19 ta’ Diċembru: Beatu Urbanu V

Verżjoni Vidjo: Beatu Urbanu V

L-imħabba ma tintefaħx biha nnfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn.” – 1Korintin 13:4

007968_Papa_Urbanus_Quintus_83BEATU URBANU V
Papa
1310 – 1370

Tagħrif: William de Grimouard, il-futur Papa Urbanu V, kien ġej minn familja nobbli Franċiża u twieled fi Grisac, fil-Languedoc (Franza). Daħal mal-Benedittini f’Chirac, u studja f’Montpellier, Toulouse, Pariġi u Avignon. Kien ordnat saċerdot u ħa d-dottorat fil-liġi, u kiseb fama kbira bħala professur tal-liġi f’Montpellier u f’Avignon, u serva bħala vigarju ġenerali fi Clermont u f’Uzés.

Ta’ 42 sena l-Papa Klement VI ħatru (1352) abbati ta’ St Germain f’Auxerre, u serva fuq ħafna missjonijiet diplomatiċi fl-Italja. Papa Innoċenz VI ħatru abbati ta’ San Vittore f’Marsilja fl-1361 u legat tar-reġina Ġwanna tal-Italja f’Napli. Kien hawn meta huwa ngħażel Papa fl-1362 f’Avignon meta l-kardinali ma setgħux jiftehmu biex jagħżlu wieħed minn fosthom wara l-mewt ta’ Innoċenz VI u ħa l-isem ta’ Urbanu V.

Urbanu kompla juri interess fl-edukazzjoni u waqqaf l-universitajiet ta’ Krakovja u ta’ Vjenna. Hu kien eżempju ta’ sempliċità u integrità, kien ħieles min-nepotiżmu u ħadem ħafna għar-riforma tal-Knisja. L-ikbar att tal-pontifikat tiegħu kien ir-ritorn tiegħu minn Avignon għal Ruma, minn fejn il-Papa kien ilu nieqes 60 sena. Għamel dan il-pass kuraġġuż minkejja l-oppożizzjoni tal-kardinali u l-qorti Franċiżi meta l-Kardinal Albornoz rebaħ mill-ġdid l-Istati tal-Papa fl-1367.

Urbanu V b’enerġija kbira beda jibni mill-ġdid il-bażilki l-kbar li kienu ġġarrfu. Iżda wara 3 snin, mifni mid-diżordnijiet lokali, ċeda għal diversi pressjonijiet, kif ukoll minħabba l-imħabba li kellu għal Franza, huwa reġa’ lura lejn Avignon minkejja t-twissija ta’ Santa Briġida li jekk jitlaq minn Ruma imut f’qasir żmien.

Mewtu ġrat f’Avignon fid-19 ta’ Diċembru 1370, f’inqas minn tliet xhur wara li ħalla Ruma. Il-kult lejh kien approvat minn Piju IX fl-1870.

Ħsieb: Is-sempliċità f’nofs il-poter u l-kobor li kellu tidher li tiddefinixxi lil dan il-qaddis, li aċċetta b’diffikultà l-papat tiegħu, iżda baqa’ patri Benedittin f’qalbu. Dak li jiċċirkundana m’għandux għalfejn jinfluwenzana b’mod negattiv.

Tassew li għall-Beatu Papa Urbanu V, nistgħu napplikaw dawn il-versi mil-1 Korintin 13:4-6:

“… l-imħabba ma tintefaħx biha nnfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li mhux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, … ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità.”

Imma xi jfisser eżatt dan u kif nistgħu bħal Papa Urbanu ma ninqdewx bil-pożizzjonijiet tagħna biex nitkabbru fuq l-oħrajn imma biex inservu lill-oħrajn u nwasslulhom il-Verità u l-Imħabba ta’ Kristu?

“L-imħabba ma tintefaħx bija nnfisha.” ma tagħmilx biex tidher hi, anzi l-imħabba tingħata b’mod li tikkonsma lil dak li jkun u għalhekk “l-imħabba ma titkabbarx fuq l-oħrajn.” Aħna, ħafna drabi, meta naħsbu fil-leaders ta’ din id-dinja, naħsbu li l-poter għandu x’jaqsam mal-arroganza, jew inkella mal-agressività, jew mal-vjolenza, imma l-imħabba, għaliex il-qadi huwa forma sabiħa tal-imħabba, “ma titkabbarx fuq l-oħrajn.” Ma tmegħekomx taħt saqajha, ma tikkalpestahomx.

“L-imħabba ma tagħmilx dak li mhux xieraq.” L-imħabba allura tgħożż l-onestà, l-integrità: l-imħabba tevita dak kollu li mhux xieraq, l-imħabba tgħin id-dinjità ta’ dak li jkun, tagħrafha, tippromoviha.

“L-imħabba ma tfittixx dak li hu tagħha.” L-imħabba ma toqgħodx tagħmel il-kontijiet. L-imħabba ma tgħidx, ‘dan huwa dritt tiegħi.’ L-imħabba tagħti lil hemm mill-eżiġenzi tal-ġustizzja.

“L-imħabba ma tifraħx bl-inġustizzja imma tifraħ bil-verità.” Jalla fuq l-eżempju tal-Beatu Urbanu V, aħna nifirħu bil-ġustizzja, nifirħu bil-verità, nifirħu b’dak kollu li huwa sewwa u nġibu l-ġid u l-barka fuq l-għażiż pajjiż tagħna.

Il-veri dixxipli ta’ Ġesù Kristu jħobbu jservu. Huma jafu li meta huma jaqdu lil ħaddieħor huma jkunu qed jesprimu l-imħabba vera tagħhom u jwettqu patt li huma għamlu fil-magħmudija. Hi x’inhi s-sejħa tagħhom fil-Knisja jew l-irwol tagħhom fil-komunità, huma jħossu fihom xewqa akbar li jħobbu u jaqdu lill-Mulej u lil xulxin.

  • U int, f’hiex int fl-imħabba tiegħek lejn l-oħrajn?
  • Tinqeda bil-pożizzjoni tiegħek (kemm jekk hi ta’ livell għoli u kemm jekk le) biex taqdi lill-oħrajn bla ma tfittex dak li hu tiegħek?
  • Kemm inti lest/a li tirsisti biex sakemm ikun possibli għalik, iġġib il-ġustizzja u tixhed għall-Verità u s-Sewwa anki jekk dan jiswielek ħafna?

Talba: Missier Etern, aħna nirringrazzjawk għal dak kollu li bil-qawwa tiegħek irnexxielu jwettaq il-Beatu Papa Urbanu V matul il-papat tiegħu. Agħtina aktar irġiel u nisa qaddisin fil-Knisja ta’ Ibnek, li jħabirku għall-kura u s-salvazzjoni tal-erwieħ fi żminijietna. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/12/pope-urban-v.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/blessed-pope-urban-v-89

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Urban_V

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

1 ta’ Diċembru: San Charles de Foucauld

Verżjoni Vidjo: San Charles de Foucauld

“Meta skoprejt u bdejt nemmen li hemm Alla, fhimt li ma stajt nagħmel xejn aktar ħlief ngħix biss għalih.” – San Charles de Foucauld

imgchrcdfe0041SAN CHARLES DE FOUCAULD
1858 – 1916

Tagħrif: Charles de Foucauld twieled fi Strasburgu, fi Franza, u safa ltim meta kellu 6 snin. Nannuh min-naħa ta’ ommu, li kien raġel għani, rabba’ lilu u lil oħtu 3 snin iżgħar minnu.

Għadda żgħożitu fix-xalar. Wara li ngaġġa suldat, kellhom ikeċċuh minħabba imġibtu. Imma mbagħad reġa’ qabad il-karriera militari u fl-1883, mar fi spedizzjoni fid-deżert tal-Marokk u kiteb deskrizzjoni tajba ħafna ta’ dan il-pajjiż li rebbħitu midalja tad-deheb mis-Soċjetà Ġeografika Franċiża.

Huwa kkonverta għall-ħajja reliġjuża fl-1886 meta kellu 28 sena wara li kien mar għall-parir għand is-saċerdot Henri de Huvelin li mbagħad baqa’ jgħinu fid-direzzjoni spiritwali. Sentejn wara Charles mar pellegrinaġġ għall-Art Imqaddsa.

Wara esperjenza bħala Trappista fis-Sirja u bħala eremit f’Nazaret, huwa kien ordnat saċerdot fl-1901 meta kellu 43 sena. Għex fil-faqar, fil-kontemplazzjoni u fl-umiltà, jagħti xhieda ta’ mħabba, fraternità fost l-Insara, il-Lhud u l-Musulmani. Huwa kien jaf tajjeb l-Għarbi u l-Lhudi.

Biex jimita l-ħajja moħbija ta’ Ġesù f’Nazaret, de Foucauld mar jgħix f’Tamanrasset, fil-qalba tad-deżert tas-Saħara. Kiteb diversi kotba fuq it-Twareg, membri tal-poplu Berberu tas-Saħara tal-punent u ċentrali, fosthom ktieb tal-grammatika u dizzjunarju Franċiż-Twareg.

Huwa kellu ħsieb iwaqqaf il-Fraternità tal-Qalb Imqaddsa. Magħrufin bħala l-Aħwa ż-Żgħar ta’ Ġesù, bl-iskop li jevanġelizzaw it-Twareg. Din il-ħolma tiegħu saret realtà wara mewtu permezz ta’ Dun Réné Voillaume u ta’ Sr. Magdeleine Hutin.

Charles de Foucauld kien maqtul b’tir fl-1 ta’ Diċembru, 1916 waqt l-irvellijiet fost il-Berberi ta’ Hoggar. Kien iddikjarat beatu fit-13 ta’ Novembru, 2005 u qaddis fl-14 ta’ Mejju tat-2022.

Ħsieb: Dan hu kliem meħud minn omelija tal-Isqof Pawlu Cremona O.P. dwar San Charles de Foucauld (19 ta’ Lulju, 2013):

“Meta l-Mulej ġie fuq din l-art, seta’ ġie bil-kburija biex juri d-divinità tiegħu. Dan kien ikun f’konformità ma’ dak li l-bnedmin jaħsbu dwar id-Divinità: il-kobor tagħha, l-infinità tagħha. Minflok, Sidna Ġesù Kristu għażel ix-xejn, il-faqar, l-umiltà biex jiġi fostna. Ried li aħna nersqu lejh b’mod spiritwali: billi fix-xejn u fl-umiltà, permezz tat-tagħlim u s-sinjali tiegħu, aħna naraw id-Divinità tiegħu.

Dan li aħna nsibu fil-Vanġelu ta’ Luqa 14:8-14: li l-mixja lejn Alla ġiet murija lilna minn Sidna Ġesù Kristu. Il-mixja lejn Alla trid tgħaddi mill-umiltà: huwa Alla li mbagħad jintervjeni biex jagħtina post fil-ħajja eterna. Barra minn hekk, l-imħabba pura, billi ma tistenna xejn mill-oħrajn, hija kontinwazzjoni ta’ din it-tfittxija għal Alla: l-imħabba lejn l-oħrajn għandha takkompanja t-tfittxija għall-imħabba t’Alla. L-imħabba ta’ Charles lejn l-oħrajn tirrifletti din l-imħabba. Fir-Regola tal-“Little Brothers” insibu: ‘L-appostolat tiegħi għandu jkun l-appostolat tat-tjieba. Kieku xi ħadd kellu jistaqsi għaliex jien manswet u twajjeb, jiena għandi ngħid: il-għaliex jien l-qaddej ta’ xi ħadd li huwa aħjar minni.’

Charles kien iħares lejn il-bnedmin kollha fid-dawl tal-fidi tiegħu. Dawn il-versi mill-Ktieb tal-Għerf, ċertament ispirawh tul ħajtu kollha: ‘Iżda int tħenn għal kulħadd, għax tista’ kollox; int tagħlaq għajnejk għal dnubiet il-bnedmin biex huma jindmu… Int, o Sid, li tħobb kull ma jgħix, lil kulħadd tagħder, għax kollox huwa tiegħek, Mulej li tħobb il-ħajja’ (ara Għerf 11:23-12,2). F’dawn il-versi nistgħu nifhmu aħjar il-mod kif Charles kien iħares lejn bnedmin oħra, kemm jekk kienu ta’ razza oħra bħat-Touareg, jew ta’ reliġjon oħra bħall-Musulmani. Irridu niftakru li l-ewwel pass tiegħu lejn il-konverżjoni wasal meta ra Musulmani devoti jitolbu.

Fil-perjodu tal-ħajja li Charles de Foucauld għadda f’Nazaret, kien tfittxija ta’ din il-kwalità ta’ spiritwalità: ‘Il-Mulej tani l-ħila biex insib dak li kont qed infittex: l-imitazzjoni ta’ dik li kienet il-ħajja tal-Mulej Ġesù, fl-istess Nazaret…’ ‘Nixtieq ħafna li fl-aħħar mill-aħħar nibda ngħix dik il-ħajja li skoprejt meta kont nimxi f’Nazaret, f’dawk il-mogħdijiet li mxew fuqhom ir-riġlejn tal-Mulej, li kien mastrudaxxa jgħix moħbi u emarġinat.’

Wara sebgħa snin ta’ spiritwalità li għex mal-Patrijiet Trappisti, mar l-Art Imqaddsa, biex ifittex li jkun tassew segwaċi ta’ Ġesù. Nistgħu ngħidu li l-ħajja tiegħu wara l-konverżjoni tiegħu kienet maqsuma fi tliet stadji. L-ewwelnett mar għand il-Patrijiet Trappisti fejn skopra l-ispiritwalità, li tkun viċin t’Alla. Imbagħad mar l-Art Imqaddsa fejn dam għal erba’ snin sas-sena 1900: hawn b’mod speċjali skopra il-mixja ta’ Kristu fuq l-art, biex jimitah. Wara li sar saċerdot fl-1901 mar jgħix ta’ eremit, imma fi fraternità, billi fetaħ id-dar tiegħu għal kulħadd. Hawn seta’ jgħix il-kliem tal-Vanġelu li fil-bidu biddillu ħajtu. Waqt li kien fl-Alġerija, ftit xhur qabel ma miet huwa kiteb: ‘Jien nemmen li m’hemmx kelma fil-Vanġelu li ħalliet impressjoni iktar profonda fija u bidlitli ħajti minn din: “kull ma tagħmlu mal-iżgħar minn dawn, tagħmluh lili.’ Reġa’ kiteb: ‘Nixtieq li l-bnedmin kollha li jgħixu hawn, jaraw fija lil ħuhom, ħuhom universali. Diġà bdew isejħu din id-dar ‘Aħwiġa’ jew ‘Fraternità’ u dan l-isem jagħtini ferħ kbir.’

Hawn se nagħmlu riflessjoni fuq iż-żmien li San Charles għadda f’Nazaret. Imma x’kien Nazaret għal Sidna Ġesù Kristu?

Kien post fejn seta’ jgħix maqtugħ min-nies, f’ħajja moħbija, imma post ukoll fejn tkompliet l-Inkarnazzjoni. Għex għal tletin sena fost niesu, u sar jafhom sewwa. Charles de Foucauld kien jaf li l-uniku mod kif seta’ jiddjaloga ma’ bnedmin oħra, kien billi jkun jafhom, jitgħallem il-kultura tagħhom, il-lingwa tagħhom. Għalhekk għex magħhom, speċjalment mat-Touareg. Tgħallem il-lingwa tagħhom u saħansitra ħareġ dizzjunarju tal-lingwa tagħhom.

Nazaret kien il-post fejn tkompliet il-konverżjoni tiegħu; din bdiet permezz tar-reliġjożità tal-Musulmani għax l-ewwel kien mar il-Marokk. Nazaret kien il-post fejn iltaqa’ ma’ Ġesù Kristu, fit-tagħlim tiegħu, fil-Vanġeli, fil-ħajja tiegħu. Għalhekk mar Nazaret biex ikun viċin il-post fejn il-Mulej fl-umanità tiegħu, kompla jikber fil-grazzja, mdawwar bil-familja tiegħu. Għal Charles il-‘familja’ f’Nazaret kienu l-Klarissi li kienu jipprovdulu l-bżonnijiet tiegħu. Imma, f’Nazaret huwa għex il-kliem ta’ Sidna Ġesù Kristu li huwa ġie mhux biex ikun moqdi imma biex jaqdi, u dak li jixtieq ikun l-ikbar għandu jiġi l-aħħar. Huwa qala’ l-għajxien tiegħu billi ħadem ta’ qaddej għall-Klarissi: ‘li dejjem nixtieq li nkun tal-aħħar, fl-inqas post biex inkun ċkejken bħalma kien l-Imgħallem tiegħi.’

Il-Mulej stenna f’Nazaret sakemm huwa joħroġ ixandar il-Kelma. Għal Charles, Nazaret kien il-post fejn skopra l-vokazzjoni vera tiegħu: li jifforma fraternitajiet. Huwa għaraf li ż-żmien li għadda mat-Trappisti, iż-żmien li għadda bħala eremit, kienu biss tħejjija għall-missjoni aħħarija li l-Mulej riedu jwettaq ħalli jifforma fraternitajiet tal-“Little Brothers u l-Little Sisters” fil-Knisja kollha.

U hemmhekk skopra l-missjoni għas-saċerdozju. Ma kienx don personali li kien qiegħed ifittex, imma don għall-fraternità biex l-Ewkaristija Mqaddsa tkun dejjem preżenti fil-fraternità. Kien ordnat saċerdot fil-1901. Immedjatament mar l-Alġerija u fetaħ l-ewwel fraternità. Imbagħad fl-1904 mar għand it-Touareg fejn għex sal-aħħar ta’ ħajtu.

Jiena naħseb li San Charles de Foucauld ħalla dan il-wirt għall-posterità: Huwa qal li wieħed jista’ jgħix Nazaret kullimkien. Lill-fraternita’ tal-“Little Brothers u Little Sisters” huwa kiteb fir-“Rule of Life” tiegħu: ‘Nazaret għandha titniżżel u għandha tkun preżenti fl-imħabba.’ Huwa ttrasforma r-reliġjon fl-Imħabba. ‘Wieħed jista’ jgħix Nazaret kullimkien.’ ‘L-imħabba tikkonsisti mhux filli nħossu li aħna nħobbu imma illi nixtiequ li nħobbu.’ Hu wriena li l-qalb f’kull intrapriża hija l-Ewkaristija u l-Adorazzjoni.

Huwa ġie maqtul waqt li kien mat-Touareg. Huwa wriena l-urġenza li wieħed jagħmel il-ġid. Xi żmien qabel ma miet, huwa kiteb: ‘Ma nistax ngħid li nixtieq il-mewt. Fil-passat kont nixtieqha imma issa nara li hemm tant ġid li jrid isir, tant erwieħ mingħajr ragħaj, li iktar minn kull ħaġa oħra, nixtieq nagħmel xi ftit ġid.’ ‘Jenħtieġ li naqraw u nerġgħu naqraw mingħajr tlaqliq il-Kelma t’Alla, biex inżommu f’moħħna il-kliem u l-ħsibijiet ta’ Ġesù biex nibdew naħsbu, nitkellmu b’mod li nimitaw lil Ġesù.’

Talba: Missier, f’idejk nintelaq jiena. Agħmel minni dak li jogħġbok. Niżżikħajr għal dak kollu li tagħmel bija: Jien lest għal kollox, nilqa’ kollox. Agħmel biss li r-rieda tiegħek isseħħ fija, u fil-ħlejjaq kollha tiegħek. Ma nixtieq xejn aktar Mulej. F’idejk jien nitlaq ruħi; nagħtihielek bl-imħabba kollha ta’ qalbi, għax jien inħobbok, Mulej, u għalhekk inħoss il-ħtieġa li nagħti lili nnifsi lilek, li nintelaq f’idejk għal kollox u b’kunfidenza bla tarf, għax int Missieri. Ammen. (Talba ta’ San Charles de Foucauld)

English Version: http://www.charlesdefoucauld.org/en/biographie.php

Vatican Biography: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-charles-de-foucauld

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Charles_de_Foucauld

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

20 ta’ Ottubru: Santa Bertilla Boscardin

Verżjoni Vidjo: Santa Bertilla Boscardin

“Ma jien kapaċi nagħmel xejn. Jiena msejkna – qisni wiżż. Għallimni. Irrid insir qaddisa … Hawn jiena, Mulej, biex ngħix skont ir-rieda tiegħek, taħt kull aspett li tippreżenta ruħha, kemm jekk hi l-ħajja, il-mewt jew it-terrur.” Santa Bertilla Boscardin

maria_bertilla_boscardinSANTA BERTILLA BOSCARDIN
Reliġjuża
1888 – 1922

Tagħrif: Kienet bint familja fqira ta’ bdiewa u twieldet fir-raħal ta’ Brendola, qrib Vicenza fl-Italja ta’ Fuq fl-1888 u semmewha Anna-Franġiska. Kellha missier alkoħoliku u vjolenti. In-nies laqqmuha “wiżż” minħabba li kienet tagħmel kollox bil-lajma.

Il-qassis Dun Capovilla għaraf li kellha vokazzjoni reliġjuża, imma l-arċipriet ta’ Brendola qal li kienet tajba biss biex tqaxxar il-patata. Infatti, ma ġietx aċċettata mill-ewwel ordni reliġjuża li applikat għaliha.

Imma minkejja dan, aktar tard ġiet aċċettata mis-sorijiet ta’ Santa Dorotea ta’ Vicenza fl-1904, meta kienet għadha ta’ 16-il sena u semmewha Bertilla għall-Badessa qaddisa ta’ Chelles.

Għamlet tliet snin fil-kċina u wara ħadmet ta’ ħassiela, taħsel il-ħwejjeġ, sakemm bagħtuha fl-isptar tat-tfal ta’ Treviso.

Tul l-ewwel gwerra dinjija (1914-1918), kienet infermiera fl-isptar militari qrib Como, fejn uriet ruħha l-veru anġlu tal-faraġ, il-vera omm ħanina tal-morda u tal-feruti.

Fl-1919, wara t-tmiem tal-gwerra rritornat fl-isptar tat-tfal ta’ Treviso, imma ma damitx ma mardet gravament. Għamlulha operazzjoni biex neħħewlha tumur, imma kien kollu għalxejn. Lit-tabib qaltlu: “Jiddispjaċini li kellek toqgħod titħabat għalxejn minħabba fija.”

Din il-mara mill-iktar sempliċi, li kellha l-ħila ssir qaddisa qalb il-borom u l-platti, mietet ta’ 34 sena, fl-20 t’Ottubru, 1922.

Il-qaddis Papa Ġwanni XXIII ikkanonizzaha fil-11 ta’ Mejju, 1961. Il-fdal tagħha jinsab meqjum fil-knisja tas-sorijiet ta’ Santa Dorotea Vicenza.

Ħsieb: Jekk hemm xi ħadd li kien jaf x’jiġifieri tkun irifjut/a, irredikolat/a u ddiżappuntat/a, kienet din il-qaddisa tal-lum. Din il-qaddisa pjuttost riċenti, kienet taf xi jfisser li tgħix fit-tbatija ta’ sitwazzjoni abbużiva. Tajjeb li nitolbuha biex tgħin lil dawk kollha li qed isofru minn kwalunkwe forma ta’ abbuż: spiritwali, mentali jew fiżiku. Bertilla kienet magħrufa minn kulħadd bħala dik li tagħmel kollox bil-lajma, tant li laqqmuha “wiżż.” Huwa probabbli li kienet għal din ir-raġuni illi hija ġiet irrifjutata mill-ewwel ordni reliġjuża li hi applikat għaliha. Imma għal Bertilla, dawn il-provi li għaddiet minnhom, resquha eqreb ta’ Alla u aktar determinata li sservih.

Il-qaddisa tal-lum turina bil-provi li li tkun qaddis/a mhuwiex dwar kemm wieħed ikun intelliġenti jew dwar is-suċċess, imma dwar l-intensità li biha wieħed jagħmel kollox b’imħabba kbira u b’ġenerożità. Kien b’din l-attitudni li Bertilla daħlet għal kull ħidma li ġiet offruta lilha. Imma l-aktar li spikkat, kien għall-karita’, li sħabha s-sorijiet kienu jarawha “esaġerata,” li wriet mat-tfal morda u anki mas-suldati tal-ewwel gwerra dinjija.

Tabib fl-isptar ta’ Treviso, fejn Bertilla saret l-infermiera favorita fost il-ħafna pazjenti tagħha, jixhed hekk dwarha:

“It-tfal jiġu ammessi fis-swali t’hawn bid-difterite; huma jkunu ttieħdu minn mal-familji tagħhom u jsibu ruħhom fi stat ta’ aġitazzjoni, ta’ dipressjoni, tant li ma jkunx faċli li tikkalmahom; għal jumejn jew tliet ijiem, huma jkunu bħal slavaġġ żgħar, jagħtu bil-ponn, jirrumblaw fuq is-sodda, jirrifjutaw l-ikel. Imma Suor Bertilla kien jirnexxielha malajr issir ommhom ilkoll; wara tnejn jew tliet sigħat it-tfal, li kienu ddisprati, jigranfaw magħha bil-kalma bħalma kieku jagħmlu ma’ ommhom u jsegwuha kull fejn kienet tmur. Is-sala, taħt il-kura tagħha, kienet tippreżenta spettaklu kommoventi: gruppi ta’ tfal igranfati magħha. Is-sala kienet tassew waħda eżemplari.”

Imma s-sempliċita’ ta’ din il-mara dedikata, bdiet issir dejjem iżjed magħrufa aktar ma bdiet tavvanza l-marda tagħha u Bertilla kienet qed toqrob lejn il-mewt. Ta’ madwarha bdew jagħrfu li filfatt kienet qed tmut qaddisa li għexet l-imħabba lejn il-morda b’mod erojku. Fir-realta’, dak li kien straordinarju fl-ordinarju kienet l-imħabba kbira li biha ingħatat lil Alla u l-għotja totali tagħha nnfisha biex tkun duwa għall-pazjenti li ngħatawlha.

Minkejja li Bertilla waslet għall-glorja tal-altari, il-kariżma tagħha, mhix xi waħda sigrieta, ma għandha l-ebda formula kkumplikata, anzi tistaħba fin-normalita’, fid-dimostrazzjoni ċara li permezz ta’ opri tajba fil-ħajja ta’ kuljum, huwa possibbli li wieħed jilħaq il-milja tal-eżistenza tiegħu, li tikkonsisti minn eżerċizzju kostanti li fih wieħed imur lil hinn minnu nnifsu u b’hekk javvanza lejn Alla u lejn il-karità tiegħu.

Din il-mara sempliċi li tqaddset

  • f’sitwazzjoni abbużiva fi tfulitha minħabba l-vjolenza ta’ missierha u l-bullying li esperjenzat minn dawk li laqqmuha “wiżż,”
  • fl-uġigħ tar-rifjut meta ma ġietx aċċettata mill-ewwel ordni reliġjuża li applikat għaliha,
  • bl-umiljazzjoni għall-fatt li kważi ma kellha l-ebda kapaċita’,
  • b’xogħol qalb il-borom, il-platti u l-ħasil tal-ħwejjeġ,
  • b’ħidma ma’ tfal konfużi u s-suldati feruti
  • u bit-tbatijiet fiżiċi li damet tbati bihom għal snin twal minħabba l-marda tal-kankru li ħatfitilha ħajjitha f’eta żgħira,

għandha tagħmlilna kuraġġ. L-eżempju ta’ ħajjitha għandu jqawwina biex aħna wkoll, għad li ngħaddu minn tbatijiet simili bħal tagħha, nistgħu bħalha nimlew qalbna bl-imħabba ġeneruża li biha jħobbna Alla, u b’ħajja ta’ servizz mill-qalb, inkunu ta’ komfort għal dawk kollha li jiġu f’kuntatt magħna.

Talba: Mulej, ħafna drabi aħna ma nifhmux u ma nagħrfux it-triqat imbierka tiegħek. Ħa tkun il-qaddejja tiegħek, Santa Bertilla Boscardin, li tgħallimna triqatek sabiex aħna wkoll, inkunu nistgħu nsiru qaddisin u naslu fil-hena ta’ dejjem fis-sema. Bi Kristu Sidna.  Ammen.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-bertilla-boscardin-630

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-maria-bertilla-boscardin/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maria_Bertilla_Boscardin

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started