3 ta’ Diċembru: San Franġisk Saverju

Verżjoni Vidjo: San Franġisk Saverju

“Il-ħsad kbir, imma l-ħaddiema ftit; itolbu mela lil Sid il-ħsad, biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu. Intom tiksbu qawwa, meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, u tkunu xhud tiegħi sa truf l-art.” – Ġesù f’Mattew 9:38 u f’Atti 1:8

St. Francis Xavier (2)SAN FRANĠISK SAVERJU
Saċerdot
1506 – 1552

Tagħrif: Dan il-qaddis jista’ jitqies bħala wieħed mill-akbar missjunarji tal-Knisja, uħud iqabbluh mal-appostlu San Pawl. Minħabba f’hekk ġie maħtur Patrun tal-Missjonijiet. Bħall-missier spiritwali tiegħu Sant’Injazju minn Loyola, Franġisk kien Spanjol ta’ razza Baska. Kellu f’moħħu li jagħmel isem bħala studjuż magħruf u duttur tal-filosofija.

San Franġisk Saverju twieled ħdejn Pamplona, Spanja, fil-Kastell Xavier, fis-7 ta’ April, 1506. Fl-1524, daħal l-Università ta’ Pariġi biex jistudja l-filosofija, u ħa l-Grad mill-Kulleġġ ta’ Santa Barbara. Hawn iltaqa’ u sar ħabib ma’ Sant’ Injazu ta’ Loyola.

Ta’ 28 sena ċeda għall-ideali għoljin t’Injazju, wara li kien ilu jgħix fl-istess kamra miegħu u mal-Beatu Pietru Favre fl-Università ta’ Pariġi għal erba’ snin. Fl-1537, San Franġisk flimkien ma’ Sant’ Injazju u erba’ Ġiżwiti oħra kien ordnat saċerdot f’Venezja. Hu sar wieħed mill-ewwel sitt kumpanni ta’ San Injazju li ħadu l-voti f’Montmartre, fl-1534. San Injazju kien jgħidlu: “Franġisk, x’jiswielek li tirbaħ id-dinja kollha, imbagħad titlef ruħek?”

Fl-1540, Sant’ Injazju talab lil Franġisku biex imur ma’ Patri Simon Rodriguez bħala l-ewwel missjunarji Ġiżwiti fl-Indja. Seba’ Ġiżwiti ntagħżlu għall-missjoni, iżda fl-aħħar minuta Franġisk kellu jieħu post wieħed minnhom li ma setax jagħmel il-vjaġġ. “Ix-xogħol f’idejk!” qallu Injazju. Franġisk kellu jħalli Ruma għall-Portugall fi żmien 24 siegħa. Hu aċċetta bil-ferħ u beda jraqqa’ qalziet qadim u suttana biex jeħodhom miegħu. F’dan kollu wera faqar, sempliċità u tfittxija għar-rieda ta’ Alla fl-ubbidjenza u t-talb li kkaratterizzaw il-ħidma tiegħu fil-missjoni.

Fl-1541, maħtur bħala Nunzju Appostoliku tal-Lvant, Franġisku telaq lejn l-Indja. Wara vjaġġ twil u diffikultuż li dam tlettax-il xahar wasal Goa li kienet kolonja Portugiża, f’Mejju tal-1542. Ħadem bla heda matul il-kosta tal-Indja u għammed numru kbir ta’ Indjani. Huwa żar Cape Camorin, Malabar, Travancor, Malakka, Molukkas ħdejn New Guinea u Montai ħdejn il-Filippini. Matul l-għaxar snin ta’ xogħol fil-missjonijiet hu vvjaġġa fil-biċċa l-kbira tal-Lvant imbiegħed bħala nunzju papali u superjur Ġiżwita. Hu ħalla warajh f’kull post li għadda knejjes jiffjorixxu, li diversi minnhom komplew sa żminijietna.

Meta kien fil-Malakka ltaqa’ ma’ Ġappuniż maħrub li tah l-idea li jmur il-Ġappun. Fil-15 ta’ Awwissu,1548 daħal il-Ġappun u bil-għajnuna ta’ Ġappuniżi kkonvertiti huwa qaleb fil-Ġappuniż xi tagħlim nisrani u kien jipprietka kif jista’. Dam sentejn fil-Ġappun. Għamel madwar 2000 Ġappuniż Nisrani li kellhom ikunu l-pedament tal-Knisja fil-Ġappun. Ħalliehom fil-kura ta’ Patri Cosmas u Fratell Fernandez, u rritorna fl-Indja fl-1551, meta nħatar l-ewwel Provinċjal tal-Ġiżwiti fl-Indja u fil-Lvant.

B’xewqa kbira li jwassal il-Vanġelu fiċ-Ċina li dak iż-żmien kienet magħluqa għall-barranin, Franġisku mar f’Sancian, gżira żgħira ħdejn Hong Kong, ftit ‘il bogħod miċ-Ċina. Imma Franġisk marad u miet bla ma laħaq irċieva s-sagramenti u mingħajr difna Nisranija, waqt li kien fuq il-gżira ta’ Sancian, ħdejn Hong Kong, jistenna lil wieħed negozjant li wegħdu li kellu jdaħħlu bil-moħbi fiċ-Ċina. Kien fit-3 ta’ Diċembru 1552, fl-età  ta’ 46 sena.

Għaxar ġimgħat wara, fetħu t-tebut u sabu li ġismu kien għadu talekwale. Wara ħaduh fil-Malakka, u minn hemm lejn Goa kważi sena wara mewtu, fejn it-tobba ċċertifikaw li ġismu kien għadu bla mittiefes. U hemm għadu miżmum fil-knisja ta’ Ġesù.

San Franġisk Saverju kien iddikjarat qaddis, flimkien ma’ Sant’ Injazju ta’ Loyola fl-1662 mill-Papa Girgor XV. Flimkien ma’ Santa Tereża ta’ Lisieux hu l-Patrun tal-Missjonijiet.

Ħsieb: Dan li ġej huwa qari mill-Ittra tas-saċerdot San Franġisk Saverju lil Sant’ Injazju:

“Morna nduru l-irħula fejn joqogħdu xi Nsara ġodda li f’dawn l-aħħar snin ħadu s-Sagramenti Mqaddsa. F’din l-art ma ssibx Portugiżi, għax hi art ħawlija u fqira mill-iżjed; l-Insara tal-post huma nieqsa mis-saċerdoti, u ma jafux ħaġ’oħra ħlief li huma Nsara. Ma għandhomx min jaqdihom fit-triq ta’ Alla; ma għandhomx min jgħallimhom il-Kredu, il-Missierna, is-Sliema u l-Kmandamenti ta’ Alla.

Għalhekk minn x’ħin wasalt hawn ma waqaft xejn: dort dawra sewwa mal-irħula, u għammidt it-tfal kollha li kienu għadhom bla magħmudija. Għammidt għadd kbir ta’ trabi li, kif jgħidu, ma jafux x’għandha x’taqsam idhom il-leminija max-xellugija. It-tfal ma kinux jitilquni qabel ma nkun għallimthom xi talba: u la kienu jħalluni ngħid l-uffiċċju divin, la niekol u lanqas nistrieħ. Kont inħoss tassew li ta’ min hu bħalhom hija s-saltna tas-smewwiet.

Għalhekk rajt li kien ikun nuqqas kbir tiegħi kieku kelli niċħdilhom ħaġa tajba bħal din li kienu jitolbuni; bdejtilhom mill-istqarrija tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u ħeġġiġthom jgħidu l-Kredu, il-Missierna, u s-Sliema. Intbaħt x’dehen kbir għandhom; ma għandi ebda dubju li kienu jkunu Nsara mill-aħjar kieku kellhom min jgħallimhom sewwa l-katekiżmu.

F’ħafna minn dawn il-postijiet, in-nies waħda żżommhom li ma jsirux Insara: għax ma hawnx min jagħmilhom Insara. Sikwit jiġini f’moħħi li mmur indur mal-universitajiet tal-Ewropa, l-aktar ta’ Pariġi, niġri ġirja magħhom u naqbad ngħajjat qisni wieħed iblah, biex inqanqal lil dawk li għandhom iktar għerf milli mħabba, u ngħidilhom: ‘jaħasra, kemm erwieħ minħabba n-nuqqas tagħkom qegħdin jibqgħu barra mis-sema u jimlew l-infern!’ Daqskemm huma moħħhom fl-għerf, daqshekk ieħor kellhom bżonn iżommu din il-ħaġa quddiem għajnejhom ħalli jkunu jistgħu jagħtu lil Alla kont tajjeb tal-għerf u t-talenti li ħadu.

Imma tabilħaqq, kien hemm ħafna fosthom li tqanqlu b’dan il-ħsieb; immeditaw fuq il-ħwejjeġ ta’ Alla, ħabirku biex jisimgħu x’kien qiegħed jgħidilhom il-Mulej ġewwa fihom, tefgħu wara spallejhom il-ġid tad-dinja u l-ġibdiet tagħha, u ngħataw kollhom kemm huma biex jagħmlu r-rieda ta’ Alla u dak li jogħġob lilu. Mhux li kienu jgħajtu wkoll minn qiegħ ruħhom: ‘Hawn jien, Mulej; xi tridni nagħmel? Ibgħatni kull fejn jogħġbok, mqar fl-Indja.’ “

Kristu bagħatna u qalilna: “Morru għallmu ‘l ġnus kollha.” Mhux bil-fors irridu nħallu x-xtut tagħna. Nistgħu nagħmlu hekk fid-dar tagħna, mal-mara, mar-raġel, mat-tfal, fuq il-post tax-xogħol jew tad-divertiment. Ngħallmu mhux biss b’fommna iżda wkoll bil-kitba, bl-imġiba tagħna, b’daqsxejn ta’ għajnuna, nisimgħu bis-sabar, nuru li qed nagħtu kas, nagħtu ftit mill-ħin tagħna għal ħaddieħor. San Franġisk ta ħinu kollu. Int kemm ser tagħti minnek innifsek?

Talba: O kbir Alla ta’ dejjem, nirringrazzjawk għall-qaddej tiegħek San Franġisk Saverju, li int sejjaħt biex ixandar l-Evanġelju lin-nies tal-Asja. Qajjem nitolbuk, f’din u fuq kull art, ħabbara u evanġelisti ta’ saltnatek biex il-knisja tiegħek tipproklama il-ġid bla qies tas-Sinjur tagħna Ġesù Kristu. Bl-istess Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/stfrancis-xavier.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-francis-xavier/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Francis_Xavier

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis/a huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

3 ta’ Ottubru: San Ġerardu

“Kemm huma kuntenti dawk li m’għandhom l-ebda obbligu ieħor ħlief li jfaħħru l-Mulej lejl u nhar, u li jgħixu dejjem fil-preżenza tiegħu.” San Ġerardu

St-Gerard-of-Brogne_bSAN ĠERARDU
Abbati
895 – 959

Tagħrif: Twieled qrib l-ibliet ta’ Fosses u ta’ Namur fil-Belġju, minn familja nobbli, madwar is-sena 895.

Mibgħut Franza biex jaqdi missjoni diplomatika, iltaqa’ mal-Benedittini ta’ Saint-Denis u daħal Benedittin.

Wara 11-il sena sar saċerdot u rritorna l-Belġju, fejn f’art li kienet tiegħu waqqaf il-monasteru ta’ Brogne, qrib Namur li tiegħu sar abbati.

Peress li l-monasteru ta’ Brogne, kien veru mudell ta’ osservanza, Ġerardu ġie msejjaħ mid-Duka ta’ Lorraine biex jirriforma l-Abbazija ta’ San Ghislain, ħdejn Mons fil-Belġju, ta’ Mont Saint Michel fi Franza, u oħrajn, fejn bħal San Beneditt ta’ Aniane, ftit iktar minn seklu qabel daħħal l-osservanza stretta tar-Regola Benedittina.

Wara li rnexxielu jirriforma madwar 20 monasteru, dan ir-restawratur miet fl-abbazija tiegħu ta’ Brogne, fit-3 ta’ Ottubru, 959.

ĦsiebGħaliex ħafna mill-qaddisin bħal San Ġerardu, kellhom attrazzjoni kbira lejn il-Ħajja Reliġjuża? Qabel xejn irridu naraw x’inhi l-Ħajja Reliġjuża.

Il-Ħajja Kkonsagrata (il-ħajja li jgħixu il-patrijiet u s-sorijiet) hija stat ta’ ħajja li wieħed jista’ jagħżel biex permezz tagħha jgħin lilu nnifsu u lill-oħrajn jersqu iktar lejn Alla f’relazzjoni aktar intima miegħu. Nagħmluha ċara mill-ewwel li kull stat ta’ ħajja, kemm dik taż-żwieġ, kemm dik saċerdotali kif ukoll dik li wieħed jagħżel li jibqa’ ġuvni jew xebba jista’ jkun mezz privileġġat għalik biex bih inti ssalva. Kull stat ta’ ħajja li wieħed jagħżel, jekk jagħraf jgħixha kif suppost għandha twasslu għall-ħajja ta’ dejjem.

Fil-ħajja konsagrata wieħed jagħżel li jgħix it-tlett voti, tal-Faqar, tal-Kastità u tal-Ubbidjenza mhux biex jillimita lilu nnifsu iżda biex dawn jgħinuh jingħata iktar lil Alla u lill-oħrajn.

Il-Faqar jew aħjar “bla xejn tiegħi,” ma tfissirx miżerja jew għaks iżda huwa dak il-vot li jrid jgħin lir-reliġjużi jirrelataw aħjar ma dak li mhux tagħhom iżda li ġie mogħti b’mod providenzjali minn Alla bħala rigal, b’xejn. Jgħinhom jilqgħu b’gratitudini dak li ġej minn Alla u jagħrfuh bħala don li hu meħtieġ li jaqsmu ma’ ħuthom fil-bżonn.

Il-Kastità ma tfissirx stmerrija taż-żwieġ jew ir-rapport sesswali. Il-vot tal-Kastità jgħin lir-reliġjużi jagħtu lil Alla u lill-oħrajn mhux biss l-ewwel post f’qalbhom iżda qalbhom kollha.

L-Ubbidjenza hija dak il-vot li jrid jgħin lir-reliġjużi jemmnu li dak li Alla jippermetti f’ħajjithom u li jurihulhom b’mod ċar permezz ta’ dawk li jmexxuhom se jwassalhom għas-salvazzjoni u li Alla kapaċi jispira lil dak li jmexxi biex iwassal lir-reliġjuż jagħraf dak li Alla jrid minnu.

Ħajja Fraterna: Dan kollu r-reliġjuż jgħixu mhux waħdu iżda ma’ ħutu fil-komunità , f’kunvent jew f’monasteru. Kemm hu sabiħ li l-aħwa jgħixu flimkien. Iżda daqs kemm hu sabiħ, huwa ukoll sfida kbira u xi kultant diffiċli wkoll. Permezz tal-komunità, dak li l-Kelma ta’ Alla tgħidilna ma jibqax biss teorija iżda malajr inkunu nistgħu nwettquh fil-prattika. Malajr inkunu nistgħu nesperimentaw kemm hu kultant diffiċli twettaq dak li l-Kelma tissuġġerixxi. Il-komunità tgħinna nifhmu d-diffikultà li l-poplu jsib biex ipoġġi fil-prattika dak li jiġi pprietkat lilhom. Għalhekk il-komunità tippurifika lir-reliġjuż u tgħinu jkun iktar umli u mimli mogħdrija lejn kulħadd.

Jalla niftakru nitolbu għal dawk kollha li għażlu din it-triq f’ħajjithom biex tassew ikunu xhieda ta’ toroq oħra kif wieħed jista’ jaqdi bl-imħabba, lil Alla u lill-proxxmu.

Talba: Mulej, agħmel li fost l-affarijiet materjali ta’ din id-dinja, aħna nimpenjaw irwieħna b’qalbna kollha fl-affarijiet tas-sema billi nimitaw l-eżempju ta’ perfezzjoni evanġelika li tajtna f’San Ġerard Abbati. Nitolbuk dan bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://www.divine-redeemer-sisters.org/saint-of-the-day/october/3-st-gerard-of-brogne-abbot

Alternative Reading: https://anastpaul.com/2018/10/03/saint-of-the-day-3-october-st-gerard-of-brogne-c-895-959/

Wikipedia:  https://en.wikipedia.org/wiki/G%C3%A9rard_of_Brogne

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Il-Ħsieb huwa addattat minn kitba ta’ P. Arthur Cutajar OFM Conv.

Design a site like this with WordPress.com
Get started