3 ta’ Marzu: Santa Katerina Drexel

Verżjoni Vidjo: Santa Katerina Drexel

“Mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema”. ~ Ġesù f’Mark 10:21

st-katherine-drexel-2SANTA KATERINA DREXEL
Reliġjuża
1858 – 1955

Tagħrif: Il-qaddisa twieldet f’Filadelfja, nhar is-26 ta’ Novembru, 1858, it-tieni bint ta’ Francis Drexel, u Hannah Langotroll li mietet xahar biss wara t-twelid ta’ Katerina. Ftit wara li romol, missierha Francis iżżewweġ lil Emma Bouvier, li kienet kattolika, u li rabbiet lil Katerina u lil oħtha l-oħra fil-fidi.

Fl-1879, meta għalqet 21 sena, Katerina kienet imdaħħla fis-soċjetà għolja ta’ Filadelfja, imma kienet aktar miġbuda għal l-ħajja reliġjuża. Ommha tar-rispett, mietet dik l-istess sena. Meta miet missierha, Katerina u oħtha wirtu, kull waħda minnhom, renta ta’ elf dollaru kuljum.

Meta kellha 28 sena, fis-sena 1886, Katerina mardet u marret il-Ġermanja biex tieħu saħħitha. Waqt li kienet hemm, hi ġabret diversi saċerdoti u sorijiet biex imorru jaħdmu fil-missjonijiet fost l-Indjani tal-Amerika, wara li kienet issuġġeriet it-twaqqif ta’ fond kattoliku għal dawn il-ħidmiet.

Waqt li darba Katerina Drextel kellha udjenza privata mal-Papa Ljun XIII, il-Papa qalilha biex hi ssir missjunarja. Fis-sena ta’ wara hi bniet skejjel fl-istati Amerikani ta’ Dakota, Wyoming, Montana, Kalifornja, Oregon u New Mexico.

Ta’ 31 sena, Katerina daħlet novizza mas-sorijiet tal-Ħniena (Sisters of Mercy), u ħadet il-libsa reliġjuża fis-7 ta’ Novembru, 1889 mill-Arċisqof Ryan ta’ Filadelfja. Sentejn wara, fl-1891, Katerina ħadet il-voti bħala l-ewwel membru tas-Sorijiet tas-Santissmu Sagrament għall-Indjani u l-Poplu ta’ Kulur. Hi fetħet novizzjat, u sat-tmiem tas-sena, f’Cornwall Heights qrib Filadelfja, kien hemm fil-kongregazzjoni 21 reliġjuż. L-ewwel missjoni kienet dik ta’ Santa Katerina f’Santa Fé, New Mexico. Imbagħad infetħu missjonijiet oħra u skejjel, fosthom ukoll Xavier University fi New Orleans. Il-Papa San Piju X ta l-approvazzjoni preliminari għall-kongregazzjoni tagħha fl-1907.

Barra l-voti tal-faqar, safa u ubbidjenza, Katerina daħħlet fil-kongregazzjoni tagħha r-raba’ vot: dak li s-sorijiet tagħha jkunu ommijiet u qaddejja tar-razez Indjani u Suwed skont ir-regoli tas-Sorijiet tas-Santissmu Sagrament, u li ma jieħdu ebda xogħol li jista’ jwassal li r-razez Indjani u lin-nies ta’ Kulur jistgħu jiġu traskurati jew abbandunati. Hija rċeviet ukoll pariri siewja u prudenti mill-qaddisa fundatriċi ta’ żmienha, Santa Franġiska Saverja Cabrini.

Katerina kienet magħżula superjura ġenerali, u kompliet tifrex l-iskop tal-ħidmiet tal-kongregazzjoni. Fl-1912, meta kienet fi New Mexico, ħadet il-marda tat-tifù u ħtiġielha tagħmel żmien biex tieħu saħħitha. Wara li fieqet, fl-1915 waqqfet Xavier University fi New Orleans – l-ewwel istituzzjoni kattolika ta’ edukazzjoni għolja għas-Suwed.

Fl-1935 attakk tal-qalb ġagħalha tirtira minn superjura. Hi marret fl-infermerija tal-kunvent biex titlob u timmatura fil-ħajja komtemplattiva.

Santa Katerina Drexel mietet fit-3 ta’ Marzu, f’Cornwell Heights, Pennsylvania, fl-età ta’ 96 sena. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II ddikjaraha beata fl-1988, u dan l-istess Papa ddikjaraha qaddisa fl-1 ta’ Novembru, 2000.

Ħsieb: Katerina Drexel kienet waħda mill-aktar nisa sinjuri tal-Amerika. Hi offriet il-ġid tagħha, ħajjitha u l-impenn kollu ta’ qalbha għall-ġid tal-oħrajn. Missierha li kien billjunarju ħalla kollox lit-tlitt ibniet kull waħda ndaqs. Iżda jekk waħda tmut flusha jmorru għal min jibqa’ ħaj. Ġara li ħutha t-tnejn mietu u l-flus marru kollha għandha. Għal 70 sena ħadmet kemm felħet fil-missjonijiet tal-Amerika.

Meta fl-1935 sofriet minn attakk tal-qalb li ġegħelha tirtira minn superjura, Katerina ma waqfitx mill-ħafna proġetti tagħha jew mit-tqassim tal-miljuni ta’ dollari li wirtet. Hu kkalkulat li minn mindu kellha 33 sena fl-1891 sakemm mietet fl-1955, il-qaddisa qassmet mill-wirt u d-dħul tagħha t-total ta’ 20 miljun dollaru biex jitwaqqfu skejjel u missjonijiet għall-Indjani u għas-Suwed.

Ġesù qal: “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla!” (Mark 10:23) imma għall-kuntrarju, ftit qabel ma qal dan, Ġesù xeħet fuq ż-żagħżugħ għani ħarsa ta’ mħabba u qallu: “… Mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema” (Mark 10:21). U hekk nistgħu nifhmu l-ħarsa ta’ mħabba ta’ Ġesù fuq Katerina Drexel u fuq kull min jagħti widen għall-kliem tal-Iben t’Alla li ‘ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi’. Nistgħu nimmaġinaw it-teżor fis-sema li Katerina Drexel kellha jistennieha meta ħalliet din id-dinja. Imma dan ma kienx kull ma għamlet din il-qaddisa!

Hi ma qassmitx ġidha bla ma billet subagħha. Bħal Ġesù hija libset il-fardal biex isservi lil dawk ir-razez Indjani u lin-nies ta’ Kulur bla ma tinvolvi ruħha fl-ebda ħidma li tista’ twassal biex dawn jiġu traskurati jew abbandunati. U biex tassigura li tassew iseħħ dan, l-attitudni li ħaddnet f’ħajjitha, daħlitha fil-kongregazzjoni tagħha bħala r-raba’ vot skont ir-regoli tas-Sorijiet tas-Santissmu Sagrament li hija kienet waqfet.

Fl-omelija tiegħu fil-Quddiesa tas-17 ta’ Jannar, 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna jgħid hekk:

“Il-Mulej jitħallat magħna, aħna min aħna, hi x’inhu l-kulur tal-ġilda tagħna. Daħal fil-kju ta’ dawk li kienu jistennew il-magħmudija tal-indiema. Hu kien għadu fl-ilma, il-Missier tas-Sema jgħidlu: “Ibni int, fik sibt il-għaxqa tiegħi” (Luqa 3:2). U din il-kelma l-Mulej Alla jagħmilha u jgħidha fuq kulħadd, hu min hu, inti minfejn ġej: inti iben Alla.

Kemm hi ħaġa sabiħa li meta persuna tixref fuq ix-xtut tagħna, l-ewwel li naraw mhux kemm għandha flus fil-but, jew jekk għandux kuntatti politiċi utli, imma li hija persuna umana, bniedem li għandu d-dinjità tiegħu għax huwa iben Alla. U allura jistħoqqlu rispett fil-protezzjoni u nagħmlu kull ma nistgħu biex ukoll nassigrawlhom futur.

Qatt mhu se jonqosna l-ġid u qatt ma se tonqosna l-barka, jekk aħna b’ġenerożita’ kbira naqsmu mill-ġid li għandna ma’ kulħadd. Qatt mhu se tinxtorob il-qalb tagħna jekk tinfetaħ ukoll għal kulmin jiġi jħabbat fuq xtutna. U dan jgħodd mhux biss għal pajjiżna, imma wkoll għall-Ewropa”.

M’hemmx għalfejn li ssiefer ‘il bogħod biex tfittex u tgħin lin-nies fil-bżonn. Biżżejjed tħares lejn dawk li għal xi raġuni jew oħra qed jgħixu fuq l-istess gżira tagħna. Dawn ħutna u jeħtieġu l-għajnuna tagħna f’kull bżonn tagħhom. Jekk trid tgħix il-karita’, tista’ anki tibda minn dawk ta’ madwarek.

Talba: O Alla mimli mħabba, int sejjaħt lil Santa Katerina Drexel biex tgħallem il-Messaġġ tal-Vanġelju u biex iġġib il-ħajja tal-Ewkaristija lin-nies ta’ Kulur u lir-razez Indjani. Permezz tat-talb u l-eżempju tagħha, agħtina li nkunu nistgħu naħdmu għall-ġustizzja fost il-foqra u oppressi. Iġbidna lkoll fil-komunità Ewkaristika tal-Knisja tiegħeK, ħalli nkunu ħaġa waħda Fik. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/03/blessed-katharine-drexel.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-katharine-drexel/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Katharine_Drexel

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

22 ta’ Diċembru: Santa Franġiska Saveria Cabrini

Verżjoni Vidjo: Santa Franġiska Saveria Cabrini

“Afdaw f’Alla dejjem u tkunu xhieda ta’ għeġubijiet.” ~ Santa Franġiska Saveria Cabrini

20140404cnsbr4812_0SANTA FRANĠISKA SAVERIA CABRINI
1850 – 1917

Tagħrif: Franġiska twieldet f’Sant’Angelo Lodigiano, qrib Milan; kienet l-iżgħar fost 13 -il aħwa ta’ familja ta’ bdiewa. Minn kmieni kienet mimlija b’żelu missjunarju għax fil-familja kienu jinqraw l-Annali tal-Propagazzjoni tal-Fidi. Hija kisbet ċertifikat ta’ għalliema u applikat biex tidħol soru f’żewġ ordnijiet reliġjużi differenti li kellhom djar fil-missjoni iżda d-darbtejn ġiet irrifjutata billi kienet tidher ta’ saħħa dgħajfa.

Ix-xewqa tagħha kienet li tmur missjunarja fiċ-Ċina. Kontra qalbha, fuq talba tal-isqof tagħha, hija pprovat issalva orfanatrofju f’Codogno u tagħmel l-istaff tiegħu komunità reliġjuża, iżda wara 6 snin ta’ xogħol iebes, din il-ħidma ma rnexxietx.

Fl-1880, meta kellha 30 sena, Franġiska b’7 sħabha mill-orfanatrofju bdiet il-komunità tagħha tas-Sorijiet Missjunarji tal-Qalb ta’ Ġesù bl-iskop li jmorru missjunarji fiċ-Ċina.

L-isqof ta’ Piacenza, il-Beatu Giovanni Battista Scalabrini, issuġġerielha li tmur taħdem fost l-immigranti Taljani, speċjalment fl-Istati Uniti, bħalma ġa kienet qiegħda tagħmel il-kongregazzjoni tiegħu ta’ San Karlu; iżda qalb Madre Cabrini kienet aktar miġbuda lejn iċ-Ċina.

Dik il-ħabta eluf kbar ta’ Taljani kienu emigraw lejn l-Amerika fejn ma kienu popolari xejn; ħafna minnhom bla sengħa u bla ma jafu kelma bl-Ingliż, u spiss kienu jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet fejn kienu jiġu sfruttati. Madre Franġiska talbet il-parir tal-Papa Ljun XIII, li bla tlaqliq qalilha: “Mhux lejn il-Lvant, iżda lejn il-Punent.” Hija obdiet mill-ewwel u flimkien ma sitt sorijiet tagħha waslet fi New York fl-1889, fejn ma damitx ma waqqfet l-ewwel dar u orfanatrofju.

L-ilsien Ingliż sabitu tqil, kif ukoll ħassitha stramba meta kellha tiltaqa’ mal-Protestanti, imma ma kinitx bniedma taqta’ qalbha. Minkejja li għall-bidu kienet tibża’ tivvjaġġa fuq il-baħar, hi qasmet l-Atlantiku tletin darba. Matul 28 sena rnexxielha twaqqaf diversi skejjel, djar għall-iltiema, kif ukoll erba’ sptarijiet fosthom il-famuż Columbus Hospital ġo New York.

Madre Cabrini daħħlet ukoll is-sorijiet tagħha f’diversi pajjiżi fl-Ewropa barra mill-Italja, fosthom Franza, Spanja u l-Ingilterra, kif ukoll fl-Amerika t’Isfel bħall-Brażil, l-Arġentina u n-Nikaragwa. Xtaqet tasal anki sal-Alaska.

Madre Cabrini mietet għal għarrieda waħedha f’wieħed mill-isptarijiet tagħha f’Chicago waqt li kienet tħejji r-rigali tal-Milied għal 500 tifel u tifla, nhar it-22 ta’ Diċembru, 1917 meta kellha 67 sena. Ġiet ibbeatifikata 21 sena wara mewtha (13.11.1938) u ddikjarata qaddisa 8 snin wara (7.7.1946), l-ewwel ċittadina tal-Istati Uniti li ġiet ikkanonizzata. Fl-1950, il-Papa Piju XII ħatarha Patruna tal-emigranti.

Ħsieb: Inebbħuna l-kelmiet ta’ San Ġwanni Pawlu II:

“Jekk il-‘ħolma’ ta’ dinja fil-paċi tkun maqsuma bejn ħafna, jekk nagħtu valur lill-kontribut tal-immigranti u r-rifuġjati, l-umanità tista’ ssir dejjem iżjed familja ta’ kulħadd u artna ‘dar komuni’ tassew.”

Ħafna fl-istorja emmnu f’din il-“ħolma”, u dak li wettqu hu xhieda li m’aħniex nitkellmu dwar utopja li ma tistax isseħħ. Fost dawn ta’ min isemmi lil Santa Franġiska Saverja Cabrini, li fis-sena 2017 ħabat iċ-ċentinarju tat-twelid tagħha għas-Sema. Illum, ħafna komunitajiet ekkleżjali jiċċelebraw it-tifkira tagħha. Din il-mara ċkejkna imma kbira, li kkonsagrat ħajjitha għall-qadi tal-immigranti, biex imbagħad saret il-Patruna tagħhom mis-Sema, għallmitna kif nistgħu nilqgħu, nipproteġu, nippromovu u nintegraw lil dawn ħutna.

Il-Papa Franġisku fil-messaġġ tiegħu ta’ Jum il-Paċi tal-1 ta’ Jannar 2018, qal hekk:

“Bi spirtu ta’ ħniena, ejjew inħaddnu magħna lil dawk kollha li qed jaħarbu mill-gwerra u mill-ġuħ jew huma mġiegħla jħallu artijiethom minħabba f’diskriminazzjonijiet, persekuzzjonijiet, faqar u taħsir ambjentali. Aħna nafu li mhux biżżejjed li niftħu qlubna għat-tbatijiet tal-oħrajn. Irid isir wisq aktar qabel ma’ ħutna jistgħu jerġgħu lura jgħixu fil-paċi f’dar żgura.

Li nilqgħu lill-oħrajn jitlob minna mpenn konkret, katina ta’ għajnuniet u ta’ għemejjel ta’ tjieba, attenzjoni li tishar u tifhem, it-trattament responsabbli ta’ sitwazzjonijiet ġodda kumplessi li, xi drabi, jiżdiedu ma’ għadd ta’ problemi oħra li diġà jeżistu, kif ukoll tar-riżorsi dejjem limitati. Bil-prattika tal-virtù tal-prudenza, min jiggverna jista’ jagħraf jilqa’, jippromovi, jipproteġi u jintegra, waqt li jistabbilixxi miżuri prattiċi, u “jgħinhom isiru membri ġodda ta’ pajjiżhom fil-limiti tal-ġid komuni mifhum sewwa.” Huma għandhom responsabbiltà preċiża lejn il-komunitajiet tagħhom, li għandhom jiżgurawlhom id-drittijiet ġusti u l-iżvilupp armoniku tagħhom, biex ma jkunux bħall-bennej iblah li qies ħażin u ma rnexxilux iwettaq sal-aħħar it-torri li kien beda jibni.

L-għerf tal-fidi jagħtina din il-ħarsa, li kapaċi tintebaħ li lkoll nagħmlu ‘parti minn familja waħda, immigranti u popli lokali li jilqgħuhom, u lkoll għandhom l-istess jedd għall-użu tal-ġid tal-art, li d-destinazzjoni tagħha hi universali, kif tgħallem id-duttrina soċjali tal-Knisja.’

Biex noffru lil dawk li qed jitolbuna kenn, rifuġjati, immigranti u vittmi ta’ traffikar, possibbiltà biex isibu dik il-paċi li qed ifittxu, dan jitlob strateġija li tiġbor flimkien erba’ azzjonijiet:

  • nilqgħu: ‘Tinsewx tilqgħu lill-barranin; minħabba f’hekk xi wħud laqgħu l-anġli bla ma kienu jafu’ (Lhud 13:2),
  • nipproteġu: ‘Il-Mulej li jħares lill-barranin; hu li jżomm lill-iltim u lill-armla’ (Salm 146:9),
  • nippromovu: Il-Bibbja tgħallem li Alla ‘jħobb il-barrani u jagħtih ħobż u lbies.’ imbagħad issejjaħ: “Ħobbu l-barrani, għax intom barranin kontu fl-art tal-Eġittu.’ (Dewteronomju 10:18-19),
  • nintegraw: “Għalhekk ma għadkomx aktar barranin u frustieri, imma intom ċittadini flimkien mal-qaddisin u nies tad-dar ta’ Alla.’ (Efesin 2:19).

Għall-interċessjoni ta’ Santa Franġiska Saveria Cabrini, ħa jagħti l-Mulej lilna lkoll li nduqu kif ‘dawk li jfittxu s-sliem jiżirgħu fis-sliem u jkollhom il-frott tal-ġustizzja.’ (Ġakbu 3:18).”

Talba: Alla ħanin, Int ħeġġiġtna permezz ta’ Ibnek Ġesù, biex nitolbu l-għajnuna tiegħek fil-bżonnijiet kollha tagħna. Agħtina permezz tal-interċessjoni ta’ Santa Franġiska Saveria Cabrini, il-grazzja li ma nagħmlu l-ebda distinzjoni bejn bniedem u ieħor, imma li nħobbu u naqdu lil kulħadd, irrelevanti l-kulur, in-nazzjon jew il-lingwa. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.mothercabrini.org/who-we-are/mother-cabrini/

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-frances-xavier-cabrini/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Frances_Xavier_Cabrini

An old film on Saint Frances Xavier Cabrini:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started