27 ta’ Ottubru: San Frumenzju

Verżjoni Vidjo: San Frumenzju

“Aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejħin skont il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom. ” – Rumani 8:28

frumentiusSAN FRUMENZJU
Isqof ta’ Aksum u Appostlu tal-Etjopja (Abissinja)
†383

Tagħrif: Frumenzju u ħuh Edesju, Griegi minn Tiru, meta kienu għadhom tfal, marru għamlu vjaġġ ma’ zijuhom u l-għalliem tagħhom, Metropju, lejn l-Etjopja. Waqt li kienu sejrin lura, daħlu f’port tal-Baħar Aħmar għall-proviżjonijiet. In-nies tal-inħawi qatlu lil kull min sabu quddiemhom, minbarra liż-żewġt itfal, li kienu jistudjaw taħt siġra. Ħaduhom bħala lsiera lis-sultan ta’ Aksum, fit-Tigre. Għoġbuh bl-imġiba u bix-xjenza tagħhom, hekk li wara ftit ħatar liż-żgħir, Edesju, bħala koppier u lil Frumenzju bħala segretarju u nutar tal-istat. Ftit qabel ma’ miet, is-sultan tahom il-ħelsien. Iżda r-reġina, li baqgħet reġġenti, talbithom biex jibqgħu fil-pajjiż, ħalli jgħinuha trabbi sewwa lill-prinċep u tamministra l-affarijiet. Baqgħu u bdew ixerrdu r-reliġjon Nisranija.

Bdew biex jistiednu neguzjanti Nsara jiġu jgħammru fil-pajjiż u kisbulhom il-privileġġ biex jistgħu jipprattikaw ir-reliġjon bla xkiel. Imbagħad, bil-kelma u bl-eżempju tagħhom, bdew ukoll jikkonvertu lill-pagani. Meta ż-żagħżugħ sultan Abreha ħa r-riedni f’idejh, Edesju mar lura pajjiżu f’Tiru, fejn sar qassis.

Iżda Frumenzju, li l-konverżjoni tal-Abissinja kienet ferm għal qalbu, waqaf Lixandra, fejn talab lil San Atanasju biex jibgħat isqof u xi saċerdoti biex jissuktaw il-konverżjoni tal-pajjiż. San Atanasju qatagħha li ħadd ma kien aħjar minn Frumenzju nnifsu għal dan l-iskop: għalhekk ikkonsagrah isqof (bejn it-340 u t-346). Hekk bdiet id-dipendenza tal-Insara tal-Abissinja mill-Knisja ta’ Lixandra.

Frumenzju mar lura Aksum u għamel bosta konverżjonijiet: waqqaf hemm is-sedi tiegħu ta’ isqof, għammed lis-sultan u lil ħuh Asbeħa, bena ħafna knejjes, u xerred ir-reliġjon Nisranija mal-Etjopja kollha. Iż-żewġ aħwa slaten kienu minn tal-ewwel bil-ħeġġa u d-devozzjoni tagħhom: huma meqjumin bħala qaddisin fil-kalendarju tal-Abissini.

L-Imperatur Kostanzu, Arjan, għamel li seta’ biex ixewwex lis-slaten kontra Frumenzju; iżda dawn ma emmnuhx. Meta l-qaddis miet, fit-383, il-poplu tah it-titlu ta’ “Abuna” (missierna), jew “Abuna Salam” (il-missier tal-paċi). Dan it-titlu ta’ “Abuna” għadu jġibu sal-lum il-Primat tal-Knisja dissident (Xiżmatika) tal-Abissinja.

Ħsieb: Jingħad li San Mattew kien l-ewwel li evanġelizza l-Etjopja, iżda Frumenzju huwa magħruf bħala l-appostlu ta’ dak in-nazzjon minħabba l-effettività tiegħu biex jikkonverti n-nies għall-fidi. Jingħad li d-Djoċesi bikrija ta’ Louisiana osservat il-festa ta’ San Frumenzju fis-1700, possibbilment bħala rikonoxximent għall-iskjavi Afrikani t’hemmhekk.

Il-personalità, ix-xogħol u l-ħajja venerabbli ta’ San Frumenzju jagħtuna l-opportunità li nenfasizzaw dan li ġej:

L-ewwel nett, li f’ħajjitna xejn ma’ jiġri b’kumbinazzjoni. Alla huwa dak li jidderieġi l-istorja, kif ukoll il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna, iżda mingħajr ma jikser jew joħdilna l-libertà tagħna. L-avveniment apparentement sfurtunat tan-nawfraġju u l-jasar ta’ San Frumenzju saru r-raġuni biex tibda ħidma missjunarja serja fil-pajjiż kbir tal-Etjopja. Inċident sfortunat imma li kien il-kawża għall-evanġeliżmu u s-salvazzjoni ta’ ħafna. Alla jaf kif jibdel il-morr f’ħelu. Jekk aħna nibqgħu paċenzjużi f’mumenti ta’ tfixkil u falliment, dawn jistgħu jkunu kawża ta’ barka kbira għalina u/jew għall-oħrajn.

Ovvjament biex aħna nemmnu dan, irridu nagħmlu att ta’ fidi. Li tgħix bil-fidi ma jfissirx li tifhem lil Alla, imma li tafdah għax temmen li jħobbok. Dan l-istess kif ikunu t-tfal żgħar… ma jifhmux kull ħaġa li jgħidu u jagħmlu l-ġenituri tagħhom, imma fil-fond ta’ qalbhom jafu li jridulhom il-ġid għalhekk jafdawhom kompletament. Il-fidi hi propju esperjenza ta’ Alla l-ħaj. Aktar ma dduq mill-benna ta’ dan il-Missier Ħanin, aktar il-fidi tiegħek twasslek biex tistqarr li mhux biss temmen Fih, imma tafu, u għalhekk tafdah b’għajnejk magħluqa. Irridu naslu nintelqu f’idejh b’telqa bħal dik ta’ tarbija f’ħoġor ommha kif jgħidilna Salm 130.

Meta ninħakmu mill-maltempati tal-ħajja, xi drabi ġieli nibdew nitilfu l-fidi. Imma meta xitla jaħkimha r-riħ, hi, b’mod naturali tniżżel għeruqha fil-fond biex ma titqaċċatx. San Pawl juża dan l-istess eżempju meta jwissina u jgħidilna: “Niżżlu għeruqkom fi Kristu, ibnu ħajjitkom fuqu; issaħħu fil-fidi” (Kolossin 2:7).

Huwa tajjeb li aħna nuru lil Alla bil-ħtiġijiet tagħna waqt it-talb, imma mbagħad irridu bil-fidi nemmnu li Alla, li jismagħna żgur, jagħtina mhux dejjem dak li nitolbuh, imma żgur dak li għandna bżonn u meta jkollna bżonnu! Tgħiduli: ‘Mela mhux kulħadd jaf x’għandu bżonn?’ Ħalluni ngħidilkom: Wieħed jaħseb li jaf x’għandu bżonn, imma żgur li l-moħħ ċkejken tagħna mhux daqs dak ta’ min ħalaqna, u għax ħabbna, fdiena. Għalhekk, hu ovvja li Hu jaf x’għandna bżonn aktar milli nafu aħna. Il-problema hi, jekk aħniex ser nibqgħu mmorru għandu fit-talb u nafdawh waqt li nistennewh jagħmel xi tip ta’ bidla fis-sitwazzjonijiet ta’ ħajjitna!

Issib min jgħidlek, li jekk Alla jagħtih dak li jrid, imbagħad jersaq lejH u jibda jemmen Fih. Jekk se nagħżlu li nibqgħu norbtu l-fidi tagħna ma’ xi bidla li nixtiequ li ssir, probabbli li qatt mhu se nikbru fil-fidi għax Alla jimxi magħna propju bl-oppost! Hu jrid il-fiduċja tagħna. Iridna nħalluh imexxina bħal tfal żgħar. L-akbar miraklu li għandna nfittxu hu l-bidla tal-qalb! Din il-meravilja, hi xogħol il-Mulej fil-qlub ta’ dawk li qed jippruvaw jintelqu kompletament f’idejH. U int, f’min qed tpoġġi l-fiduċja u t-tama tiegħek?

It-tieni, kull proġett fil-Knisja għandu jsir bil-permess u l-kunsens tal-Isqof jew tal-kappillan, jew ta’ xi ħadd ieħor li jkun inkarigat fil-parroċċa fejn tkun se ssir xi attività. Tkun xi tkun, dak li jsir mingħajr il-barka tal-Knisja, ma jitbierikx minn Alla u ma jkollux tmiem hieni u ma jipproduċix riżultati tajbin. Wieħed jista’ jagħraf fl-imġiba kollha ta’ San Frumenzju personalità dinamika b’żelu ispirat, imħabba għal Alla u għan-nies, u mentalità ekklesjastika. Huwa ma bediex ix-xogħol missjunarju tiegħu skont il-fehma tiegħu biss. Huwa ltaqa’ ma’ San Atanasju, għamel skont dak li talbu u b’hekk irċieva l-barka. Kemm hu importanti li ma naqbdux u nagħmlu kull ma jiġina f’moħħna, imma li nuru fehemitna lil xi saċerdot għaref jew lill-kappillan tal-parroċċa jew lil xi ħadd ieħor li jista’ jagħtina direzzjoni, permess jew awtorità, flimkien mal-barka ta’ Alla fuq il-proġetti tagħna. Ikunu kemm ikunu tajba u qaddisa, qatt ma għandna nkunu prużuntużi u nagħmlu li jfettlilna għax nistgħu nkunu qed nagħmlu aktar ħsara milli ġid.

U int titlob parir/i mingħand xi ħadd għaqli u li jimxi mas-sewwa biex tħalli li tiġi ggwidat/a f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-avvanz spiritwali tiegħek jew ta’ dawk fdati f’idejk? Jekk le, itlob lill-Mulej jilluminak għand min tista’ tmur u forsi lil min tista’ tagħżel bħala direttur spiritwali tiegħek hekk kif għamlu l-qaddisin.

Talba: Itlob għalina, għażiż San Frumenzju, biex aħna wkoll “nikbru fejn ġejna mħawla.” Int kont għadek tifel żgħir f’artijiet strambi u pagani, imma għamilt l-aħjar li stajt fis-sitwazzjoni li sibt ruħek fiha u wassalt il-verità u l-ħajja f’dik l-art abbandunata qalb nies mitlufa. Nitolbu biex bl-interċessjoni tiegħek inwasslu aħna wkoll id-dawl ta’ Kristu kull fejn inkunu bit-tama li nkunu ta’ ispirazzjoni għall-oħrajn biex huma wkoll jaslu biex jimxu wara Ġesù. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://oca.org/saints/lives/2015/11/30/103451-st-frumentius-the-archbishop-of-abyssinia-ethiopia

Alternative Reading: https://www.americaneedsfatima.org/Saints-Heroes/st-frumentius-of-ethiopia.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Frumentius

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Leave a comment

Design a site like this with WordPress.com
Get started