22 ta’ Ottubru: San Ġwanni Pawlu II

Verżjoni Vidjo: San Ġwanni Pawlu II

“Tibżgħux tiftħu qalbkom beraħ għal Kristu!” – San Ġwanni Pawlu II

st_andre_John-paul_IISAN ĠWANNI PAWLU II
Papa
1920 – 2005

Tagħrif: Karol Jozef Wojtyla twieled Wadowice, il-Polonja fit-18 ta’ Mejju, 1920. Kien l-iżgħar minn tlett itfal. Ommu Emilja mietet meta kellu 8 snin, waqt li kienet qed twelled lil oħtu Olga, li mietet ukoll. Ħuh Edmund, li kien 14-il sena ikbar minnu, sar tabib, imma mbagħad miet bl-iskarlatina. Bħala tifel kien iħobb ħafna l-atletika, kien anke f’tim tal-futbol. Kien iħobb ukoll il-palk u kien jieħu sehem f’diversi reċti – speċjalment meta kien Krakow – ma’ grupp ta’ żgħażagħ oħra, il-biċċa l-kbira tagħhom Lhud.

Fl-1938, Karol u missieru telqu minn Wadowice għal Krakow. Hemm daħal fl-Università tal-post jistudja, il-lingwi fost suġġetti oħra. Tgħallem 12-il lingwa. Waqt dak iż-żmien kellu ta’ bilfors jieħu sehem f’taħriġ tal-armata. Fl-1939, il-Ġermanja invadiet lill-Polonja u ngħalqet l-Università. Bejn l-1940 u l-1944, Karol kellu jagħmel diversi xogħlijiet, fosthom fil-barrieri u f’fabbrika tal-kimiċi. Fl-1940, missieru miet b’attakk tal-qalb waqt li Karol kien xogħol, b’hekk hu safa’ waħdu, mingħajr ebda membru tal-familja, ta’ 20 sena.

Fl-1942, beda l-istudju tiegħu għas-saċerdozju fis-seminarju ta’ taħt l-art. Fis-17 ta’ Jannar 1945, il-Ġermaniżi ħarbu mill-belt ta’ Krakow u b’hekk is-seminaristi komplew l-istudji tagħhom fis-seminarju nofsu mġarraf. Kien ordnat saċerdot fl-1 ta’ Novembru, 1946. Kompla jistudja Ruma fejn ħa d-dottorat fit-Teoloġija. Id-dottorat fil-filosofija ħadu aktar tard fl-Università ta’ Krakow.

Fl-1948, reġa’ lura l-Polonja, jagħmel appostolat f’parroċċa qrib Krakow. Fl-1949, mar jgħallem fl-Università ta’ Krakow. Hawn beda jlaqqa’ grupp soċjo-reliġjuż, ta’ żgħażagħ, li kien popolari ħafna. Fit-13 ta’ Ottubru, 1964 kien ordnat arċisqof ta’ Krakow u fis-26 ta’ Ġunju 1967, kardinal. Bħala kardinal kien instrumentali biex issir l-Enċiklika Humanae Vitae.

F’Ottubru tal-1978, wara l-mewt tal-Papa Pawlu VI, imbagħad ta’ Ġwanni Pawlu I, li l-pontifikat tiegħu dam 33 ġurnata biss, Kardinal Karol Wojtyla kien elett Papa. Kellu 58 sena, u ħa l-isem ta’ Ġwanni Pawlu II. Kien inawgurat Papa fit-22 ta’ Ottubru. Poġġa l-ħidma tiegħu taħt il-patroċinju ta’ Ommna Marija Santissima ‘Totus Tuus.

Il-pontifikat tiegħu kien it-tieni l-iżjed twil fl-istorja tal-papiet. Għamel taqlib kbir. Żar 129 pajjiż. Ibbeatifika 1,340 persuna u kkanonizza 483 qaddis. Kiteb 14-il enċiklika. Ħadem ħafna għall-għaqda tal-knejjes. Kellu sehem kbir biex jinqered il-komuniżmu. Il-motto tiegħu kien s-sejħa universali għall-qdusija. “Tibżgħux tiftħu qalbkom beraħ għal Kristu,” kienet waħda mill-frażijiet popolari tiegħu. Waqqaf il-Jum Dinji għaż-Żgħażagħ.

Fit-13 ta’ Mejju, 1981 ippruvaw jassasinaw lill-Papa Ġwanni Pawlu II fi pjazza San Pietru. Kif ġie konxju l-isptar mill-ewwel qal li kien għadu ħaj bl-interċessjoni ta’ Sidtna Marija ta’ Fatima. Bl-umiltà kollha mar iżur ‘l-assassin il-ħabs u tah il-maħfra. Fl-1995, Ġwanni Pawlu reġa’ kien fil-mira, din id-darba tal-Al-Qaeda, fil-Filippini.

Fl-2001, beda jsofri bil-marda tal-Parkinsons u minkejja t-tbatijiet tiegħu kompla jaqdi dmiru sal-aħħar. Miet fit-2 ta’ April, 2005. Fis-19 ta’ Diċembru, 2009 sar venerabbli u l-Papa suċċessur tiegħu, Benedittu XVI, ibbeatifikah fl-1 ta’ Mejju, 2011. Fis-27 ta’ April 2014, dakinhar ukoll Festa tal-Ħniena Divina, kien iddikjarat qaddis fi Pjazza San Pietru minn Papa Franġisku.

Ħsieb: Fl-omelija tal-Beatifikazzjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu II, il-Papa Benedittu XVI semma s-sofferenza u l-fidi qawwija u ġeneruża li hu dejjem wera, saħħa ta’ ġgant li kienet ġejja minn Alla sabiex biddel soċjetà, kulturi kif ukoll sistemi politiċi u ekonomiċi. Semma kif sitt snin qabel, malli tħabbret il-mewt tiegħu, diġà kienu bdew is-sejħiet għall-beatifikazzjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu II u qal li dan il-jum fl-aħħar wasal. Semma lill-Verġni Marija li Ġwanni Pawlu dejjem afda lilu nnifsu għal kollox f’idejha, u din kienet raġuni oħra għaliex intgħażel l-ewwel Ħadd tax-xahar Marjan barra għax il-Ħadd tal-Ħniena Divina. Il-miraklu li wassal għall-kanonizzazzjoni tiegħu kien dak ta’ Floribeth Mora, mara mill-Kosta Rika li fieqet minn anewriżma ċelebrali bl-interċessjoni ta’ Ġwanni Pawlu II ftit wara l-beatifikazzjoni tiegħu. Dan kien approvat fit-2 ta’ Lulju, 2013 u kkonfermat minn Papa Franġisku jumejn wara.

Dan huwa diskors tal-Papa Ġwanni Pawlu II dwar l-ewwel żjara tiegħu f’Malta fl-Udjenza tal-Erbgħa, 30 ta’ Mejju, 1990:

“Minkejja ċ-ċokon tagħha, Malta hija pajjiż b’importanza internazzjonali kbira. Il-qagħda ġeografika tagħha iffavoriet il-laqgħa ta’ kulturi u idjomi differenti. Illum ukoll Malta għadha tħaddan din il-vokazzjoni ta’ medjazzjoni fost il-ġnus tal-baħar Mediterran kollu. Nittama li hija tagħraf tissokta f’din il-missjoni naturali tagħha, mingħajr ma tirrinunzja għall-patrimonju prezzjuż ta’ valuri li kisbet mill-ġenerazzjonijiet li għaddew.

Filwaqt li kont qed nerġa’ lura lejn Ruma, bqajt inħoss profondament l-impressjonijiet li ħadt waqt iż-żjara; fuq ix-xtut ta’ dik il-gżira kien niżel San Pawl; hemmhekk kien inkiteb kapitlu importanti tal-istorja tal-Knisja, li f’Jum l-Għid il-Ħamsin wriet ruħha lid-dinja kollha bħala l-Poplu ta’ Alla, imwieled mis-Salib u mill-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu, u li qiegħed jimxi t-triqat ta’ din l-art fil-qawwa tal-Ispirtu.”

U din hija silta mid-diskors tal-aħħar messaġġ tat-tluq fl-Ajruport, (9 ta’ Mejju, 2001) ta’ Ġwanni Pawlu II qabel ħalla Malta fit-tieni żjara tiegħu:

“Malta qiegħda fiċ-ċentru tal-Mediterran. Għalhekk intkom għandkom vokazzjoni unika biex tibnu pontijiet bejn l-popli tal-Mediterran, bejn l-Afrika u l-Ewropa. Il-futur tal-paċi fid-dinja jiddependi fuq it-tisħiħ tad-djalogu u ftehim bejn kulturi u reliġjonijiet. Komplu fit-tradizzjoni tagħkom ta’ ospitalità, u komplu fl-impenn tagħkom nazzjonali u internazzjonali fl-interess tal-ħelsien, ġustizzja u paċi.

…. Jiena xtaqt li nħeġġeġ lil dawk li kollha ta’ rieda tajba biex jiddefendu l-ħajja, biex jġibu ‘l quddiem ir-rispett lejn id-dinjità ta’ kull bniedem, biex iħarsu l-familja minn tant theddid tallum, biex jgħinu lill-foqra u l-isfruttati tad-dinja, u biex jaħdmu għall-ordni internazzjonali mibni fuq ir-rispett għall-liġi u fuq is-solidarjetà  ma’ dawk inqas ixxurtjati. Dan huwa wkoll ix-xogħol u l-ideal li nħallilkom, maħbub poplu ta’ Malta.

Fl-Atti tal-Appostli, San Luqa jikteb li l-Maltin “urew ġieħ kbir [lil San Pawl u sħabu], u meta [ġew] biex jitilqu, għabbew fuq il-ġifen kull ma [kienu jeħtieġu]” (Atti 28:10). Spiritwalment jiena kelli din l-istess esperjenza u ser nitlaq infaħħar ‘l Alla f’qalbi għalikom ilkoll.”

Mhux li kien li nieħdu kliemu u tagħlimu bis-serjetà u napplikawh fil-ħajja tagħna, kieku aħna wkoll inbiddlu l-istorja tad-dinja kif għamel dan il-Papa kbir! San Ġwanni Pawlu II, itlob għalina, u b’mod speċjali għal Malta li ma tantx qed tagħti widen għat-twissijiet tiegħek!

Biex tkompli taqra d-diskorsi li għamel il-Papa Ġwanni Pawlu II f’Malta fl-1990 u fl-2001, agħfas fuq din il-link: http://www.laikos.org/JPii_list.htm

Biex tkompli taqra l-wirt għani li ħallilna dan il-Papa kbir u qaddis, agħfas fuq din il-link: http://www.laikos.org/Gwanni_Pawlu_II_mt.htm

Talba: Talba tal-Papa San Ġwanni Pawlu II quddiem l-istatwa tal-Immakulata Kunċizzjoni, nhar it-8 ta’ Diċembru 2004, f’għeluq il-150 sena tad-Domma:

Verġni Immakulata! Għal darb’oħra ninsabu hawn biex nagħtuk qima f’riġlejn din il-kolonna minn fejn int tħares bi mħabba lill-belt ta’ Ruma u lid-dinja kollha minn mindu, 150 sena ilu l-beatu Pio IX pproklama bħala verità ta’ fidi Kattolika, il-ħarsien tiegħek minn kull tebgħa tad-dnub, minn qabel il-mewt u l-qawmien ta’ Ibnek Ġesù Kristu.

Verġni Immakulata! Is-sbuħija spiritwali bla mittiefsa tiegħek hija għalina għajn ħajja ta’ fiduċja u ta’ tama. Meta għandna lilek bħala Omm, Verġni Qaddisa, bħala rahan tal-fidwa eterna, inħossuna żguri fil-mixi tal-ħajja. Għalhekk, o Marija, b’fiduċja lejk nirrikorru. Għinna biex nibnu dinja fejn il-ħajja tal-bniedem tkun dejjem maħbuba u mħarsa minn kull forma ta’ vjolenza, fejn kulħadd ifittex bil-qawwa kollha l-paċi.

Verġni Immakulata! F’din is-Sena tal-Ewkaristija agħtina li niċċelebraw u naduraw b’fidi mġedda u mħabba tħeġġeġ il-misteru qaddis tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu. Fl-iskola tiegħek, o Mara Ewkaristika, għallimna nagħmlu tifkira tal-opri tal-għaġeb li Alla ma jieqaf qatt iwettaq fil-qlub tal-bnedmin. Bi premura ta’ Omm, Verġni Marija, mexxi dejjem il-passi tagħna fit-triq tat-tajjeb. Ammen.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-john-paul-ii/

Wikipedia bil-Malti: https://mt.wikipedia.org/wiki/Papa_%C4%A0wanni_Pawlu_II

Wikipedia bl-Ingliż: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_John_Paul_II

Movies of Saint John Paul II in English:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-Wikipedia u l-ħsieb mill-fuljett Signum Fidei.

Leave a comment

Design a site like this with WordPress.com
Get started