31 ta’ Diċembru: San Silvestru I

Verżjoni Vidjo: San Silvestru I

“Mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-ispirtu ta’ Missierkom li jitkellem fikom.” – Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Silvestru I

SAN SILVESTRU I
Papa
? – 335

Tagħrif: San Silvestru kien iben ta’ wieħed Ruman jismu Rufinu. Il-Papa San Marċellinu ordnah qassis f’dak iż-żmien ta’ paċi qabel bdiet il-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu. Imbagħad fil-persekuzzjoni, il-Qaddis wera qlubija l-iktar kbira.

Fi żmienu saru l-abdikazzjonijiet tal-Awgusti Djoklezjanu u Massimjanu. Ra jseħħ ukoll it-trijonf ta’ Kostantinu l-Kbir fis-sena 312.

Wara l-mewt tal-Papa San Milzjade, San Silvestru nħatar bħala s-suċċessur tiegħu, it-33 Papa, fis-sena 314.

San Silvestru mexxa l-Knisja b’għaqal u b’responsabbiltà kbira, meta l-Knisja bis-saħħa ta’ Kostantinu l-Kbir, ħarġet mill-katakombi.

Permezz tad-Delegati tiegħu, San Silvestru I ħa sehem fil-Konċilju ta’ Arles fis-sena 314, li kkundanna l-ereżija tad-Donatisti u wettaq il-validità tas-sagramenti amministrati mill-eretiċi; approva l-Konċilju Ekumeniku, dak ta’ Niċea fis-sena 325, li kkundanna l-ereżija ta’ Arju li Ġesù mhux Alla u għalhekk il-Madonna mhix Omm Alla, u fformula l-Kredu ta’ Niċea.

Fi żmien il-papat tiegħu nbnew il-knejjes kbar ta’ San Pietru, ta’ Santa Croce, ta’ San Lawrenz Fuori le Mura, ta’ San Silvestru, u oħrajn. Fi żmienu wkoll il-Palazz tal-Lateran sar ir-residenza uffiċjali tal-Papa.

San Silvestru miet fil-31 ta’ Diċembru tas-sena 335, wara li kien ilu Papa 21 sena u ħdax-il xahar. Difnuh fiċ-ċimiterju ta’ Prixxilla, fit-Triq Salarja.

Ħsieb: Tassew li fi żmien dan il-qaddis tal-lum, jew aħjar permezz ta’ Kostantinu l-Kbir, il-Knisja ħarġet mill-katakombi, inbnew knejjes kbar u sbieħ u r-Reliġjon Nisranija setgħet tiffjorixxi bla biża’ u hekk ġara. Imma, nistaqsi, x’sar minnhom dawk l-Insara ta’ fidi kbira li kienu lesti jxerdu demmhom biex jagħtu xhieda għat-twemmin tagħhom? Forsi n-Nisrani f’diversi postijiet sar Nisrani komdu u llaxka fil-valuri? U x’garanzija għandna li se nibqgħu daqshekk komdi jew li r-Reliġjon tagħna se tibqa’ sħiħa filwaqt li m’għadx hawn nies ta’ fidi biex jiddefenduha mill-għawġ li qed iħottha?

Xtaqt ninkludi hawn riflessjoni tal-Isqof ta’ Għawdex, Mario Grech (23 ta’ April, 2009) :

“X’futur għandha l-Knisja fl-Ewropa u f’pajjiżna? X’garanzija għandna aħna illi ma tiġix mewġa u tħott il-Knisja mwaqqfa minn Pawlu fil-gżejjer tagħna? F’dan il-pajjiz dieħla mewġa ‘reliġjuża’: il-lajċiżmu li bil-mod il-mod qiegħed iġarraf il-binja tal-Knisja fostna.

Ma tantx qed nara membri fi ħdan il-Knisja illi għandhom il-kuraġġ li jqumu fuq riġlejhom, u jagħtu tweġiba lis-soċjetà tal-lum mingħajr ma jibżgħu li jiġu mwarrba.

Forsi aħna ma narawhiex tinħatt ġebla ġebla, imma għad narawha tinħatt bniedem bniedem, wieħed wieħed. Forsi ma jitilqux mill-komunità, imma fil-Knisja għandna min qed jgħix b’sieq waħda ġewwa u oħra barra.

Nistaqsi: jekk l-Knisja għarfet tipproduċi fi ħdanha Kristjani maturi mimlijin bl-ispirtu tal-Vanġelu illi taw kontribut, x’ġara minnha llum? Jista’ jkun li minkejja tant stejjer glorjużi, ħallew lilhom infushom jinħakmu minn ċerta telqa, minn ċerti kurrenti u duttrini, u allura kollox sfaxxa fix-xejn?

X’garanzija għandna aħna illi, bl-istorja reliġjuża tagħna kollha, bl-imħabba tagħna kollha lejn il-qaddisin, illum ma nistgħux ukoll niġu feruti, b’mod jew ieħor, u allura niddgħajfu, tonqos il-konsistenza bejnietna, u nkunu iktar priża għall-għadu li hemm fuq l-għatba tal-bieb? Dan qed ngħidu mhux biex naqtgħu qalbna, imma għaliex nemmen, kif diġà għidtilkom, illi jekk il-komunità Kristjana tagħraf tgħix b’mod awtentiku l-imħabba tagħha lejn Kristu, lejn il-qaddisin l-imħabba tagħha lejn il-Knisja, u tkun ‘Knisja waħda,’ allura nkunu nistgħu nilqgħu kontra dak illi jista’ jfixkilna jekk mhux ukoll jeqridna.”

Ejjew nitolbu lil Alla bl-interċessjoni ta’ San Silvestru illi jieqaf magħna biex l-għaġna ta’ ħajjitna nagħġnuha bil-frak tal-istorja tiegħu u bil-frak tal-virtujiet li huwa għex u ngħixu tassew bħala poplu Nisrani li kapaċi jieqaf quddiem it-theddid ta’ żminijietna. Ejjew inkunu kapaċi nagħtu tweġiba evanġelika lid-dinja tal-lum.

Talba: Mulej, agħti l-għajnuna lill-poplu tiegħek bil-qawwa tat-talb tal-Papa San Silvestru, biex, wara ħajja taħt it-tmexxija tiegħek, naslu fil-hena tal-ħajja ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/12/saint-sylvester.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-sylvester-pope-101

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Sylvester_I 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Design a site like this with WordPress.com
Get started