18 ta’ Settembru: San Ġużepp ta’ Copertino

Verżjoni Vidjo: San Ġużepp ta’ Copertino

“Lilkom studenti żgħażagħ, nawguralkom impenn ta’ studju seren u li jagħti frott. Ħallu li l-iskola tkun għalikom ilkoll post fejn tistgħu tikbru kulturalment u umanament. Ħa jkun eżempju u għajnuna għalikom il-Qaddis li tiegħu llum qed nagħmlu l-festa liturġika: San Ġużepp ta’ Copertino, Patrun tal-Istudenti.” Silta mid-diskors li kien għamel il-Papa San Ġwanni Pawlu II fl-okkażjoni tal-Festa ta’ San Ġużepp ta’ Copertino 

120SAN ĠUŻEPP TA’ COPERTINO
Saċerdot u Reliġjuż
1603 – 1663

Tagħrif: Diffiċli biex issib qaddis ieħor li beda l-ħajja tiegħu b’tant diżabilitajiet daqs Ġużeppi Desa, li twieled fis-17 ta’ Ġunju, 1603, fir-raħal ċkejken ta’ Copertino, bejn Brindisi u Otranto, fl-Italja.

Missieru, mastrudaxxa fqir, kellu tant dejn li kellu jbigħ id-dar fejn kienet tgħix il-familja biex jifdi d-dejn. Difatti Ġużeppi twieled ġo kamra mwarrba fuq il-parti ta’ wara tad-dar fejn ommu kienet qiegħda tinħeba bil-mistħija tal-faqar li waqa’ fuqhom. Wara ftit miet missieru. It-tifel għex ħajja miżera, nieqes mis-sustanzi u marradi tant li kien ilaqqat kull marda li tkun għaddejja u kien fil-pont tal-mewt ħafna drabi.

Fl-iskola kien dejjem l-aħħar tal-klassi u lanqas biss ma kellu l-ħila jfisser dak li xtaq jgħid. Kien dejjem qisu sturdut u skantat, dejjem ħalqu miftuħ qisu iblah, tant li qalgħuhielu “Boccaperta” (Ħalq miftuħ). Kien saħansitra jinsa jmur jiekol u wara jiskuża ruħu għax nesa! Kien tant jinħasad mix-xejn li anke jekk b’kumbinazzjoni ddoqq qanpiena ta’ knisja huwa u sejjer l-iskola, kienu jaqgħulu l-kotba minn idejh. Darba pprova jidħol ma’ skarpan biex jitgħallem is-sengħa imma la rnexxielu jagħmel żarbun u lanqas almenu jsewwi xi wieħed. Tant ma kien tajjeb għalxejn li anqas ommu stess ma riditu magħha; għaliha kien toqol u xkiel.

Kien hemm żewġ ħwejjeġ favur tiegħu: dik li almenu kien jaċċetta lilu nnifsu kif kien bin-nuqqasijiet tiegħu kollha, tant li hu stess kien isejjaħ lilu nnifsu “l-ħmar”, u l-oħra dik li mhux biss kien iħobb jitlob ħafna iżda kien ukoll devot, verament mill-qalb, ta’ Ommna Marija. L-iċken ħaġa li kien jilmaħ kienet biżżejjed biex tfakkru fil-kobor u fl-imħabba t’Alla għalina. Kull ħlejqa kienet biżżejjed biex jiċċassa fuqha u titfgħu f’estasi ta’ mħabba lejn il-Ħallieq!

Bil-mod il-mod din l-imħabba profonda mmanifestat ruħha mhux biss f’sensiela ta’ mumenti ta’ estasi, imma anke ta’ mirakli ta’ fejqan u ta’ ġrajjiet sopranaturali li ma nsibuhom imsemmija fil-ħajja ta’ ebda qaddis ieħor.

Isib ruħu fit-triq imċerċer
Darba, meta Ġuzeppi kellu 17-il sena, ġie patri jitlob il-karità fir-raħal tiegħu. Kif rah, Ġużeppi ħass illi hu wkoll seta’ jagħmel dak ix-xogħol, jidħol patri u jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum b’dak il-mod. Beda jħabbat il-bibien ta’ monasteru wara l-ieħor sakemm fl-aħħar ġie aċċettat bħala lajk minn komunità ta’ Kapuċċini. Imma kien kollu għal xejn; ma seta’ jdaħħal xejn f’moħħu. Barra minn hekk, il-patrijiet ma felħux għal dawk il-mumenti ta’ aljenazzjoni li ta’ spiss kien jaqa’ fihom. Filli kien ikun qed jaħdem u filli kien jieqaf ċass u skantat, jekk mhux ukoll jaqa’ għarkopptejh ikun fejn ikun. Il-platti jaqgħulu minn idejh u jitfarrku mal-art. Biex forsi jġegħluh joqgħod iktar attent saħansitra rabtulu biċċiet taċ-ċaqquf li kisser ma’ ħwejġu biex iżommuh attent. Imma kollox għalxejn. Fl-aħħar wara tmien xhur, ma felħux iżjed u kellhom ikeċċuh. Darba qal li l-iktar ġurnata iebsa ta’ ħajtu kienet dik meta kellu jneħħi ċ-ċoqqa minn fuqu; ħassu qishom qegħdin iqaxxrulu l-ġilda minn fuqu!

Ġuzeppi sab ruħu fit-triq imċerċer, bi ħwejġu mqattgħin u ma jafx x’se jagħmel. Qabad it-triq għal għand zijuh, li kien negozjant u jagħmilha tajjeb. Imma kif wasal għandu, qala’ tgħajjira kif imiss u reġa’ sab ruħu fit-triq mingħajr ċenteżmu fil-but. Telaq lejn Copertino, ir-raħal tiegħu, mar lejn id-dwejra t’ommu, fetaħ il-bieb u daħal, ra lil ommu u waqa’ fl-art quddiemha sturdut u mifluġ għall-aħħar tant li ma felaħx ilissen kelma. Seta’ biss iħares lejn ommu b’għajnejh mimlijin dmugħ jitlobha ħniena. Imma anqas ommu ma ħennet għalih.

“Keċċewk mill-kunvent,” qaltlu ommu “waqqajtilna wiċċna l-art. Itlaq minn hawn ma tiswa għal xejn. Mur il-ħabs, jekk trid, jew mur fuq il-baħar. Jekk tibqa’ hawn tmut bil-ġuħ.” Imbagħad ommu marret għand ħuha, li kien Franġiskan Konventwali fi Grotella u lmentat kif il-Kapuċċini keċċew lil binha b’dak il-mod u talbithom ituh xi xogħol ieħor, ikun xi jkun, basta jżommuh. Il-Franġiskani aċċettawh bħala terzjarju u tawh ix-xogħol li jieħu ħsieb il-bagħal li kellhom fl-istalla. Ġużeppi tgħidx kemm feraħ! Għalkemm ma setax jilbes iċ-ċoqqa ta’ Franġiskan, almenu seta’ jkun is-seftur tagħhom!

Ilqgħuh fl-Ordni
L-umiltà, il-paċenzja, il-qdusija u l-ubbidjenza ta’ Ġużeppi, seftur mal-Franġiskani Konventwali, malajr ġibdu l-ammirazzjoni tal-patrijiet. Qatt ma kien igerger u kien jaċċetta kull ma jagħtuh bil-ferħ, ħwejjeġ u ikel; ikun x’ikun. Saħansitra ma kienx jiddejjaq jorqod fuq tavla li kien hemm fl-istalla tal-bagħal li kien jieħu ħsieb tiegħu. Mhux hekk biss imma anke offra li jmur jittallab għall-bżonnijiet tal-patrijiet, kif kienet id-drawwa ta’ dak iż-żmien. Kien dejjem ferħan u jilqa’ lil kulħadd bi tbissima. Tant ammirawh li ddeċidew li jaċċettawh fl-Ordni tagħhom u jħalluh ukoll jipprepara ruħu biex jirċievi l-Ordni Sagri. Dan kien fis-sena 1625, meta kellu madwar 22 sena.

L-istudju kien ħaġa iebsa ħafna għal Ġużeppi; bilkemm irnexxielu jitgħallem jaqra u jikteb u qatt ma kellu l-ħila jfisser fi kliemu xi passaġġ mill-Iskrittura ħlief, oħroġ il-għaġeb, wieħed biss! Dan kien Luqa 11:27: “Hieni l-ġuf li ġiebek (fid-dinja)…” Meta kien jaqbad jitkellem fuq dak il-vers ma kienx ikun jista’ jieqaf għax tant kien jintilef fl-imħabba li kellu lejn Marija, Omm Alla. Ħaġa li ma titwemminx, imma meta kellu jersaq quddiem l-Isqof biex jeżaminah qabel ma seta’ jirċievi d-Djakonat, l-Isqof talbu spjegazzjoni preċiża ta’ dik is-silta li tant kien iħobb! Naturalment Ġużeppi ma setax imur aħjar.

Kien baqa’ għadma oħra għax is-sena ta’ wara kellu jagħmel l-eżami qabel jirċievi s-Saċerdozju. Imma x’ġara? L-Isqof tant kien impressjonat bir-risposti tajbin li tawh l-ewwel grupp ta’ kandidati li ddeċieda li jaċċetta anke lil dawk li kien għad baqa’ mingħajr ma jeżaminahom; u Ġużeppi kien wieħed minnhom. Tassew li riditu l-Madonna! Ġużeppi issa kellu 25 sena meta beda jqaddes. Imma baqa’ umli bħal qabel. Kien imur jaħsel il-platti fil-kċina, jaħsel l-art, iġorr il-bricks u t-tajn u jagħmel ix-xogħol kollu li l-oħrajn ma kinux iridu jagħmlu.

Issa, pero’ bdew jidhru fih fenomeni tal-għaġeb li forsi ma dehru f’ebda qaddis ieħor. Waqt il-ħin tat-talb, kien ta’ spiss jintilef estasi ta’ mħabba għall-Mulej u jdum hekk għal sigħat sħaħ. Ħutu l-patrijiet ġieli kienu jniggżuh u anke jmissuh bil-ġmamar biex forsi jqajmuh mill-estasi. Kollu għalxejn. Kien jiġi f’siktu biss meta kien jordnalu s-superjur tiegħu u dak il-ħin ta’ estasi divina tal-imħabba t’Alla hu stess kien isejjaħlu “sturdament!” Bl-interċessjoni tiegħu saru għadd kbir ta’ mirakli; kien imiss l-għajnejn ta’ nies għomja u jiġu jaraw, jerfa’ tarbija mifluġa f’dirgħajh u din tfiq fil-pront; kien jikteb il-barkiet ta’ San Franġisk fuq karta u ħafna minn dawk li kienet tiġi f`idejhom, mar-raħal kollu, kienu jfiqu. Kien jaqra l-qlub. Bilkemm kien jaf jaqra u jikteb u b’danakollu kellu għerf divin tant li kien isolvi problemi dottrinali l-iżjed diffiċli. In-nies kienu jmorru bi ħġarhom biex iqerru għandu, u meta kien imur jittallab ta’ spiss kienu jaqtgħulu xi biċċa miċ-ċoqqa biex iżommuha b’devozzjoni.

Il-Qaddis li jtir
San Ġużepp ta’ Copertino hu magħruf bħala “l-Qaddis li jtir” minħabba d-don li kellu li jinqata’ mill-art. Ta’ spiss, waqt il-quddies kien jinqata’ u jogħla. Anke xi drabi, meta kien jiċċassa fejn xi pittura tal-Madonna fis-saqaf tal-knisja u jidħol f’meditazzjoni profonda, kien mhux biss jinqata’ mill-art imma jogħla sa ħdejn il-pittura fis-saqaf! Anke waqt l-ikel, ġieli kien jidħol f’estasi u jogħla ‘l fuq bil-platt f’idejh. Meta kien ikun fil-kampanja, mhux l-ewwel darba li kien itir għal fuq xi siġra u joqgħod hemm mitluf fil-meditazzjoni. Dawn il-fenomeni kienu jarawhom mijiet ta’ nies u xi wħud minnhom huma rrekordjati uffiċjalment.

Darba waħda – u dan il-fatt hu wieħed minn dawk magħrufin uffiċjalment – xi ħaddiema kienu qegħdin isibu diffikultà biex iwaħħlu salib kbir, twil 36 pied, fil-ħofra tiegħu, bejn żewġ slaleb oħra. Ġużeppi rahom, inqata’ mill-art u għola ‘l fuq, qabad is-salib, qisu xi tibna, u niżlu fil-ħofra tiegħu. Minħabba dawn il-fenomeni straordinarji, matul il-35 sena tas-saċerdozju tiegħu, Ġużeppi kien sospiż għal ħafna żmien milli jqaddes fil-knisja; seta’ biss iqaddes f’kappella privata, ma setax jiekol fir-refettorju, ma setax jirreċita l-Uffiċċju Divin mal-Komunità u lanqas ma seta’ jieħu parti f’xi proċessjoni.

Kien hemm saħansitra min beda jissuspetta ħażin fih u li kien qed jagħmel dak kollu biex jitkessaħ, li ried jaqla’ l-inkwiet, u akkużawh quddiem il-Vigarju Ġenerali. Minħabba f’hekk Ġuzeppi kellu jidher quddiem l-Inkwiżituri ta’ Napli, imma dawn ma sabu ebda ħtija fih. Bagħtuh quddiem il-Ministru Ġenerali tal-Ordni f’Ruma. Dan baqa’ impressjonat bl-umiltà ta’ Ġużeppi. Fl-aħħar kellu jidher quddiem il-Papa Urbanu VIII. Kif sab ruħu quddiem il-Papa, Ġużeppi waqa’ f’estasi u nqata’ mill-art b’għaġeb ta’ kulħadd.

Mewtu
Fis-sena 1653, l-Inkwiżituri ta’ Perugia ġew ordnati li jibagħtu lil Ġużeppi lura lill-Kapuċċini u li jinżamm f’xi kunvent `il bogħod, maqtugħ min-nies. Meta n-nies saru jafu fejn kien u bdew imorru jfittxuh hemm, lil Ġużeppi ħaduh f’kunvent ieħor, imbagħad f’ieħor u ieħor. Dan baqa’ sejjer hekk għal erba’ snin sħaħ. Fis-sena 1657, bagħtuh lura lill-Ordni tal-Konventwali, fil-Kunvent ta’ Osimo, fejn qegħduh f’ċella żgħira b’kappella privata magħha. L-uniċi nies li setgħu jarawh kienu dawk biss magħżula minn fost il-kleru. Issa kien waqa’ tista’ tgħid f’estasi kontinwa. Issa li ġie maqtugħ minn man-nies, Ġużeppi ħassu maħbub minn Alla aktar minn qatt qabel!

Ġużeppi kellu l-ordni li qatt ma jitlaq minn Osimo. FI-10 ta’ Awissu, 1663, f’daqqa waħda qabdu attakk ta’ deni li ma riedx iħallih. Ġużeppi xorta baqa’ jqaddes sa ma waslet il-festa tal-Assunzjoni. Minn dak inhar ma felaħx iżjed u kellu jibqa’ fis-sodda. Imma qatt ma tilef tqarbina. FI-aħħar, meta wasal fi stat ħażin ħafna, irċieva l-Griżma tal-Morda u fit-18 ta’ Settembru, 1663, ħalla dal-wied tad-dmugħ waqt li bi tbissima fuq wiċċu tenna l-kliem ta’ San Pawl: “Ix-xewqa tiegħi hi li mmur u ningħaqad ma’ Kristu.” (Filippin 1:23). Il-Papa Klement XIII ikkanonizzah fis-sena 1767.

Fi żmien San Ġużepp ħadd ma kien isemmi titjir bl-ajru; kien għadu kmieni wisq, imma meta vvintaw l-ajruplani, fis-seklu għoxrin, San Ġużepp ta’ Copertino ġie magħżul bħala l-Patrun tal-ivvjaġġar bl-ajru u tal-Piloti. Illum ukoll huma ħafna dawk l-istudenti li jitolbu lil San Ġużepp ta’ Copertino biex jinterċedi għalihom ħalli jgħaddu mill-eżamijiet.

Ħsieb: Xtaqt nagħżel xi siltiet meħuda minn kitba tal-Papa San Ġwanni Pawl II lill-Ministru Ġeneral tal-Ordni Franġiskan tal-Patrijiet Minuri Konventwali fl-okkażjoni tal-400 sena mit-twelid ta’ San Ġużepp ta’ Copertino:

“San Ġużepp ta’ Copertino jkompli jiddi fi żmienna bħala fanal li jdawwal il-mixja ta’ kuljum ta’ dawk li jirrikorru għall-interċessjoni ċelesti tiegħu. Bħala Patrun tal-istudenti, San Ġużepp ta’ Copertino jagħti kuraġġ lid-dinja tal-kultura, b’mod partikulari tal-iskola. Huwa propju minħabba d-doċilità interjuri għall-Għerf divin tiegħu, li dan il-qaddis singolari jista’ jipproponilna lilu nnifsu bħala gwida spiritwali lil kull kategorija ta’ nies. Mis-sema issa ma jiqafx jipproteġi u jsaħħaħ lil dawk, li jsegwu l-passi tiegħu u li bi ħsiebhom jikkonvertu lejn Alla u jimxu b’fehma sħiħa fuq it-triq tal-qdusija.

Aspett ieħor importanti tal-ispiritwalità tiegħu kienet l-imħabba lejn l-Ewkaristija. Iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa Mqaddsa, kif ukoll is-sigħat twal li kien iqatta’ fl-adorazzjoni quddiem it-tabernaklu, kienu l-qalba tal-ħajja tiegħu ta’ talb u ta’ kontemplazzjoni. Kien iqis is-Sagrament tal-Altar bħala “Ikel tal-Anġli,” misteru tal-Fidi mħolli minn Ġesù lill-Knisja tiegħu, Sagrament li fih l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem ma jidhirx lill-fidili wiċċ imb ‘wiċċ, imma qalb ma’ qalb. F’dan il-misteru kbir – kien jgħid – Alla tana t-teżori kollha tas-setgħat Divini u għamilha possibli biex nieħdu sehem fil-Ħniena Divina tiegħu. Minn dan il-kuntatt ta’ kuljum ma’ Ġesù Ewkaristija, huwa kien jikseb is-serenità u l-paċi, li mbagħad kien jittrasmetti lil dawk li kien jiltaqa’ magħhom, waqt li jfakkar li b’dan il-mod aħna lkoll pellegrini u għorba fil-mixja tagħna lejn l-eternità.

U xi ngħidu għad-devozzjoni filjali u mqanqla li kellu lejn il-Verġni Marija? Sa minn żgħożitu deher jieqaf fit-tul f’riġlejn il-Madonna tal-Grazzji, fis-Santwarju ta’ Galatone. Aktar tard kien jieqaf biex jikkontempla x-xbieha tant għażiża għalih tal-Verġni ta’ Grottella, li kienet is-sieħba tiegħu tul ħajtu kollha. Fl-aħħar nett, mill-kunvent ta’ Osimo, fejn għadda l-aħħar snin ta’ ħajtu, kien idawwar ħarstu lejn il-Bażilka ta’ Loreto, ċentru ta’ devozzjoni Marjana. Għalih Marija kienet l-Omm tassew li magħha kellu rapport ta’ iben sempliċi u kunfidenza sinċiera. Illum ukoll huwa jtenni lid-devoti li jersqu lejh: “Din hija l-Protettriċi, Sinjura, Patruna, Omm, Għarusa, Għajnuna tagħna.”

(Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija)

F’San Ġużepp ta’ Copertino, tant għażiż għall-poplu, jiddi l-għerf taċ-ċkejknin u l-ispirtu tal-Beatitudni tal-Vanġelu. Matul il-ħajja tiegħu kollha huwa juri t-triq li twassal għall-ferħ veru, ukoll jekk fost it-taħbit u t-tbatija: ferħ li ġej minn fuq u li jitwieled mill-imħabba lejn Alla u lejn l-aħwa, frott ta’ tfittxija twila u mpenjattiva tal-veru ġid u għaldaqstant kontaġġuża għal min jiġi f’kuntatt magħha.

Jekk minħabba l-impenn intens u sħiħ tal-axxeżi nisrani tiegħu, dan il-qaddis jista’ jidher quddiem il-ħarsa superfiċjali bħala bniedem rozz, sever u rigoruż, fir-realtà iżda, huwa bniedem ta’ ferħ, ta’ min iħobbu u dħuli ma’ kulħadd. Anzi dawk li kitbu dwaru jirreferu li hu rnexxilu jitrassmetti l-ferħ qaddis u franġiskan tiegħu permezz tal-mod kif kien jitlob, mogħni b’komposizzjonijiet mużikali sbieħ u minn versi popolari li kienu jsaħħru lil min jisimgħu u jqanqlu mill-ġdid id-devozzjoni.

Dawn il-karatteristiċi kollha jressqu spiritwalment viċin lil San Ġużepp ta’ Copertino lejn il-bniedem ta’ żmienna. F’kelma waħda, ix-xhieda erojka tal-Vanġelu ta’ dan il-bniedem ta’ Alla li jiġbdek, magħruf mill-Knisja u propost mill-ġdid lill-irġiel u lin-nisa ta’ żmienna, hija għalina lkoll sejħa qawwija biex ngħixu mqanqla u b’ħeġġa l-fidi tagħna, fis-sitwazzjonijiet differenti u kumplessi taż-żmien li qed ngħixu fih.”

TalbaO Alla, fil-għerf tiegħek tal-għaġeb, int ridt li l-Iben il-waħdieni tiegħek merfugħ mill-art jiġbed kollox lejh: fil-ħniena tiegħek agħmel li bil-merti u fuq l-eżempju ta’ San Ġużepp ta’ Copertino ninfatmu mix-xewqat kollha tad-dinja u hekk inkunu nixbhu tassew lil Ibnek. Ammen.

English Version: https://www.ewtn.com/catholicism/library/st-joseph-of-cupertino-the-dunce-5587

Alternative reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-joseph-of-cupertino/

Wikipedia bil-Malti: https://mt.wikipedia.org/wiki/San_%C4%A0u%C5%BCepp_ta%27_Kopertinu

A film on Saint Joseph of Copertino:

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis tal-lum huwa kitba ta’ Fr. Vincent Vaz, S.D.B. maqluba għall-Malti minn Joseph Agius Delicata. Il-ħsieb huwa magħmul minn siltiet meħuda minn messaġġ tal-Papa San Ġwanni Pawl II lill-Ministru Ġeneral tal-Ordni Franġiskan tal-Patrijiet Minuri Konventwali fl-okkażżjoni tal-400 sena mit-twelid tal-qaddis.

Design a site like this with WordPress.com
Get started