12 ta’ Settembru: L-Isem tal-Imqaddsa Verġni Marija

Verżjoni Vidjo: L-Isem tal-Imqaddsa Verġni Marija

“Imbagħad fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David. Dix-xebba kien jisimha Marija.” – (Luqa 1: 26-28)

le_saint_nom_de_marieL-ISEM TAL-IMQADDSA VERĠNI MARIJA

Tagħrif: Skont drawwa Lhudija, il-ġenituri ta’ Marija tawha isimha tmint ijiem wara t-twelid tagħha. Huwa għalhekk li l-festa tal-Isem Imqaddes ta’ Marija ssir wara dik tat-twelid tagħha. Il-festa oriġinat fi Spanja u kienet approvata mis-Santa Sede fl-1513. Il-Papa Innoċent XI estenda din il-festa lill-Knisja kollha fl-1683 wara li r-Re tal-Polonja, Ġwanni Sobieski ħareġ rebbieħ fuq it-Torok fit-12 ta’ Settembru, 1683. Din il-ġurnata kienet iċċelebrata fi Vjenna.

Minn żmien San Ġeremija sas-seklu sittax, l-isem ta’ Marija kien interpretat f’diversi forom, l-aktar popolari kien, ‘Stella Maris,’ il-Kewkba tal-Baħar. Fi żmien ir-Rinaxximent permezz ta’ studju Lhudi, saret kritika assenjata mal-ismijiet mogħtija lill-Verġni Marija, bil-ħsieb li tingħata stima aktar qawwija. Miryãm deher li kien l-isem ġenwin bil-Lhudi, u ma nstabet l-ebda raġuni valida, li permezz ta’ dan l-isem Lhudi titbaxxa l-awtorità sovrana tagħha. Għalhekk Marija tieħu l-virtù tas-sovranità mingħand Binha li għandu l-awtorità bħala Sid id-dinja. Bħal ma ngħidu li Ġesù hu l-Mulej, hekk ukoll insejħu lil Marija, ‘Is-Sinjura Tagħna.’ Kull darba li nlissnu l-isem tagħha naffermaw il-qawwa tagħha, nitolbu l-għajnuna tagħha u npoġġu lilna nfusna taħt il-protezzjoni tagħha.

X’jgħidu l-qaddisin fuq l-isem tal-Imqaddsa Verġni Marija:

  • “L-Isem ta’ Marija fih il-leqqitur tal-virtujiet, id-dawl ħelu tal-modestja u s-sagrifiċċju li jogħġob lil Alla. Huwa s-sinjal tal-ospitalità u ċ-ċentru tal-qdusija.” ~ San Franġisk Saverju
  • “Imberkin dawk li jgħożżu l-Isem ta’ Marija. L-għajnuna tagħha żżommhom fis-siegħa tal-prova u huma jġibu l-frott tas-salvazzjoni.” ~ Sant’Antnin ta’ Padova
  • “M’hemmx isem ieħor, wara dak tal-Iben, kemm fil-ġenna kif ukoll fl-art, minn fejn imħuħ devoti qalgħu daqshekk grazzji, tama u ħlewwa, mill-isem tal-Verġni Marija.” ~ Abbati Francone
  • “Tkun kemm tkun il-qalb iebsa u b’nuqqas ta’ fiduċja, l-isem tal-Imqaddsa Verġni Marija għandu tant qawwa, li jekk biss jingħad, dik il-qalb tirtab.” ~ Beatu Rajmondu Jordano
  • “L-isem tiegħek, O Omm Alla, hu mimli bil-grazzji u l-barkiet divini.” ~ San Metodju
  • “L-isem tiegħek, O Marija, ma jistax jitlissen mingħajr ma jaqla’ xi grazzja lil dak li jkun semma’ dan l-isem bl-akbar devozzjoni.” ~ San Bonaventura
  • “M’hemm l-ebda qawwa f’isem, lanqas hemm xi isem ieħor mogħti lill-bniedem, wara dak ta’ Ġesù, li minnu ħarġet is-salvazzjoni tal-bnedmin, daqs l-isem ta’ Marija … li d-devozzjoni lejn dan l-isem ħlejju u qaddis twassal għall-abbundanza ta’ grazzji f’din il-ħajja, u glorja qawwija għall-ħajja li jmiss.” ~ San Rikardu ta’ San Lawrenz
  • “O Marija, agħmel li ismek ikun dejjem miegħi fil-perikli, fid-dwejjaq, kif ukoll fil-ferħ.” ~ Sant’Anselmu

ĦsiebSan Ġwann Battista De La Salle (Med. 164, l-1 punt) jgħid hekk dwar din il-festa tal-lum:

“Illum il-Knisja tiċċelebra l-festa tal-isem imbierek u mqaddes tal-Madonna biex tgħallimna kemm hu utli u ta’ benefiċċju għalina li ninvokaw l-isem tagħha fil-ħajja tagħna, b’mod speċjali f’mumenti tal-aktar bżonn. L-isem ta’ Marija, li bih nonoraw lill-Verġni Mbierka, ifisser ‘Kewkba tal-Baħar.’ San Bernard, jgħidilna li dan l-isem jmur tajjeb ħafna mal-persuna tal-Madonna, għaliex hija tabilħaqq l-istilla li ddawwalna, tiggwidana, u twassalna sal-port mixtieq, fost il-maltemp ta’ din il-ħajja.

Din il-Verġni mqaddsa, jgħid l-istess qaddis, hija għalina l-istilla li telgħet minn Ġakobb, li r-raġġ tagħha, li hu Ġesù Kristu, idawwal id-dinja kollha, għax hi nislitu fil-ġuf verġinali tagħha bħal stilla li tibgħat ir-raġġi safja tagħha u ddawwal id-dinja kollha, kif jispjega San Bernard, wara dak li nsibu fl-Evanġelju ta’ San Ġwann. Marija hi din l-istilla safja u brillanti, jgħid San Bernard, li tiddi fuq dan il-baħar kbir u spazjuż, bid-dawl tal-merti tagħha, u tilluminana bl-eżempju tagħha.

Huwa mingħajr dubju, li inti għandek bżonn tad-dawl f’ħajtek, fejn kontinwament qed titqabad f’baħar fil-maltemp, bir-riskju li ma’ ssalvax! Għalhekk, irrikorri għand Marija. Hi ddawwlek u tgħinek tagħraf ir-rieda t’Alla għalik, għaliex hi magħquda mal-istess dawl ta’ Ġesù Kristu, Binha, li ġie fid-dinja biex idawwal lil kulħadd (anke jekk ħafna ma għarfuhx). Marija hija d-dawl jiddi fid-dlam. Għalhekk għandek titlobha spiss, biex hija ddawwal lil moħħok u tagħmel li inti tilqa’ l-Verità. Peress li hija taf il-Verità sħiħa b’mod perfett, huwa faċli għaliha li twasslek għal din il-Verità u tfissirlek, int li tinsab fid-dlam, dak li ma tistax tifhem waħdek.”

Jgħidilna wkoll:

“It-triq li trid timxi fiha f’din il-ħajja tant hi perikoluża, li għandek bżonn gwida biex tgħaddi minnha fost ħafna perikli. Ma jistax ikollok gwida aqwa mill-Verġni Mqaddsa, għax hija l-aktar pura minn ġewwa u minn barra, għax il-qaddisin isejħulha t-teżoriera tal-grazzji li Alla ta lilha biex hi taqsamhom magħna, u għaliex hija taf it-toroq kollha u l-mezzi biex iżżommok fiż-żgur f’nofs il-perikli li tiltaqa’ magħhom. Din hija r-raġuni għaliex huwa l-iktar vantaġġuż għalik li tħalli lilek innifsek tiġi ggwidat/a minnha, għaliex, kif jgħid San Bernard, meta nimxu warajha, ma nistgħux nintilfu; meta naħsbu fuqha, ma nistgħux nitbiegħdu mit-triq it-tajba; meta nitolbu lilha, ma nistgħu qatt niddispraw għax ma naslux fil-post mixtieq; meta hi tipproteġina, aħna ma nibżgħu minn xejn, u meta hija tiggwidana, qatt ma naqtgħu qalbna.

Fil-perikli u fil-mogħdijiet dojoq u perikolużi, aħseb f’Marija. Invoka l-isem mqaddes tagħha, u f’daqqa waħda ssib faraġ u ħelsien fil-problemi kollha tiegħek. Oh, kemm tkun hieni, jekk tiddedika lilek innifsek lill-Verġni Mbierka, u jkollok rikors faċli għall-isem imqaddes tagħha u b’din l-invokazzjoni tkun fiż-żgur f’nofs il-problemi kollha ta’ dan il-vjaġġ daqshekk diffiċli!

  • Kemm jien devot tassew ta’ din l-Omm tiegħi tas-Sema?
  • Min jaf li kieku nikkonsagra lili nnifsi lilha u nħalliha ddawwalli t-triq li twassalni għal għand Binha fil-ġenna?
  • Min jaf li kieku nfittex nitgħallem dwar kif nista’ ngħix ta’ binha/bintha, hekk li jkun tassew jixraqli Omm bħal din?

Jekk tixtieq tkun taf kif tista’ tħejji ruħek biex tgħix hekk tassew, nistiednek iżżur is-sit Malti, li fih it-Trattat ta’ San Alwiġi De Montfort fuq id-Devozzjoni vera lejn Marija u kif wieħed jista’ jagħmel l-att ta’ konsagrazzjoni u l-benefiċċji tagħha, Talb, l-Uffiċċju tal-Madonna, Vidjows u ħafna aktar … Tista’ tmur għalih billi tagħfas fuq din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/

Talba: O Alla li tista’ kollox, int tilqa’ bil-qalb lill-qaddejja tiegħek li bil-ħerqa jpoġġu lilhom infushom taħt id-dell tal-isem u tal-protezzjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija, agħtina, li bl-interċessjoni tagħha kollha mħabba għalina, aħna nkunu mħarsa mill-perikli u l-ħażen ta’ din id-dinja, hekk li naslu fil-ferħ tas-sema magħkom. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://www.themostholyrosary.com/appendix8.htm

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/The_Most_Holy_Name_of_the_Blessed_Virgin_Mary

Additional Reading: http://catholicstraightanswers.com/what-is-the-origin-of-the-feast-of-the-most-holy-name-of-mary-september-12th/

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Leave a comment

Design a site like this with WordPress.com
Get started