2 ta’ Mejju: San Atanasju

Verżjoni Vidjo: San Atanasju

“Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi. Mill-bqija hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja, li biha f’dak il-jum iħallasni l-Mulej, l-imħallef ġust, u mhux lili biss, imma wkoll lil dawk kollha li jkunu għexu fl-imħabba tad-Dehra tiegħu.” – 2 Timotju 4:7-8

3493509364_6380b6f22e_bSAN ATANASJU
Isqof u Duttur tal-Knisja
295 – 373

Tagħrif: San Atanasju twieled f’Lixandra, l-Eġittu, minn familja Nisranija, fis-sena 295. Il-qaddis irċieva edukazzjoni nisranija soda fl-iskola ta’ Alessandria u l-istudju tal-Bibbja kien għal qalbu ħafna. Sa minn żgħożitu huwa kien midħla tal-eremiti tad-deżert u dan kellu jkun providenzjali fl-eżilji li ġarrab għaliex ħafna minnhom ipproteġewh. Għal xi żmien kien dixxiplu ta’ San Anton Abbati, li wara kiteb il-ħajja tiegħu.

L-Isqof San Alessandru, Patrijarka ta’ Lixandra ordnah Djaknu fis-sena 318, u għażlu biex ikun segretarju tiegħu.

Fis-sena 323, Arju, qassis Lixandrin, beda jgħallem li Ġesù ma kienx Alla u li għalhekk il-Madonna mhix Omm Alla għax Ġesù kien biss raġel tajjeb mogħni b’bosta qawwiet.

Fis-sena 325, Atanasju flimkien mal-Isqof tiegħu, attenda l-Konċilju ta’ Niċea, f’Bitinja (illum fit-Turkija), fejn l-ereżija ta’ Arju ġiet ikkundannata, u ġie addottat il-Kredu Niċean bħala l-istqarrija tal-Fidi tal-Kattoliċi kollha.

Meta l-Isqof Alessandru miet, fis-7 ta’ April 328, Atanasju ġie maħtur floku, meta kellu biss 33 sena, fis-7 ta’ Ġunju, 328.

L-Imperatur Kostantino, li l-qorti tiegħu kienet influwenzata sew mill-Arjani, sejjaħ Konċilju fil-belt ta’ Tir, u għalkemm ta’ raġun lil Atanasju, eżiljah fil-belt ta’ Treviri, fil-Gallja (Franza ta’ Fuq), fis-sena 336. Atanasju baqa’ hemm sal-mewt ta’ Kostantino, fis-sena 337.

San Atanasju kien eżiljat ħames darbiet li b’kollox laħqu sbatax-il sena, (336-337), (339-346), (356-362), (362-363), (365). L-aħħar eżilju kien mill-Imperatur Valent, li għall-ewwel wera ruħu favur l-Arjani. Imma wara erba’ xhur sejjaħlu lura f’Lixandra, fejn San Atanasju baqa’ sakemm miet, ta’ 72 sena, fit-2 ta’ Mejju 373, wara li kien ilu Patrijarka ta’ Lixandra għal 46 sena.

Għall-kitba u t-tagħlim tiegħu kontra l-Arjani u fuq it-Trinità Qaddisa huwa magħruf bħala wieħed mid-Dutturi kbar tal-Knisja.

Ħsieb: San Atanasju sofra ħafna provi waqt li kien Isqof ta’ Lixandra. Huwa ngħata l-grazzja biex jibqa’ b’saħħtu kontra dak li probabbilment għal żmienu kienet oppożizzjoni insormontabbli. San Atanasju għex l-uffiċċju tiegħu bħala Isqof b’mod komplet. Huwa ddefenda l-fidi vera għall-merħla tiegħu, irrispettivament mill-prezz li kellu jħallas għalih innifsu. Fid-dinja tal-lum aħna qegħdin nesperjenzaw din l-istess sejħa – biex nibqgħu vera għall-fidi tagħna, irrelevanti l-prezz li jeħtieġ li nħalsu.

Fl-Uffiċċju tal-Qari tal-Liturġija tas-Sigħat insibu qari mill-ittra ta’ San Atanasju li fiha jiddefendi bis-sħiħ il-Maternità divina ta’ Marija. Infatti huwa jikteb: “Il-Verb ta’ Alla, jgħid l-Appostlu, mhux lill-anġli jrid jgħin, imma lil ulied Abraham. Għalhekk kellu jixbah lil ħutu f’kollox, u jsir bniedem bħalna. Kien għalhekk li hu għażel lil Marija, biex permezz tagħha jieħu ġisem bħal tagħna, ġisem li jkun tassew tiegħu, u hekk joffrih għalina. L-Iskrittura tirrakkonta kif Marija tatu t-twelid u fisqietu. L-Anġlu Gabrijel, meta wasslilha l-aħbar, tkellem bir-reqqa u bil-għaqal: ma qalilhiex li fik jitwieled, biex ħadd ma jaħseb li l-bniedem li nisslet kien xi ħaġa barranija għaliha mqiegħda fiha, imma qalilha minnek jitwieled, biex kulħadd jemmen li dak li twieled kien tassew binha mnissel minnha.’’

F’din is-silta San Atanasju jiddefendi bis-sħiħ il-Maternità divina ta’ Marija. Ta’ min jixtarr il-kelmiet tiegħu li jgħid li l-anġlu tkellem bir-reqqa meta qalilha: “Minnek jitwieled” u mhux “fik jitwieled”. Huwa għamel din id-distinzjoni biex jistqarr li Marija hija tassew Omm Alla. Kien hemm xi eretiċi fosthom Nestorju li kienu jgħidu li Marija kienet dik il-persuna li welldet lil Ġesù u mhux li tnissel minn ġisimha. Marija hija msejħa mill-Padri tal-Knisja mhux biss Deipara (Dik li welldet lil Alla) imma anke Dei-Genetrice (Dik li nisslet lil Alla).

Huwa veru li Sidna Ġesù Kristu bħala Alla ma kellux bidu. Huwa kien qabel kull żmien. Marija tat ħajja lin-natura tiegħu ta’ bniedem u mhux lin-natura divina. Però dak li nisslet u welldet Marija huwa t-tieni persuna tat-Trinità Qaddisa u huwa Alla. Fi Kristu n-natura umana u dik divina, għalkemm mhumiex imħalltin ma’ xulxin iżda distinti, huma magħquda fil-persuna waħda divina tal-Iben ta’ Alla. Marija li nisslet lin-natura umana ta’ Kristu, Iben ta’ Alla hija tassew Omm Alla, u dan it-twemmin huwa domma ta’ fidi. Infatti kull bniedem ġie mwieled minn xi omm. Mingħandha hu ħa biss il-ġisem u mhux ir-ruħ li hija ta’ natura spiritwali. Ir-ruħ joħloqha Alla. Però xorta waħda jissejjaħ binha jew bintha. L-istess japplika għal Marija. Għad li Ġesù Kristu kellu d-divinità sa mill-Eternità huwa ħa minn Marija l-ħajja umana.

Il-Madonna bħala Omm Alla u Omm il-Knisja tridna li nkunu magħquda lkoll bejnietna familja u dinja waħda. Din hija x-xewqa tagħha bħala Omm. U għalhekk id-dinja kollha tħares lejn Marija fid-diversi santwarji u knejjes sbieħ iddedikati lilha bħalma naraw fil-Messiku, f’Sirakuża, f’Loreto, f’Santa Maria Maggiore, Saragossa, Monserrat, fl-Amerika t’isfel, fil-Filippini, fl-Indja, Lourdes, Fatima, Kroazja, Bosnia, Knock, Walsingham, Cszestochowa, Latvija, Awstrija, u fuq kollox f’Malta u Għawdex tagħna. Għalhekk Marija hi tassew Ommna lkoll: “Marija, min-naħa tagħha baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.’’ (Luqa 2:19).

  • U int, kif qed tikkumbatti l-ereżiji ta’ żminijietna?

Talba: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, inti mlejt bil-qawwa lill-Isqof Sant’Atanasju biex b’għerf kbir jiddefendi l-verità li Ibnek huwa Alla; fil-ħniena tiegħek, agħtina li nifirħu bit-tagħlim u l-ħarsien tiegħu, u li dejjem iżjed nagħrfuk u nikbru fi mħabbtek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/05/st-athanasius.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-athanasius/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Athanasius_of_Alexandria

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

17 ta’ Jannar: San Anton Abbati

Verżjoni Vidjo: San Anton Abbati

“Jekk trid tkun perfett, mur, biegħ li għandek, u agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja. … Min ma jiċħadx il-ġidu kollu, ma jistax ikun dixxiplu tiegħi.” – Ġesù  f’Mattew 19:21 u f’Luqa 14:33

saints1-11anthonySAN ANTON
Abbati
251 – 356

Tagħrif: San Anton twieled fir-raħal ta’ Koman, fl-Eġittu, fis-sena 251, minn familja Nisranija li kienet sinjura.

Meta kellu tmintax-il sena, il-ġenituri tiegħu mietu, u hu safa waħdu flimkien ma’ oħtu iżgħar minnu ħafna.

Xi sitt xhur wara l-mewt tal-ġenituri tiegħu, waqt li kien fil-knisja, sema’ l-kliem tal-Vanġelu: ”Jekk trid tkun perfett, mur biegħ kulma għandek u qassmu lill-foqra, u ejja imxi warajja, u jkollok teżor fis-sema” (Mark 10:21). Ikkonkluda li Alla kien qed ikellmu direttament. Għalhekk f’qasir żmien, wara li ħa ħsieb oħtu u ħallielha parti mill-wirt, il-kumplament tal-wirt li mess lilu qassmu kollu lill-fqar, u mar jgħix waħdu, l-ewwel fid-deżert, u mbagħad fuq muntanja.

Biż-żmien, xi rġiel u żgħażagħ bdew jissieħbu miegħu, kull wieħed f’daqsxejn ta’ kamra għalih, iżda qrib tiegħu biex ikunu jistgħu jiġu ggwidati spiritwalment minnu. Fis-sena 305 niżel minn fuq il-muntanja u waqqaf l-ewwel monasteru Nisrani, f’Fajjum.

Fis-sena 311 mar Lixandra biex iħeġġeġ fil-Fidi lill-Insara fil-persekuzzjoni ta’ Massimu. Meta wara xi sena l-persekuzzjoni taffiet, mar f’Pispir, ħdejn ix-xmara Nil, u waqqaf monasteru ieħor li għadu jeżisti sal-lum bl-isem ta’ “Der Mar Antonius.

Wara li stabilizza dan il-monasteru, mar jgħix ġo għar fuq il-muntanja Kolzim. Iżda anke hawnhekk, in-nies saret taf fejn kien u bdew ġejjin mhux biss mill-Eġittu iżda wkoll minn pajjiżi oħra biex ikellmuh, u meta kienu jitilqu minn ħdejh qalbhom kienet tkun mimlija bi mħabba ikbar lejn Alla.

Meta darba rċieva ittra mingħand l-Imperatur Kostantinu l-Kbir, qal lil ta’ madwaru: “Tiskantawx li l-Imperatur kitibli – hu bniedem, bħalma jiena jien. Iżda stagħġbu kif Alla kiteb lilna, u kellimna wkoll permezz ta’ Ibnu.”

Fis-sena 335 reġa’ mar Lixandra biex flimkien ma’ San Atanasju jikkumbatti l-ereżija ta’ Arju. Imbagħad tela’ fuq il-muntanja u baqa’ hemm sakemm miet fis-sena 356, meta kellu 106 snin.

Fl-Arti jpinġu lil San Anton b’salib forma ta’ T, b’ħanżir u bi ktieb. Is-salib ifisser il-qawwa tal-Fidi li għenitu jirbaħ il-ħażin; il-ħanżir għall-ewwel kien jirrapreżenta lid-demonju, imma meta fil-Medju Evu l-Antonjani bdew jaħdmu fil-biedja u kellhom il-privileġġ riservat li jrabbu l-qżieqeż fil-foresti, San Anton ġie meqjus bħala l-protettur tal-annimali, il-ktieb huwa simbolu tal-katerristiku speċjali ta’ ħajtu, it-talb u l-kontemplazzjoni.

F’xi parroċċi, f’dan il-jum, in-nies jieħdu l-annimali tagħhom għand il-Kappillan biex iberikhom. San Anton huwa magħruf bħala l-Fundatur tal-Monastiċiżmu Nisrani.

Ħsieb: Dan li ġej huwa qari mill-ħajja ta’ San Anton, miktuba mill-isqof San Atanasju:

“Anton kellu xi tmintax jew għoxrin sena meta mietu l-ġenituri tiegħu; baqa’ waħdu ma’ oħtu, ċkejkna ħafna, u ħa ħsieb id-dar u oħtu.

Kienu għadhom anqas għaddew sitt xhur mill-mewt tal-ġenituri, meta darba Anton ħareġ għall-quddies bħas-soltu u fit-triq qagħad jaħseb x’kien li ġagħal lill-Appostli jħallu kollox u jmorru wara Ġesù; huwa ġieb quddiem għajnejh lil dawk li, kif jingħad fil-Ktieb tal-Atti tal-Appostli, kienu jbiegħu ġidhom u jqiegħdu l-flus tal-bejgħ f’riġlejn l-Appostli biex kollox jitqassam lill-foqra; Anton beda jqis x’tama kbira kellhom dawn in-nies fil-ġid merfugħ għalihom fis-sema. Hu u jaħseb dan, daħal fil-knisja. Ġara li, fil-qari tal-Evanġelju, sema’ x’qal il-Mulej lil dak l-għani: ‘Jekk trid tkun perfett, mur biegħ li għandek, u agħtih lill-foqra; imbagħad ejja u imxi warajja, u jkollok teżor fis-sema.’ (Mark 10:21)

Anton stħajjel li Alla nnifsu bagħat ifakkru f’dawn il-kelmiet qaddisa, u li kienu nqraw qisu minħabba fih. Minnufih wara l-quddiesa ħareġ, sejjaħ lin-nies tar-raħal, u qassmilhom b’xejn l-oqsma li kien wiret mid-dar – tliet mitt għalqa, f’art għammiela u mill-aħjar – biex jeħles lilu nnifsu u lil oħtu minn ħafna ksir ir-ras. Imbagħad biegħ kull biċċa għamara li kellu, u daħħal somma kbira ta’ flus; żamm xi ħaġa minnhom għal oħtu, u qassam il-bqija lill-foqra.

Meta darb’oħra reġa’ mar għall-quddies, fl-Evanġelju sema’ dan il-kliem tal-Mulej: ‘Toqogħdux tħabblu raskom għall-għada’ (Mattew 6:34). Ma kellux sabar jibqa’ fil-knisja; ħareġ, ħa l-flus li kien żamm għal oħtu, u qassam lilhom ukoll lin-nies fqar. Lil oħtu ħallieha f’idejn xi xebbiet Insara twajba li kien jafhom, biex irabbuha f’dar ta’ nisa verġni. Hu mbagħad qabad ħajja axxetika qrib id-dar tiegħu, u kompla jgħix fil-ġabra, fit-tgħakkis u fis-sabar.

Ħaddem ukoll idejh fix-xogħol, għax sema’ li jekk ‘xi ħadd ma jridx jaħdem, dan anqas għandu jedd jiekol.’ (2Tessalonkin 3:10b); bil-flus li jaqla’ kien jixtri x’jiekol, u jqassam il-bqija lil min ma kellux.

Kien jitlob sikwit, skont ma tgħallem li d-dixxipli għandhom dejjem jitolbu bla ma jintelqu. Fil-qari kien hekk attent li xejn mill-miktub ma kien jaħrablu, u kien iżomm kollox f’moħħu, hekk li l-memorja kienet taqdih minflok il-kotba.

In-nies tar-raħal, u xi rġiel twajba, midħla tiegħu, huma u jħarsu lejn dan il-bniedem, kienu jsejħulu ħabib ta’ Alla; xi wħud kienu jħobbuh bħal binhom, oħrajn bħal ħuhom.”

San Anton jurina bl-eżempju tal-ħajja tiegħu stess li jekk xi ħadd biex iħobb iktar ‘l Alla jiddistakka ruħu mill-ħwejjeġ tad-dinja li joffru ħafna kumditajiet, jista’ jkun ferħan u kuntent b’qalb mimlija hena u paċi. U int, wasalt għal dan?

Talba: O Alla, int tajt il-grazzja lil San Anton, abbati, biex jaqdik fid-deżert b’ħajja ta’ qdusija kbira; agħmel li aħna, bit-talb tiegħu, nitgħallmu niċħdu lilna nfusna u nħobbu lilek dejjem u fuq kollox. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/01/st-anthony-abbot.html

Alternative Reading: https://www.catholicculture.org/culture/liturgicalyear/calendar/day.cfm?date=2018-01-17

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Anthony_the_Great 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

27 ta’ Ottubru: San Frumenzju

Verżjoni Vidjo: San Frumenzju

“Aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejħin skont il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom. ” – Rumani 8:28

frumentiusSAN FRUMENZJU
Isqof ta’ Aksum u Appostlu tal-Etjopja (Abissinja)
†383

Tagħrif: Frumenzju u ħuh Edesju, Griegi minn Tiru, meta kienu għadhom tfal, marru għamlu vjaġġ ma’ zijuhom u l-għalliem tagħhom, Metropju, lejn l-Etjopja. Waqt li kienu sejrin lura, daħlu f’port tal-Baħar Aħmar għall-proviżjonijiet. In-nies tal-inħawi qatlu lil kull min sabu quddiemhom, minbarra liż-żewġt itfal, li kienu jistudjaw taħt siġra. Ħaduhom bħala lsiera lis-sultan ta’ Aksum, fit-Tigre. Għoġbuh bl-imġiba u bix-xjenza tagħhom, hekk li wara ftit ħatar liż-żgħir, Edesju, bħala koppier u lil Frumenzju bħala segretarju u nutar tal-istat. Ftit qabel ma’ miet, is-sultan tahom il-ħelsien. Iżda r-reġina, li baqgħet reġġenti, talbithom biex jibqgħu fil-pajjiż, ħalli jgħinuha trabbi sewwa lill-prinċep u tamministra l-affarijiet. Baqgħu u bdew ixerrdu r-reliġjon Nisranija.

Bdew biex jistiednu neguzjanti Nsara jiġu jgħammru fil-pajjiż u kisbulhom il-privileġġ biex jistgħu jipprattikaw ir-reliġjon bla xkiel. Imbagħad, bil-kelma u bl-eżempju tagħhom, bdew ukoll jikkonvertu lill-pagani. Meta ż-żagħżugħ sultan Abreha ħa r-riedni f’idejh, Edesju mar lura pajjiżu f’Tiru, fejn sar qassis.

Iżda Frumenzju, li l-konverżjoni tal-Abissinja kienet ferm għal qalbu, waqaf Lixandra, fejn talab lil San Atanasju biex jibgħat isqof u xi saċerdoti biex jissuktaw il-konverżjoni tal-pajjiż. San Atanasju qatagħha li ħadd ma kien aħjar minn Frumenzju nnifsu għal dan l-iskop: għalhekk ikkonsagrah isqof (bejn it-340 u t-346). Hekk bdiet id-dipendenza tal-Insara tal-Abissinja mill-Knisja ta’ Lixandra.

Frumenzju mar lura Aksum u għamel bosta konverżjonijiet: waqqaf hemm is-sedi tiegħu ta’ isqof, għammed lis-sultan u lil ħuh Asbeħa, bena ħafna knejjes, u xerred ir-reliġjon Nisranija mal-Etjopja kollha. Iż-żewġ aħwa slaten kienu minn tal-ewwel bil-ħeġġa u d-devozzjoni tagħhom: huma meqjumin bħala qaddisin fil-kalendarju tal-Abissini.

L-Imperatur Kostanzu, Arjan, għamel li seta’ biex ixewwex lis-slaten kontra Frumenzju; iżda dawn ma emmnuhx. Meta l-qaddis miet, fit-383, il-poplu tah it-titlu ta’ “Abuna” (missierna), jew “Abuna Salam” (il-missier tal-paċi). Dan it-titlu ta’ “Abuna” għadu jġibu sal-lum il-Primat tal-Knisja dissident (Xiżmatika) tal-Abissinja.

Ħsieb: Jingħad li San Mattew kien l-ewwel li evanġelizza l-Etjopja, iżda Frumenzju huwa magħruf bħala l-appostlu ta’ dak in-nazzjon minħabba l-effettività tiegħu biex jikkonverti n-nies għall-fidi. Jingħad li d-Djoċesi bikrija ta’ Louisiana osservat il-festa ta’ San Frumenzju fis-1700, possibbilment bħala rikonoxximent għall-iskjavi Afrikani t’hemmhekk.

Il-personalità, ix-xogħol u l-ħajja venerabbli ta’ San Frumenzju jagħtuna l-opportunità li nenfasizzaw dan li ġej:

L-ewwel nett, li f’ħajjitna xejn ma’ jiġri b’kumbinazzjoni. Alla huwa dak li jidderieġi l-istorja, kif ukoll il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna, iżda mingħajr ma jikser jew joħdilna l-libertà tagħna. L-avveniment apparentement sfurtunat tan-nawfraġju u l-jasar ta’ San Frumenzju saru r-raġuni biex tibda ħidma missjunarja serja fil-pajjiż kbir tal-Etjopja. Inċident sfortunat imma li kien il-kawża għall-evanġeliżmu u s-salvazzjoni ta’ ħafna. Alla jaf kif jibdel il-morr f’ħelu. Jekk aħna nibqgħu paċenzjużi f’mumenti ta’ tfixkil u falliment, dawn jistgħu jkunu kawża ta’ barka kbira għalina u/jew għall-oħrajn.

Ovvjament biex aħna nemmnu dan, irridu nagħmlu att ta’ fidi. Li tgħix bil-fidi ma jfissirx li tifhem lil Alla, imma li tafdah għax temmen li jħobbok. Dan l-istess kif ikunu t-tfal żgħar… ma jifhmux kull ħaġa li jgħidu u jagħmlu l-ġenituri tagħhom, imma fil-fond ta’ qalbhom jafu li jridulhom il-ġid għalhekk jafdawhom kompletament. Il-fidi hi propju esperjenza ta’ Alla l-ħaj. Aktar ma dduq mill-benna ta’ dan il-Missier Ħanin, aktar il-fidi tiegħek twasslek biex tistqarr li mhux biss temmen Fih, imma tafu, u għalhekk tafdah b’għajnejk magħluqa. Irridu naslu nintelqu f’idejh b’telqa bħal dik ta’ tarbija f’ħoġor ommha kif jgħidilna Salm 130.

Meta ninħakmu mill-maltempati tal-ħajja, xi drabi ġieli nibdew nitilfu l-fidi. Imma meta xitla jaħkimha r-riħ, hi, b’mod naturali tniżżel għeruqha fil-fond biex ma titqaċċatx. San Pawl juża dan l-istess eżempju meta jwissina u jgħidilna: “Niżżlu għeruqkom fi Kristu, ibnu ħajjitkom fuqu; issaħħu fil-fidi” (Kolossin 2:7).

Huwa tajjeb li aħna nuru lil Alla bil-ħtiġijiet tagħna waqt it-talb, imma mbagħad irridu bil-fidi nemmnu li Alla, li jismagħna żgur, jagħtina mhux dejjem dak li nitolbuh, imma żgur dak li għandna bżonn u meta jkollna bżonnu! Tgħiduli: ‘Mela mhux kulħadd jaf x’għandu bżonn?’ Ħalluni ngħidilkom: Wieħed jaħseb li jaf x’għandu bżonn, imma żgur li l-moħħ ċkejken tagħna mhux daqs dak ta’ min ħalaqna, u għax ħabbna, fdiena. Għalhekk, hu ovvja li Hu jaf x’għandna bżonn aktar milli nafu aħna. Il-problema hi, jekk aħniex ser nibqgħu mmorru għandu fit-talb u nafdawh waqt li nistennewh jagħmel xi tip ta’ bidla fis-sitwazzjonijiet ta’ ħajjitna!

Issib min jgħidlek, li jekk Alla jagħtih dak li jrid, imbagħad jersaq lejH u jibda jemmen Fih. Jekk se nagħżlu li nibqgħu norbtu l-fidi tagħna ma’ xi bidla li nixtiequ li ssir, probabbli li qatt mhu se nikbru fil-fidi għax Alla jimxi magħna propju bl-oppost! Hu jrid il-fiduċja tagħna. Iridna nħalluh imexxina bħal tfal żgħar. L-akbar miraklu li għandna nfittxu hu l-bidla tal-qalb! Din il-meravilja, hi xogħol il-Mulej fil-qlub ta’ dawk li qed jippruvaw jintelqu kompletament f’idejH. U int, f’min qed tpoġġi l-fiduċja u t-tama tiegħek?

It-tieni, kull proġett fil-Knisja għandu jsir bil-permess u l-kunsens tal-Isqof jew tal-kappillan, jew ta’ xi ħadd ieħor li jkun inkarigat fil-parroċċa fejn tkun se ssir xi attività. Tkun xi tkun, dak li jsir mingħajr il-barka tal-Knisja, ma jitbierikx minn Alla u ma jkollux tmiem hieni u ma jipproduċix riżultati tajbin. Wieħed jista’ jagħraf fl-imġiba kollha ta’ San Frumenzju personalità dinamika b’żelu ispirat, imħabba għal Alla u għan-nies, u mentalità ekklesjastika. Huwa ma bediex ix-xogħol missjunarju tiegħu skont il-fehma tiegħu biss. Huwa ltaqa’ ma’ San Atanasju, għamel skont dak li talbu u b’hekk irċieva l-barka. Kemm hu importanti li ma naqbdux u nagħmlu kull ma jiġina f’moħħna, imma li nuru fehemitna lil xi saċerdot għaref jew lill-kappillan tal-parroċċa jew lil xi ħadd ieħor li jista’ jagħtina direzzjoni, permess jew awtorità, flimkien mal-barka ta’ Alla fuq il-proġetti tagħna. Ikunu kemm ikunu tajba u qaddisa, qatt ma għandna nkunu prużuntużi u nagħmlu li jfettlilna għax nistgħu nkunu qed nagħmlu aktar ħsara milli ġid.

U int titlob parir/i mingħand xi ħadd għaqli u li jimxi mas-sewwa biex tħalli li tiġi ggwidat/a f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-avvanz spiritwali tiegħek jew ta’ dawk fdati f’idejk? Jekk le, itlob lill-Mulej jilluminak għand min tista’ tmur u forsi lil min tista’ tagħżel bħala direttur spiritwali tiegħek hekk kif għamlu l-qaddisin.

Talba: Itlob għalina, għażiż San Frumenzju, biex aħna wkoll “nikbru fejn ġejna mħawla.” Int kont għadek tifel żgħir f’artijiet strambi u pagani, imma għamilt l-aħjar li stajt fis-sitwazzjoni li sibt ruħek fiha u wassalt il-verità u l-ħajja f’dik l-art abbandunata qalb nies mitlufa. Nitolbu biex bl-interċessjoni tiegħek inwasslu aħna wkoll id-dawl ta’ Kristu kull fejn inkunu bit-tama li nkunu ta’ ispirazzjoni għall-oħrajn biex huma wkoll jaslu biex jimxu wara Ġesù. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://oca.org/saints/lives/2015/11/30/103451-st-frumentius-the-archbishop-of-abyssinia-ethiopia

Alternative Reading: https://www.americaneedsfatima.org/Saints-Heroes/st-frumentius-of-ethiopia.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Frumentius

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started