30 ta’ Diċembru: San Sabinu

Verżjoni Vidjo: San Sabinu

“U lilkom kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi.” – Ġesù f’Mattew 10:22

SAN SABINU
Isqof u Martri
†305

Tagħrif: San Sabinu jingħad li kien isqof ta’ Faenza (280) u ta’ Assisi (290). Skont il-“Passio” tiegħu, miktub fis-seklu V u li dwaru hemm dubji serji Sabinu kien isqof waqt il-persekuzzjoni qalila kontra l-Insara, imqanqla mill-Imperatur Djoklezjanu, il-gvernatur ordnalu biex jadura ‘l-allat tal-imperu.’ Iżda l-isqof ma riedx. Kollu mgħaddab, il-gvernatur ordna li b’kastig jaqtgħu idejn il-qaddis u jixħtuh fil-ħabs.

Fil-ħabs Sabinu fejjaq raġel għama, u din l-aħbar malajr xterdet u sema’ biha wkoll il-Gvernatur Venustianus, li hu kien ukoll ibati b’għajnejh. Dan talab lil Sabinu biex ifejqu, u meta fil-fatt fejqu, talab li jitgħammed hu, martu u ż-żewġ uliedu subien. Meta Djoklezjanu sar jaf b’dan, ordna li Sabinu, il-gvernatur u l-familja tiegħu jiġu msawtin u maqtulin. Kien għall-ħabta tas-sena 305.

Il-qabar ta’ San Sabinu jinsab ftit aktar minn mil bogħod minn Spoleto, u l-kult lejh xtered lejn Assisi, u bliet oħra fl-Umbrija, fl-Italja. San Sabinu u sħabu martri huma mfakkrin flimkien fit-30 ta’ Diċembru.

Qatluhom qrib il-belt ta’ Spoleto, fl-Umbrija, fl-Italja Ċentrali fis-sena 303. Kemm Assisi, kif ukoll Faenza, Spoleto u Chiusi jissemmew bħala l-belt li tagħha kien isqof. Barra mill-gvernatur Venustjanu u l-familja kollha tiegħu, jissemmew ukoll Marċell u Eżuperanzju li kienu djakni miegħu. Wara San Rufino, li lilu hu ddedikat il-Katidral ta’ Assisi, San Sabinu hu l-iktar martri meqjum f’din il-belt.

Ħsieb: San Sabinu ftit ħabbel rasu li kienu diġà qatgħulu jdejh, u fejjaq lill-gvernatur minn għajnejh li wara sar Nisrani hu u l-familja kollha tiegħu. Għal dan, San Sabinu ħa l-mewt. Minn naħa l-oħra, il-gvernatur Venustjanu fieq tassew minn għajnejh u ftit wara ta ħajtu għal Kristu flimkien ma’ familtu! X’eżempju kbir jagħtuna dawn il-martri! Jidher ċar lit-tama tagħhom kienet soda fil-wegħda ta’ Kristu, li hemm glorja kbira u eterna tistenna lil dawk li jibqgħu jħobbuh sal-aħħar!

Il-Papa Franġisku, fl-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa 28 ta’ Ġunju 2017, jgħid hekk dwar din it-Tama li kellhom il-Martri:

“Illum nirriflettu fuq it-tama Nisranija bħala qawwa tal-martri. L-unika qawwa tan-Nisrani hi l-Vanġelu. Fiż-żminijiet ta’ diffikultà, irridu nemmnu li Ġesù jinsab quddiemna, u ma jiqafx jimxi mad-dixxipli tiegħu. Il-persekuzzjoni mhix kontradizzjoni għall-Vanġelu, imma tagħmel parti minnu: jekk ippersegwitaw lill-Imgħallem tagħna, kif nistgħu nittamaw li aħna nevitaw it-taqbida?

Imma, qalb it-tiġrib kollu, in-Nisrani m’għandux jitlef it-tama tiegħu, jew jaħseb li ġie abbandunat. Ġesù jiżgura lid-dixxipli tiegħu billi jgħidilhom: “Sa x-xagħar ta’ raskom kollu hu magħdud” (Mattew 10:30). Biex qisu jgħid li l-ebda tbatija tal-bniedem, l-anqas l-iċken waħda u l-aktar moħbija, ma hi inviżibbli f’għajnejn Alla.

Alla jara, u żgur jipproteġi; u se jagħti l-fidwa tiegħu. Fil-fatt fostna hemm Xi Ħadd li hu aqwa mill-ħażen, iktar b’saħħtu mill-mafja, mill-komplotti mudlama, minn min jaqlagħha tajjeb minn fuq dahar dawk ta’ qalbhom maqtugħa, minn min jgħaffeġ lill-oħrajn bi prepotenza… Xi Ħadd li minn dejjem sema’ l-vuċi ta’ demm Abel li qed tgħajjat mill-art.

Għalhekk l-Insara għandhom ikunu dejjem fuq “in-naħa l-oħra” tad-dinja, dik magħżula minn Alla:

  • mhux persekuturi, imma ppresegwitati;
  • mhux arroganti, imma umli;
  • mhux bejjiegħa tad-duħħan, imma sottomessi għall-verità;
  • mhux imposturi, imma onesti.

Din il-fedeltà fl-istil ta’ Ġesù – li hu stil ta’ tama – sal-mewt, l-ewwel Insara sejħulha b’isem sabiħ ħafna: “martirju,” li jfisser “xhieda.” Xi drabi, aħna u naqraw l-istejjer ta’ tant martri nibqgħu mistagħġbin quddiem il-qawwa li biha affrontaw il-prova. Din il-qawwa hi sinjal tat-tama kbira li kienet tmexxihom: it-tama żgura li xejn u ħadd ma seta’ qatt jifridhom mill-imħabba ta’ Alla mogħtija lilna f’Ġesù Kristu (ara Rum 8:38-39).”

Talba: O Alla, għat-talb ta’ San Sabinu, nitolbuk agħtina dejjem il-qawwa li nkunu xhieda tiegħek, li ngħixu t-Tama Nisranija fuq kollox fil-martirju moħbi li nwettqu tajjeb u bi mħabba d-dmirijiet tagħna ta’ kuljum. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version:http://saintscatholic.blogspot.com/2011/12/saint-sabinus-and-his-companions.html

Alternative Reading: http://www.keytoumbria.com/Spoleto/St_Sabinus.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Sabinus_of_Spoleto

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started