30 ta’ Ottubru: Beatu Duminku Collins

Verżjoni Vidjo: Beatu Duminku Collins

“Inżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna; hu li, flok l-hena li kellu quddiemu, qagħad għas-salib bla xejn ma qies l-għajb tiegħu, u issa qiegħed fuq in-naħa tal-lemin tat-tron ta’ Alla.” – Lhud 12:2

collins-51IL-BEATU DUMINKU COLLINS
Fra Ġiżwita u Martri
1566 – 1602

Tagħrif: Twieled fl-1566 minn familja kattolika, f’Youghal, Cork, l-Irlanda. Kemm missieru u wara ħuh kienu s-sindku tal-belt. Aktarx attenda l-iskola tal-Ġiżwiti.

Fl-1583, salpa lejn Franza. Hemmhekk daħal fl-armata kattolika tad-duka Mercoeur u biż-żmien sar gvernatur militari. Biż-żmien ġie trasferit għal Spanja.

Fl-1598, iltaqa’ ma’ Ġiżwita Irlandiż li ġie biex iqarar lis-suldati fir-Randan. Duminku wrieh ix-xewqa li jidħol ġiżwita. Ma tantx għamillu kuraġġ minħabba l-livell ta’ studju, imma Dumink wieġeb li għalih kien biżżejjed li jidħol bħala Fra.

Baqa’ jirsisti għaliex għall-ewwel il-Ġiżwiti ma ridux jaċċettawh. Fl-aħħar beda n-novizzjat f’Santiago De Compostela.

Faqqgħet il-pesta u Fra Collins wera qlubija kbira, dar mal-vittmi, morda u l-moribondi.

Fl-1601, reġa’ lura l-Irlanda flimkien ma’ ġiżwita ieħor, biex jagħti l-għajnuna lis-suldati waqt il-gwerra mal-Ingliżi. Sab ruħu assedjat flimkien ma’ 143 suldat f’kastell żgħir għal diversi xhur. Hawn reġa’ mill-ġdid wera kuraġġ kbir idur mal-feruti u dawk moribondi. Saħansitra pprova jagħti lilu nnifsu bħala ostaġġ sabiex jieqaf il-ġlied, imma kien kollu għalxejn.

Fl-aħħar żammewh priġunier flimkien ma’ tnejn oħra u l-oħrajn nqatlu kollha. Kien interrogat f’Cork. Sofra terturi liema bħalhom biex jippruvaw jibdlulu fehmtu u jipperswaduh isir protestant. Saħansitra anke membri mill-familja tiegħu qalulu jagħmilha tabirruħu dar biex jeħles il-martirju, imma Duminku baqa’ ma ċediex.

Fil-31 ta’ Ottubru 1602, libes il-libsa ta’ ġiżwita, għaddewh mit-toroq ta’ beltu għall-post tal-eżekuzzjoni. Tkellem bil-ħeġġa mal-folla bl-Irlandiż, l-Ingliż u l-Ispanjol. Qalilhom li kien ferħan li kien reġa’ lura l-Irlanda biex jiddefendi l-fidi Kattolika. Huwa ġie mgħallaq quddiem folla emozzjonata għall-aħħar. Bil-lejl xi Kattoliċi tal-belt, ħadu l-ġisem tiegħu u difnuh f’post sigriet.

Mal-ewwel beda jissejjaħ venerabbli u l-fama tiegħu nxterdet mal-Irlanda u l-Ewropa. Ħafna mirakli ġew attribwiti bl-interċessjoni tiegħu.

Il-Beatu Papa Ġwanni Pawlu II bbeatifikah fl-1992. Huwa wieħed mill-aktar beati popolari fl-Irlanda.

Ħsieb: Il-Beatu Duminku Collins huwa mfakkar l-aktar għall-mod kif żamm sod u kostanti fil-fidi tiegħu sal-aħħar. Għalkemm il-libertà u l-avvanz ġew imqiegħda quddiemu, hu għażel li “joqgħod għas-salib, bla xejn ma qies l-għajb tiegħu” (Lhud 12:2). Kienet fidi soda tassew dik tiegħu!

Mhux biss, imma l-fidi tiegħu kienet kawża ta’ ferħ kbir f’qalbu li spikka fil-ħin tal-martirju. It-tbissima tiegħu waqt dawk il-mumenti tal-aħħar, impressjonat mhux ftit lil min kien preżenti. Kien għalhekk li wieħed mix-xhieda stqarr li dik kienet tbissima li hu kien ikollu fuq fommu li kieku kien sejjer għal xi ikla tajba u mhux għall-qatla! Duminku Collins, minn naħa tiegħu stqarr li kien lest li jieħu l-martirju għal ħafna drabi oħra, dejjem bl-istess attitudni. Imma minn fejn ġietu din il-fidi tal-azzar? U aħna kif nistgħu nikbru fil-fidi fqajra tagħna?

Il-fidi hi bħal pjanta li rridu nieħdu ħsiebha. Iħawwilha Alla fil-Magħmudija, ikabbruha dawk ta’ madwarna bit-tagħlim u l-eżempju tagħhom, imma meta nsiru adulti, huwa aħna li rridu:

  • nkomplu nsaqquha bit-talb u l-Qari tal-Kelma t’Alla,
  • inneħħulha l-ħaxix ħażin li jibker magħha billi nqaċċtu minn ħajjitna d-drawwiet ħżiena,
  • nagħtuha l-fertilizzant bl-għemejjel tajba li nagħmlu u
  • nesponuha għall-ilma, l-arja u d-dawl permezz tas-Sagramenti tal-Qrar u t-Tqarbin.

Bniedem ta’ fidi, xi kultant iġib ruħu b’mod li kważi lanqas jitwemmen. Ix-xhieda skantaw b’Duminku Collins għax kien bħal donnu ‘frisk bħal ħassa’ riesaq biex jieħu l-martirju! Dan minħabba l-fiduċja tiegħu f’Alla, fiduċja bħal tat-tfal ċkejknin li jiddependu għal kollox fuq il-ġenituri tagħhom jew fuq min jieħu ħsiebhom.

Infatti, jekk infittxu fl-Iskrittura kollha ma nsibux passaġġ wieħed li hu wieħed, fejn Alla jgħidilna u jikkmandana biex ninkwetaw! Anzi Kristu nnifsu jtenni b’ħerqa kbira l-kelma: “Tinkwetawx …” (Mattew 6:25). It-tfal żgħar jinkwetaw bħall-kbar? Le tassew! Mela wara li nkunu qed nagħmlu ħilitna kollha, sa fejn jiddependi minna li nagħmlu,
għaliex għandna nibqgħu ninkwetaw?

L-inkwiet hu mxebbah ma’ min qed juża rocking chair – qed jiċċaqlaq imma mhu se jwasslek għal imkien, iħallik fl-istess post, taħli l-enerġija mentali għal xejn u bla ma jirnexxielek tbiddel xejn.

Hi biss l-azzjoni kollha mħabba ta’ Alla li tista’ tagħtik raġuni biex tibqa’ titbissem. Ma’ Alla, dejjem se noħorġu rebbieħa, b’mod speċjali la nkunu nsaltnu miegħu fil-glorja. Għalhekk, din it-tip ta’ tbissima tiġi naturali bla ma jkollok bżonn tagħmel sforz fuqek innifsek minn barra. Jekk inti tkun mimli/ja bit-tjubija ta’ Alla minn ġewwa, allura ħadd qatt ma jista’ joħodlok din it-tbissima minn fuq wiċċek!

  • U int, kif qed tkabbar il-fidi tiegħek?
  • Kemm tagħmel ħiltek biex tirbaħ l-inkwiet bil-fiduċja f’Alla?
  • Min jagħmilha miegħek, jista’ jgħid li t-tbissima fuq fommok tixhed il-fidi u l-fiduċja li għandek f’Alla, irrelevanti ċ-ċirkustanzi li tkun għaddej/ja minnhom?

Talba: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox,  Int tajtna eżempju ta’ kuraġġ meraviljuż fil-martri tiegħek il-Beatu Duminku Collins u sħabu. Għall-ferħ li ġie mqiegħed quddiemhom, huma sofrew is-salib, bla xejn ma qiesu l-għajb tiegħu. Agħtina permezz tat-talb tagħhom li, filwaqt li nibqgħu fidili lejn il-kmandamenti tiegħek, aħna wkoll inkunu nistgħu inġibu l-għaqda u l-paċi kull fejn inkunu. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.catholicireland.net/saintoftheday/blessed-dominic-collins-1566-1602-irish-martyr-jesuit-brother/

Alternative Reading: https://www.catholicireland.net/saintoftheday/decisions-decisions-blessed-collins-sj/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Dominic_Collins

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

3 ta’ Ottubru: San Ġerardu

“Kemm huma kuntenti dawk li m’għandhom l-ebda obbligu ieħor ħlief li jfaħħru l-Mulej lejl u nhar, u li jgħixu dejjem fil-preżenza tiegħu.” San Ġerardu

St-Gerard-of-Brogne_bSAN ĠERARDU
Abbati
895 – 959

Tagħrif: Twieled qrib l-ibliet ta’ Fosses u ta’ Namur fil-Belġju, minn familja nobbli, madwar is-sena 895.

Mibgħut Franza biex jaqdi missjoni diplomatika, iltaqa’ mal-Benedittini ta’ Saint-Denis u daħal Benedittin.

Wara 11-il sena sar saċerdot u rritorna l-Belġju, fejn f’art li kienet tiegħu waqqaf il-monasteru ta’ Brogne, qrib Namur li tiegħu sar abbati.

Peress li l-monasteru ta’ Brogne, kien veru mudell ta’ osservanza, Ġerardu ġie msejjaħ mid-Duka ta’ Lorraine biex jirriforma l-Abbazija ta’ San Ghislain, ħdejn Mons fil-Belġju, ta’ Mont Saint Michel fi Franza, u oħrajn, fejn bħal San Beneditt ta’ Aniane, ftit iktar minn seklu qabel daħħal l-osservanza stretta tar-Regola Benedittina.

Wara li rnexxielu jirriforma madwar 20 monasteru, dan ir-restawratur miet fl-abbazija tiegħu ta’ Brogne, fit-3 ta’ Ottubru, 959.

ĦsiebGħaliex ħafna mill-qaddisin bħal San Ġerardu, kellhom attrazzjoni kbira lejn il-Ħajja Reliġjuża? Qabel xejn irridu naraw x’inhi l-Ħajja Reliġjuża.

Il-Ħajja Kkonsagrata (il-ħajja li jgħixu il-patrijiet u s-sorijiet) hija stat ta’ ħajja li wieħed jista’ jagħżel biex permezz tagħha jgħin lilu nnifsu u lill-oħrajn jersqu iktar lejn Alla f’relazzjoni aktar intima miegħu. Nagħmluha ċara mill-ewwel li kull stat ta’ ħajja, kemm dik taż-żwieġ, kemm dik saċerdotali kif ukoll dik li wieħed jagħżel li jibqa’ ġuvni jew xebba jista’ jkun mezz privileġġat għalik biex bih inti ssalva. Kull stat ta’ ħajja li wieħed jagħżel, jekk jagħraf jgħixha kif suppost għandha twasslu għall-ħajja ta’ dejjem.

Fil-ħajja konsagrata wieħed jagħżel li jgħix it-tlett voti, tal-Faqar, tal-Kastità u tal-Ubbidjenza mhux biex jillimita lilu nnifsu iżda biex dawn jgħinuh jingħata iktar lil Alla u lill-oħrajn.

Il-Faqar jew aħjar “bla xejn tiegħi,” ma tfissirx miżerja jew għaks iżda huwa dak il-vot li jrid jgħin lir-reliġjużi jirrelataw aħjar ma dak li mhux tagħhom iżda li ġie mogħti b’mod providenzjali minn Alla bħala rigal, b’xejn. Jgħinhom jilqgħu b’gratitudini dak li ġej minn Alla u jagħrfuh bħala don li hu meħtieġ li jaqsmu ma’ ħuthom fil-bżonn.

Il-Kastità ma tfissirx stmerrija taż-żwieġ jew ir-rapport sesswali. Il-vot tal-Kastità jgħin lir-reliġjużi jagħtu lil Alla u lill-oħrajn mhux biss l-ewwel post f’qalbhom iżda qalbhom kollha.

L-Ubbidjenza hija dak il-vot li jrid jgħin lir-reliġjużi jemmnu li dak li Alla jippermetti f’ħajjithom u li jurihulhom b’mod ċar permezz ta’ dawk li jmexxuhom se jwassalhom għas-salvazzjoni u li Alla kapaċi jispira lil dak li jmexxi biex iwassal lir-reliġjuż jagħraf dak li Alla jrid minnu.

Ħajja Fraterna: Dan kollu r-reliġjuż jgħixu mhux waħdu iżda ma’ ħutu fil-komunità , f’kunvent jew f’monasteru. Kemm hu sabiħ li l-aħwa jgħixu flimkien. Iżda daqs kemm hu sabiħ, huwa ukoll sfida kbira u xi kultant diffiċli wkoll. Permezz tal-komunità, dak li l-Kelma ta’ Alla tgħidilna ma jibqax biss teorija iżda malajr inkunu nistgħu nwettquh fil-prattika. Malajr inkunu nistgħu nesperimentaw kemm hu kultant diffiċli twettaq dak li l-Kelma tissuġġerixxi. Il-komunità tgħinna nifhmu d-diffikultà li l-poplu jsib biex ipoġġi fil-prattika dak li jiġi pprietkat lilhom. Għalhekk il-komunità tippurifika lir-reliġjuż u tgħinu jkun iktar umli u mimli mogħdrija lejn kulħadd.

Jalla niftakru nitolbu għal dawk kollha li għażlu din it-triq f’ħajjithom biex tassew ikunu xhieda ta’ toroq oħra kif wieħed jista’ jaqdi bl-imħabba, lil Alla u lill-proxxmu.

Talba: Mulej, agħmel li fost l-affarijiet materjali ta’ din id-dinja, aħna nimpenjaw irwieħna b’qalbna kollha fl-affarijiet tas-sema billi nimitaw l-eżempju ta’ perfezzjoni evanġelika li tajtna f’San Ġerard Abbati. Nitolbuk dan bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://www.divine-redeemer-sisters.org/saint-of-the-day/october/3-st-gerard-of-brogne-abbot

Alternative Reading: https://anastpaul.com/2018/10/03/saint-of-the-day-3-october-st-gerard-of-brogne-c-895-959/

Wikipedia:  https://en.wikipedia.org/wiki/G%C3%A9rard_of_Brogne

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Il-Ħsieb huwa addattat minn kitba ta’ P. Arthur Cutajar OFM Conv.

Design a site like this with WordPress.com
Get started