu nagħżlu dak li huwa l-essenzjal fil-ħajja, jiġifieri l-qdusija tagħna u ta’ ħutna, hekk li ma norbtux qalbna ma’ persuni jew affarijiet materjali li jistgħu jieħdu post Alla f’qalbna jew ibegħduna milli nwettqu r-rieda tiegħu f’ħajjitna. Bi Kristu Sidna. Ammen.
English Version: https://www.familyofsaintsharbel.org/biography.html
Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-charbel-makhlouf-534
Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Charbel_Makhlouf
Film of Saint Charbel (with English subtitles):
Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.