15 ta’ Lulju: San Bonaventura

Verżjoni Vidjo: San Bonaventura

“Min iżomm il-kmandamenti ta’ Alla jgħammar fi Kristu u Kristu fih. B’hekk nafu li hu jgħammar fina: bl-Ispirtu li hu tana. Alla ħalaq l-għerf bl-Ispirtu s-Santu, sawwbu fuq il-bnedmin kollha, u tah lil min iħobbu.” – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Bonaventura (1 Ġw 3:24; Sir 1:9a. 10).

saint-bonaventure.11-1.jpg

SAN BONAVENTURA
Isqof u Duttur tal-Knisja
1218 – 1274

Tagħrif: San Bonaventura twieled bl-isem ta’ Ġwanni, f’Bagnoregio ħdejn Viterbo, l-Italja, fl-1218.

Meta kellu madwar għoxrin sena mar jistudja fl-Universita’ ta’ Pariġi minn fejn kiseb il-lawrja fil-Letteratura. Dak iż-żmien kien hemm il-famuż patri Franġiskan Ingliż, Alessandru ta’ Hales.

Fl-1243 daħal fl-Ordni tal-Franġiskani Minuri u ħa l-isem ta’ Bonaventura. Huwa studja l-filosofija u t-teoloġija. Barra mill-moħħ intelliġenti li kellu, kien imżejjen ukoll bi mħabba kbira lejn Alla. Kien bniedem ġentili, ferħan u dejjem lest li jgħin lill-oħrajn.

Ta’ 27 sena, inħatar professur tat-teoloġija u tal-Iskrittura fl-Universita’ ta’ Pariġi (1248-1257).

Fl-1257, flimkien mal-ħabib kbir tiegħu San Tumas ta’ Aquino kiseb id-dottorat fit-teoloġija mill-Universita’ ta’ Pariġi.

Meta kien qrib l-40 sena, intgħażel biex ikun is-Superjur Ġenerali tal-Franġiskani. Mexxa l-Ordni għal 17-il sena. F’dan iż-żmien, fl-Ordni kien hemm kwistjoni serja bejn dawk li riedu jinterpretaw ir-regola ta’ San Franġisk litteralment speċjalment dwar il-poverta’, u dawk li riedu jimmodifikaw ir-regola; hu għaraf iżomm pożizzjoni medja.

Fl-1263, San Bonaventura ordna li fi nżul ix-xemx tindaqq il-qanpiena f’kull monasteru, u tingħad it-talba tas-Sliema għall-unur tal-Madonna. Hu kien jaħseb li kien f’dak il-ħin li l-anġlu ħabbar lill-Madonna li kellha ssir Omm Alla; minn hawn daħlet l-użanza li jindaqq l-Angelus.

Fl-1265 il-Papa Klement IV ried jagħmlu Arċisqof ta’ York fl-Ingilterra, iżda hu ma aċċettax.

Fl-1273 il-Papa Girgor X ħatru Kardinal-Isqof ta’ Albano. Jingħad li l-messaġġiera tal-Papa li wasslulu l-aħbar, sabuh fil-kċina jaħsel il-platti.

Miet fil-15 ta’ Lulju 1274, ta’ madwar 56 sena, waqt li kien qed jieħu sehem l-iktar attiv fl-erbatax-il Konċilju Ekumeniku li kien it-tieni wieħed ta’ Lyons.

San Bonaventura ħalla ħafna kotba ta’ għerf kbir.

Il-Papa Sistu IV iddikjarah Qaddis fl-1482, u l-Papa Sistu V fl-1588 ikkonfermah Duttur tal-Knisja u sejjaħlu Duttur Serafiku.

Ħsieb: Qari mill-ktejjeb “Il-mixja tar-ruħ lejn Alla,” tal-isqof San Bonaventura, bit-titlu ‘L-Ispirtu s-Santu wriena għerf mistiku’:

“Kristu huwa t-triq u l-bieb. Kristu huwa s-sellum u l-mezz li jwassalna għand Alla, qisu l-għatu tat-tpattija mqiegħed fuq l-arka ta’ Alla u l-misteru li kien moħbi sa minn dejjem. Indawru wiċċna sewwa lejn dan l-għatu u nħarsu lejh imdendel mas-salib, b’ħarsa ta’ fidi, tama u mħabba, ta’ qima, stagħġib, hena, għożża, foħrija u ferħ, jekk nagħmlu dan, aħna nagħmlu miegħu l-Għid, jiġifieri ngħaddu miegħu, għax fuq l-għuda tas-salib naqsmu l-Baħar tal-Qasab, inħallu l-Eġittu u nidħlu fid-deżert fejn nieklu mill-manna l-moħbija, u nistrieħu ma’ Kristu fil-qabar qisna mejtin minn barra, għalkemm minn ġewwa nisimgħu – skont ma nistgħu f’din il-ħajja – il-kelma li Kristu fuq is-salib qal lill-ħalliel niedem: ‘Illum tkun miegħi fil-ġenna.’

Biex din il-mogħdija tkun sħiħa, jenħtieġ inħallu warajna kull ħidma tal-moħħ u nagħtu mħabbitna bil-qawwa kollha tagħha lil Alla ħa ninbidlu fih. Dan isir b’mod mistiku u moħbi mill-iżjed; ħadd ma jaf jagħmlu dan ħlief min jaqla’ l-grazzja; ħadd ma jaqla’ l-grazzja ħlief min jixtieqha; ħadd ma jista’ jixtieqha ħlief min jitħeġġeġ minn ġewwanett bin-nar tal-Ispirtu s-Santu li Kristu bagħat fuq l-art. Għalhekk jgħid l-Appostlu li dan l-għerf mistiku wrihulna l-Ispirtu s-Santu.

Jekk trid taf kif isiru ħwejjeġ bħal dawn, staqsi lill-grazzja mhux lill-għerf, lix-xewqa mhux lid-dehen, lit-tnehid tat-talb mhux lit-tagħlim ta’ l-ittra, lill-għarus mhux lill-imgħallem, lil Alla mhux lill-bniedem, liċ-ċpar mhux lid-dija; tistaqsix lid-dawl, iżda lin-nar li jagħmlek ħuġġieġa waħda kollok kemm int u jbiddlek f’Alla bi ħlewwa ta’ l-għaġeb u bi mħabba liema bħalha. Dan in-nar hu Alla nnifsu, il-forġa tiegħu tinsab f’Ġerusalemm, u jqabbadha Kristu bin-nar qawwi tal-passjoni mħeġġa tiegħu, dak in-nar li ħadd ma jħossu tassew ħlief min jgħid: ‘Aktar nagħżel nibqa’ bla nifs, u aħjar il-mewt għalija.’ Min iħobb din il-mewt jista’ jara lil Alla, għax tassew minnha hi l-kelma tiegħu meta qal: Ħadd ma jarani u jgħix. Ejjew mela mmutu u nidħlu fis-sħaba mudlama, insikktu fina t-tħassib żejjed, il-ġibdiet ta’ qalbna u l-ħolm ta’ moħħna, ngħaddu flimkien ma’ Kristu msallab minn did-dinja għal għand il-Missier, biex hu jurina l-Missier u ngħidu flimkien ma’ Filippu: ‘Biżżejjed għalina; nisimgħu flimkien ma’ Pawlu: Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; u nifirħu ma’ David u ngħidu: Qegħdin jinfnew ġismi u qalbi: Alla l-qawwa ta’ qalbi u sehmi għal dejjem. Imbierek il-Mulej għal dejjem, u ħa jgħid il-poplu kollu: Ammen! Ammen!’

L-akbar preokkupazzjonijiet ta’ San Bonaventura kienu l-imħabba t’Alla, it-talb u l-kontemplazzjoni. Baqa’ msemmi għall-prietki tiegħu. Jingħad li darba, waħda mara xiħa li semgħetu jipprietka, u li kienet taf kemm kien bniedem għaref, qaltlu: “X’xorti kbira għandek inti! Bil-għerf tiegħek inti tista’ tant tagħraf ’l Alla u ssir qaddis kbir.” Imma San Bonaventura weġibha: “Biex issir qaddis kbir mhux għerf li hemm bżonn, iżda li tkun tħobb ħafna lil Alla, u din il-ħaġa jista’ jagħmilha anki l-iktar bniedem injurant.”

Il-bniedem li hu dejjem ferħan, għandu sinjal qawwi li fih hemm il-grazzja ta’ Alla. (San Bonaventura)

Talba: Aħna u niċċelebraw it-tifkira tad-daħla tal-isqof San Bonaventura fis-sema, nitolbuk, o Alla li tista’ kollox, li nimxu ‘l quddiem bit-tagħlim u l-għerf tiegħu, u nħabirku bla heda biex insiru nixbhuh fil-ħeġġa ta’ mħabbtu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-bonaventure-522

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-bonaventure/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Bonaventure

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Leave a comment

Design a site like this with WordPress.com
Get started