27 ta’ Mejju: Santu Wistin ta’ Canterbury

Verżjoni Vidjo: Santu Wistin ta’ Canterbury

“Min irid jitla’ fil-għoli ħafna, irid jagħmel hekk tarġa tarġa.” – San Girgor il-Kbir f’ittra li kiteb lil Santu Wistin ta’ Canterbury.

SOD-0527-SaintAugustineofCanterbury-790x480

SANTU WISTIN TA’ CANTERBURY
Isqof
? – 605

Tagħrif: Santu Wistin kien Pirjol tal-Patrijiet Benedittini fil-monasteru ġdid ta’ San Andrea f’Monte Celio, Ruma.

Fis-sena 596, il-Papa Girgor il-Kbir, li għal xi żmien qabel kien kumpann tiegħu fl-istess monasteru, bagħtu ma’ xi erbgħin oħra sħabu biex jevanġelizzaw l-Ingilterra.

Ir-Re ta’ Kent, Ethelbert (ara San Ethelbert), laqagħhom tajjeb u stedinhom joqogħdu f’Canterbury, il-belt ewlenija tar-renju tiegħu.

F’qasir żmien, Ethelbert, li kien miżżewweġ lil Berta, Kattolika Franċiża, tgħammed u miegħu tgħammdu eluf oħra.

Ftit żmien wara, Santu Wistin mar Franza fejn ġie kkonsagrat Isqof. Lura fl-Ingilterra waqqaf is-Sede tiegħu f’Canterbury u fforma d-Djoċesijiet ta’ Londra u ta’ Rochester.

Ħadem ħafna biex il-Fidi Nisranija tinfirex mal-Ingilterra kollha, u pprova bla suċċess jgħaqqad miegħu gruppi antiki ta’ Nsara li mħabba l-gwerriera Anglo-Sassi kienu xterdu ‘l hawn u ‘l hemm mal-Ingilterra.

Miet fis-26 ta’ Mejju 605, f’inqas minn sena wara l-mewt tal-ħabib kbir tiegħu, il-Papa San Girgor il-Kbir, u wara ħidma intensa ta’ 7 jew 8 snin fl-Ingilterra. Ġeneralment Santu Wistin u sħabu huma miżmuma bħala Benedittini bħall- Papa San Girgor li bagħathom missjunarji. U bħal San Girgor, Santu Wistin ta’ Canterbury huwa msejjaħ u bir-raġun l-“Appostlu tal-Ingilterra”.

Ħsieb: Interessanti mmens id-diskors li għamel il-Papa Franġisku fiċ-ċelebrazzjoni tal-Għasar, bis-sehem tal-Eċċellenza tiegħu Dr Justin Welby, Arċisqof ta’ Canterbury u Primat tal-Komunjoni Anglikana, fit-Tifkira tal-Ħamsin Anniversarju mil-Laqgħa bejn Pawlu VI u l-Arċisqof Michael Ramsey u mit-Twaqqif taċ-Ċentru Anglikan ta’ Ruma, fil-Knisja ta’ Sant’Andrija u San Girgor Al Celio, l-Erbgħa 5 ta’ Ottubru, 2016. Jgħid hekk:

“Nixtieq nirriferi għall-mixja komuni tagħna wara Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb, billi nieħu spunt mill-baklu ta’ San Girgor il-Kbir, li jista’ jissimbolizza tajjeb it-tifsira ekumenika qawwija ta’ din il-laqgħa tagħna. Il-Papa Girgor minn dan il-post għajn ta’ missjoni għażel u bagħat lil Santu Wistin ta’ Canterbury u l-irħieb tiegħu għand il-popli Anglo-Sassoni, u hekk inawgura paġna ġdida ta’ evanġelizzazzjoni, li hi l-istorja komuni tagħna u torbotna b’rabta li ma tinħallx. Għalhekk jixraq li dan il-baklu jkun simbolu komuni tal-mixja tagħna ta’ għaqda u missjoni.

Fiċ-ċentru tal-parti tonda tal-baklu jidher il-Ħaruf Irxoxt. L-imħabba tal-Ħaruf rebbieħ fuq id-dnub u fuq il-mewt hi l-messaġġ veru u ġdid li flimkien irridu nwasslu lill-mitlufa ta’ żmienna u lil dawk li għand m’għandhomx il-ferħ tal-għarfien tal-wiċċ kollu mogħdrija u t-tgħanniqa ħanina tar-Ragħaj it-Tajjeb. Il-ministeru tagħna jikkonsisti f’li ndawlu d-dlamijiet b’dan id-dawl ħelu, bil-qawwa sempliċi tal-imħabba li tirbaħ fuq id-dnub u tegħleb il-mewt. Għandna l-ferħ li nagħrfu u niċċelebraw flimkien il-qalba tal-fidi. Ejjew nerġgħu nsibu postna fiha, mingħajr ma nħallu jtellifna dak li jħajjarna nimxu wara l-ispirtu tad-dinja u jrid ibegħidna mill-freskezza oriġinarja tal-Vanġelu. Minn hemm toħroġ ir-responsabbiltà komuni tagħna, il-missjoni waħdanija li naqdu lill-Mulej u lill-bnedmin.

Dikjarazzjoni Komuni tal-qdusija tiegħu l-Papa Franġisku u l-Eċċellenza tiegħu Justin Welby, Arċisqof ta’ Canterbury

Ħamsin sena ilu l-predeċessuri tagħna, il-Papa Pawlu VI u l-Arċisqof Michael Ramsey, iltaqgħu f’din il-belt, imqaddsa mill-ministeru u d-demm tal-Appostli Pietru u Pawlu. Iktar tard, il-Papa Ġwanni Pawlu II u l-Arċisqfijiet Robert Runcie u George Carey, il-Papa Benedittu XVI u l-Arċisqof Rowan Williams talbu flimkien f’din il-knisja ta’ San Girgor al Celio, mnejn il-Papa Girgor bagħat lil Wistin jevanġelizza lill-popli Anglo-Sassoni. F’pellegrinaġġ fuq l-oqbra ta’ dawn l-Appostli u Missirijiet imqaddsa, il-Kattoliċi u l-Anglikani jagħrfu li huma werrieta tat-teżor tal-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu u tas-sejħa li jaqsmuh mad-dinja kollha. Irċivejna l-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù Kristu permezz tal-ħajjiet qaddisa ta’ rġiel u nisa, li pprietkaw il-Vanġelu bil-kliem u bl-opri, u ġejna maħtura, u mmexxija mill-Ispirtu s-Santu, biex inkunu xhieda ta’ Kristu “sa truf l-art” (Atti 1:8).

Seħħ progress kbir f’ħafna oqsma li kienu żammewna mbiegħda minn xulxin. Madankollu, ċirkustanzi ġodda qalgħu nuqqas ta’ ftehim ġdid bejnietna, partikularment dwar l-ordinazzjoni tan-nisa u dwar kwistjonijiet iktar riċenti marbuta mas-sesswalità umana. Wara dawn id-diverġenzi tibqa’ l-kwistjoni dejjiema dwar il-mod kif titħaddem l-awtorità fil-komunità Nisranija. Dawn huma llum xi aspetti problematiċi li huma xkiel serju għall-għaqda sħiħa bejnietna. Waqt li aħna, bħall-predeċessuri tagħna, ukoll għadna m’aħniex naraw soluzzjonijiet għax-xkiel li għandna quddiemna, qalbna mhix maqtugħa. B’fiduċja u ferħ fl-Ispirtu s-Santu, nemmnu li d-djalogu u l-impenn reċiproku jkabbru l-ftehim ta’ bejnietna u jgħinuna ngħarblu x’inhi r-rieda ta’ Kristu għall-Knisja tiegħu. Aħna fiduċjużi fil-grazzja ta’ Alla u fil-Providenza, għax nafu li l-Ispirtu s-Santu sa jiftaħ bibien ġodda u jmexxina lejn is-sewwa kollu (ara Ġwanni 16:13).

Il-missjoni ekumenika tagħna ma’ dawk li jinsabu fit-truf tas-soċjetà tkun xhieda għalina lkoll, u minn dan il-post imqaddes, bħall-Bxara t-Tajba ta’ tant sekli ilu, ħa joħroġ il-messaġġ li l-Kattoliċi u l-Anglikani huma impenjati li jaħdmu flimkien biex jagħtu leħen lill-fidi komuni fil-Mulej Ġesù Kristu, biex iġibu s-serħan fejn hemm it-tbatija, il-paċi fejn hemm il-ġlied, id-dinjità fejn din hi mċaħħda u mogħtija bis-sieq.

F’din il-Knisja ta’ San Girgor il-Kbir, bil-ħrara kollha nsejħu l-barka tat-Trinità Qaddisa fuq l-andament tal-ħidma kollha tal-ARCIC u tal-IARCCUM, u fuq dawk kollha li jitolbu u jagħtu sehemhom biex terġa’ mill-ġdid l-għaqda bejnietna.”

  • U inti, tiftakar titlob għall-għaqda mill-ġdid fost l-insara kollha?
  • Jista’ jkun li forsi l-Mulej qed isejjaħlek biex toffri wkoll is-sofferenzi personali tiegħek, huma ta’ liema għamla huma, biex magħqudin ma’ dawk ta’ Ġesù jservu bħala talba għall-għaqda fost l-Insara?

Aqraw x’għamlet tfajla żagħżugħa bl-isem ta’ Marija Columba biex tgħin bis-serjetà      ħalli sseħħ l-għaqda fost l-insara: Beata Marija Columba Gabriella Sagheddu.

Talba: O Alla, int wassalt il-poplu ingliż għall-Evanġelju bil-predikazzjoni tal-isqof Santu Wistin; agħmel li l-Knisja tiegħek tibqa’ dejjem tistagħna bil-frott tal-ħidma u t-tħabrik tiegħu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-augustine-of-canterbury.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-augustine-of-canterbury/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Augustine_of_Canterbury

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started