12 ta’ Jannar: San Bernard minn Corleone

Verżjoni Vidjo: San Bernard minn Corleone

“Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen.” – 1Ġwanni 1:9

bernardSAN BERNARD MINN CORLEONE
Reliġjuż
1605 – 1667

Tagħrif: San Bernard kien terzjarju franġiskan u ddedika l-għajnuna tiegħu lill-foqra, morda u l-oppressi. Huwa talab li jidħol mal-patrijiet Kappuċċini Minuri u hemm wera’ ruħu mpenjat għall-missjoni tiegħu mimli ħeġġa reliġjuża.

Hu twieled fi Sqallija fis-sena 1605. Missieru kien skarpan u għallem lil ibnu s-sengħa tiegħu. Malli miet missieru huwa ħalla l-ħanut u ħa t-triq tal-ġlied bix-xwabel u sar espert f’dan.

Bernard spiss kien jisfida għad-dwell lil dawk li kienu jippreżentaw ruħhom quddiemu. Din it-tip ta’ ħajja begħditu minn Alla. Madankollu xi kwalitajiet tajba baqgħu jidhru fih. Kien iħobb jiddefendi nies fqar u ġwejda kontra min kien juża vjolenza magħhom. Spiss kien iżur il-kurċifiss li lejh bosta nies kienu juru devozzjoni. Fuq kollox kellu devozzjoni kbira lejn San Franġisk ta’ Assisi.

Jum wieħed huwa laqa’ sfida għal dwell li fih fera’ għall-mewt lil min sfidah. Billi beża’ li issa kien ser ikollu jiffaċċja vendetta mill-ħbieb tal-ferut, talab kenn fost il-Kappuċċini Franġiskani. Biex ipatti għal ħtijietu huwa talab li jdaħħluh fil-kongregazzjoni tagħhom bħala ajk u beda n-novizzjat tiegħu fit-13 ta’ Diċembru tas-sena 1632. Hawn għex ħajja ta’ penitenza u edifikanti għall-aħħar. Jingħad li hu kien isawwat lilu nnifsu seba’ darbiet kuljum sakemm joħroġ id-demm minn ġismu. Kien jorqod tliet sigħat kuljum, fuq l-injam bi blokka tal-injam biex isservih ta’ imħadda.

Ħafna drabi huwa kien jiekol ħobż u jixrob ilma biss. Jekk kien jara xi ħaġa li togħġbu hu kien iressaqha ma’ ħalqu u bla ma jmissha jerġa’ jpoġġiha fil-platt. Biex ikompli jagħmel penitenza kien jitlob li jagħmel bħala dmiru responsabiltajiet l-aktar baxxi u umli, li kulħadd kien jaħrab.

San Bernard kien iħobb jitlob ħafna. Kellu devozzjoni speċjali lejn il-Madonna u kien jinkoraġixxi lil ħaddieħor biex jagħmel l-istess. Marija, Omm Alla dehritlu u tatu f’dirgħajh lill-Bambin Ġesù. Hija wkoll għarrfitu l-jum ta’ mewtu erba’ xhur qabel ma ħalla din id-dinja. Miet f’Palermo fit-12 ta’ Jannar tas-sena 1667.

Kien il-Papa Klement XIII li fis-sena 1767 għamlu Beatu, filwaqt li l-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II fis-sena 2001 iddikjarah Qaddis.

Ħsieb: Ikkunsidra l-penitenza severa li San Bernard minn Corleone pprattika wara l-konverżjoni tiegħu. Hu fisser dak li jgħidu l-Missirijiet qaddisa tal-Knisja u dak li nsibu fit-tagħlim tal-Knisja Kattolika, li dawk li ma jżommux l-innoċenza tal-Magħmudija, m’hemmx mod ieħor biex huma jsalvaw ħlief il-Qrar u l-Penitenza.

Forsi aħna dnibna b’mod aktar gravi minn Bernard. F’dan il-każ, għandna nipprattikaw penitenzi aktar rigorużi, għax skont il-miżura tal-ħtija tagħna għandhom ikunu l-miżuri tal-penitenzi li nipprattikaw. Jew forsi inti temmen li m’għandekx għalfejn tagħmel penitenza? Din tabilħaqq tkun delużjoni sfortunata, għax San Ġwann jikteb: “Jekk ngħidu li m’għandniex dnub, inkunu qegħdin inqarrqu bina nfusna u l-verità ma tkunx fina” (1Ġwanni 1:8). Dan huwa l-ewwel rekwiżit tal-penitenza, li aħna nirrikonoxxu sinċerament in-nuqqasijiet tagħna quddiem Alla u li nindmu minnhom b’qalbna kollha. Għandek tal-inqas din it-tip ta’ attitudni ta’ sogħba u dispjaċir għad-dnubiet li għamilt?

Issa kkunsidra l-kliem ta’ Sidna Ġesù meta qal: “Jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda.” (Luqa 13:5). Il-Mulej tkellem b’dan il-mod wara li kienu għadhom kemm tarfulu li numru ta’ persuni mietu mewta vjolenti, bla mistennija u f’daqqa. Hemm limitu għat-tolleranza ta’ Alla. Li kieku Bernard ma weġibx għas-sejħa tal-grazzja, probabbli li kien jintilef hu wkoll minħabba dnubietu! Għalhekk, tajjeb li nagħtu widen għat-twissija li nsibu f’Lhud 3:8: “Jekk illum tisimgħu leħen il-Mulej, la twebbsux qalbkom.” Għaliex jgħid ‘illum?’ Għax illum hu tiegħek. Għada m’huwiex f’idejk! Il-Mulej jaf kemm ilek tipposponi għas-sejħa tiegħu biex tagħmel Qrara tajba u penitenza għal dnubietek!!

Il-midneb għandu jipproduċi wkoll il-frott tal-penitenza. Il-prekursur ta’ Kristu jħeġġiġna: “Uru frott li jixraq lill-indiema” (Luqa 3:8). Żgur li m’għadux iż-żmien li wieħed jagħmel it-tip ta’ penitenza rigoruża li għamel San Bernard, imma żgur li wieħed jista’ jipprattika sagrifiċċji oħra li jkunu jiswewlu aktar. Il-penitenza mhix biss għaż-żmien tar-Randan, għalkemm f’dan iż-żmien nisimgħu iżjed dwarha. Tista’ twettaq ħidmiet ta’ karità u ħniena fi spirtu ta’ penitenza sabiex tpatti għal dnubietek u tajjeb li taċċetta bil-ferħ bi spirtu ta’ penitenza kull salib u tbatija li Alla jippermetti f’ħajtek. Hemm ukoll il-ħtieġa tar-rażan u l-kontroll fuqna nfusna.

Din li ġejja hija lista li tista’ tgħinek tneħħi minn ħajtek 40 ĦAĠA ħalli tkun qed tgħix ħajja aħjar, kif jixtieq Alla minnek:

1. Mibgħeda
2. Rabja
3. Ingratitudni
4. Tgergir
5. Idolatrija
6. Impurità
7. Suppervja
8. Medjokrità
9. Dagħa
10. Distrazzjoni
11. Sens ta’ ħtija
12. Ftaħir żejjed
13. ‘Self pity
14. Biża’ li tfalli
15. ‘Busy‘ iżżejjed
16. Qtigħ ta’ qalb
17. Kliem li ma jagħmilx ġid
18. Pjaċiri bla rażan
19. Il-‘comfort zone‘ tiegħek
20. Tinkwieta
21. Nuqqas ta’ paċenzja
22. Li ma tfittitx parir
23. Self Sufficiency
24. Tiegħek biss tajjeb
25. Negattività
26. Għira
27. Tibqa’ tgħix f’firda
28. Trid tara dejjem ta’ min hu t-tort
29. Idea żbaljata ta’ Alla
30. Il-ħsieb li int ma jistħoqqlokx il-ħniena t’Alla
31. Ma tagħmilx il-bidla neċessarja
32. Apatija u indifferenza lejn is-sewwa
33. Tikkompara lilek innifsek mal-oħrajn
34. Il-bżonn li togħġob u tagħmel li jgħidulek in-nies
35. Diżonestà
36. Ras iebsa
37. Kburija
38. Nuqqas ta’ talb
39. Ma tfittitx il-maħfra t’Alla fis-Sagrament tal-Qrar
40. Iżżomm bogħod mit-Tqarbin jew titqarben ħażin

Jekk taħdem fuqek innifsek b’dan il-mod, bil-għajnuna tal-grazzja t’Alla, inti tagħraf kemm dan jiswielek u Alla jixtiequ minnek għall-ġid tiegħek stess l-ewwel u qabel kollox. Bil-penitenza, wieħed inaqqas miż-żmien tal-Purgatorju u jgħin ukoll għas-salvazzjoni mhux biss tiegħu nnifsu, imma ta’ erwieħ oħra. Inti lest/a għal dan?

Talba: O Alla, li ppermettejt li San Bernard, il-Konfessur tiegħek, jiddistingwi ruħu minn karità erojka u penitenza ammirabbli, agħtina, permezz tal-interċessjoni tiegħu, li aħna nħobbu lilek b’qalbna kollha u li nagħmlu frott xieraq ta’ ndiema. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-bernard-of-corleone.html

Alternative Reading: https://www.roman-catholic-saints.com/st-bernard-of-corleone.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Bernard_of_Corleone

16 ta’ Novembru: Santa Ġertrude

Verżjoni Vidjo: Santa Ġertrude

“In-nies li jħobbu ħafna ‘l Alla joqogħdu tant attenti biex ma joffenduhx, u anke d-difetti żgħar tagħhom jarawhom kbar. L-akbar miraklu li nara huwa, kif id-dinja tissaporti midinba li ma tiswa xejn bħali. Santa Gertrude.” – Santa Ġertrude

st-gertrude-of-nivelles6xSANTA ĠERTRUDE
Verġni
1256 – 1301

Tagħrif: Santa Ġertrude twieldet fl-1256, f’Eisleben, Ġermanja. Hi waħda mill-Mistiċi l-kbar tas-seklu tlettax.

Meta kellha ħames snin ġiet fdata f’idejn is-Sorijiet Benedittini, f’Helftne, fejn is-soru li kienet tieħu ħsiebha kienet Santa Mektilde.

It-tifla kienet intelliġenti u studjuża. Tgħallmet il-Latin u saret taf tiktbu b’ħeffa u b’eleganza.

Ipprofessat Soru fl-istess monasteru li kienet daħlet fih meta kienet għadha tifla ċkejkna.

Ta’ 26 sena kellha l-ewwel esperjenza tal-viżjonijiet u r-rivelazzjonijiet li baqa’ jkollha sakemm mietet, għoxrin sena wara, fis-16 ta’ Novembru, 1301.

Kellha mħabba kbira lejn Ġesù fl-Ewkaristija, u kienet waħda minn tal-bidu nett li bdiet ixxerred id-devozzjoni lejn il-Qalb Santissima ta’ Ġesù.

Ħsieb: Fost diversi devozzjonijiet u rivelazzjonijiet li kellha din il-mistika kbira Santa Ġertrude, xtaqt li niffukaw fuq il-ġibda kbira tagħha lejn il-Knisja Purganti jew il-Knisja Sofferenti, fi kliem ieħor lejn l-Erwieħ tal-Purgatorju. Kull darba li kienet tersaq lejn l-Ewkaristija kienet titlob lil Ġesù biex jitfa’ u jxerred il-Ħniena tiegħu fuqhom. Waqt tqarbina partikolari, hija għamlet esperjenza ma’ Ġesù fil-Purgatorju. Semagħtu jgħid: “Fit-Tqarbin Imqaddes jiena neħles mill-purgatorju lil dawk li għalihom inti titlobni.”

U wara t-tqarbin il-Mulej Ġesù kien jeħles aktar erwieħ milli hi kienet titlob għalihom. Darba meta Ġertrude kienet qed titlob b’ħerqa kbira għall-erwieħ imqaddsa hija staqsiet lill-Mulej Ġesù  kemm erwieħ il-Ħniena Tiegħu kienet ser teħles. Huwa weġibha:

“Jekk re ta’ qalb tajba jħalli fil-ħabs, minħabba l-ġustizzja, ħabib tiegħu li nstab ħati, huwa jistenna b’xewqa kbira li xi ħadd minn nobbli tiegħu jidħol għal dak il-priġunier u joffri xi ħaġa b’rahan biex jinħeles. Imbagħad ir-re jeħilsu bil-ferħ. Daqshekk ieħor jiena. Jiena naċċetta b’ferħ kbir dak li xi ħadd joffrili għal dawn l-imsejkna erwieħ għaliex huwa ta’ ferħ għalija li jkolli ħdejja dawk l-erwieħ li jiena għalihom ħallast prezz hekk għoli. Bit-talb tiegħek jiena nobbliga ruħi li neħles mill-purgatorju ħabsi kull darba li inti tagħmel hekk.”

Il-Mulej Ġesù għallem lil Ġertrude għal min għandha l-aktar titlob. Fil-jum li fih il-komunità ikkommemorat flimkien il-mewt tal-ġenituri tagħhom, Ġertrude rat erwieħ ferħana jitilgħu mid-dlamijiet tal-Purgatorju bħal xintilli minn fjamma. Hija staqsiet lil Ġesu’ jekk dawk kinux kollha il-familjari tal-komunità U Ġesù weġibha:

“Jiena hu l-eqreb qarib tiegħek, missierek u ommok. Għalhekk ħbiebi huma l-eqreb qraba għalik u dawn huma fost dawk li jiena ħlist mit-turmenti tal-purgatorju.”

Jum wieħed waqt li kienet qed titlob, Ġertrude ndunat b’persuna li kienet qiegħda bilwieqfa ħdejn il-Mulej, bilqiegħda fuq it-tron tal-glorja tiegħu u f’idejh kellu libsa mżejna mill-aqwa, li ppreżentahielha imma ma libbisilhiex. Il-qaddisa baqgħet tassew mistgħaġba u qaltlu:

“Meta għamiltlek talba simili ftit jiem ilu Inti ħadt mill-ewwel lil dik ir-ruħ tal-povra mara fil-glorja tal-ġenna. U issa Inti ma libbistx lil din il-persuna bil-libsa li wrejtha u li tant tixtieq tilbes, għall-merti tal-grazzji tiegħek.”

U l-Mulej weġibha:

“Meta xi ħadd joffrili xi ħaġa għall-erwieħ tal-purgatorju jiena nutilizzaha skont kif nara l-aħjar. Inqassam il-ħniena u l-maħfra tiegħi skont il-ġudizzju rett tiegħi.”

Din il-qaddisa kitbet din it-talba (li mbagħad saret popolari mad-dinja kollha) għall-ħelsien tal-erwieħ mill-Purgatorju:

“Missier Etern, jiena noffrilek id-demm prezzjużissmu ta’ Ibnek Divin flimkien mal-quddies kollu li jingħad fid-dinja matul dan il-jum, għall-erwieħ imqaddsa tal-Purgatorju, għall-midinbin kollha tal-knisja universali, ta’ darna u tal-familja tagħna. Ammen.”

Jingħad li meta wieħed jgħid din it-talba bid-devozzjoni u b’attenzjoni, Alla jeħles ħafna erwieħ mill-Purgatorju.

  • Int titlob għall-erwieħ tal-Purgatorju, b’mod speċjali f’dan ix-xahar iddedikat għalihom?
  • Toffri quddies u tqarbin b’sufraġju għal ruħhom fuq l-eżempju ta’ Santa Ġertrude?

Talba: O Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, ħaj u għajn tal-ħajja eterna, Teżor infinit tad-Divinità, u nar iħeġġeġ tal-imħabba, Int il-kenn u s-santwarju tiegħi. O Salvatur adorabbli u glorjuż, ikkonsma lil qalbi b’dak in-nar iħeġġeġ li ħiereġ mill-fjammi ta’ Qalbek. Ferra’ f’ruħi dawk il-grazzji li ħierġa minn Imħabbtek. Agħmel li qalbi tkun hekk magħquda ma’ Tiegħek, li r-rieda tagħna tkun waħda, u jien inwettaq dak kollu li trid minni Int. Ħa tkun ir-Rieda tiegħek ir-regola tiegħi. Ammen.

(Din it-talb hi maħsuba li oriġinarjament ġiet miktuba minn Santa Ġertrude u adattata minn San Alfons Liguori; huwa meqjus bħala l-awtur minħabba l-formulazzjoni finali tiegħu)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

Printable Prayers of Saint Gertrude: http://www.catholictradition.org/Gertrude/sg-text1.htm

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/st-gertrude.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-gertrude-the-great-715

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Gertrude_the_Great

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

2 ta’ Novembru: Il-Fidili Mejtin Kollha

Verżjoni Vidjo: Il-Fidili Mejtin Kollha

“Int sawwartni mit-trab u libbistni bil-ġisem; Mulej, Feddej tiegħi, erġa’ qajjimni għall-ħajja fl-aħħar jum.” – Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat

all-soulsIL-FIDILI MEJTIN KOLLHA

Tagħrif: Fit-2 ta’ Novembru, il-Knisja turi b’mod speċjali s-simpatija tagħha ma’ wliedha li qed jiġu ppurifikati fil-Purgatorju. Dan il-jum huwa magħruf ukoll bħala l-Għid tal-imwiet.

Il-Knisja fuq l-art tunura b’rispett kbir lill-mejtin tagħha, u billi huwa ħsieb qaddis u siewi li titlob għall-mejtin biex jinħelsu minn dnubiethom, (2 Makkabin 12:46) toffri suffraġi għalihom.

Sa mill-bidu nett, l-Insara kellhom ġranet fis-sena li fihom kienu jiftakru b’mod iktar mis-soltu fil-mejtin tagħhom. Fis-sena 800, kien sar ftehim bejn il-monasteri ta’ San Gall u ta’ Reichenaw li fl-14 ta’ Novembru ta’ kull sena ssir tifkira tar-reliġjużi mejtin taż-żewġ komunitajiet, u kull saċerdot iqaddes tliet quddisiet.

Fis-sena 998, San Odilo, abbati tal-monasteru ta’ Cluny, ordna li l-membri tiegħu josservaw it-2 ta’ Novembru bħala Jum it-Tifkira tal-Insara mejtin kollha. Dan il-Jum ta’ Tifkira daħal f’monasteri oħra. Fl-1008, Lieġi, Belġju, kienet l-ewwel djoċesi li addottat dan l-użu. Minn hemm baqa’ dejjem jixtered bla ma qatt ġie impost uffiċjalment mill-Knisja.

Fil-gwerra l-kbira, il-Papa Benedittu XV, fl-10 ta’ Awwissu 1915, estenda dan l-użu mal-Knisja tal-Punent, u ddikjara li kull saċerdot jista’ joffri tliet quddisiet – waħda għall-Erwieħ tal-Purgatorju, oħra għall-intenzjoni tal-Papa, u oħra skont l-intenzjoni tas-saċerdot, li għal din tal-aħħar biss is-saċerdot jista’ jieħu l-elemożina.

Santu Wistin jgħid li l-Knisja turi li hi omm billi titlob għall-Insara kollha mejtin, sabiex dawk li ma jkollhomx ġenituri, tfal, qraba jew ħbieb li jagħtuhom dan is-servizz, allura jirċevuh mill-Knisja, l-omm devota u komuni ta’ kulħadd.

Il-Papa San Ġwanni XXIII jiddiskrivi din it-tifkira tal-mejtin kollha li niċċelebraw illum bħala “meditazzjoni fuq veritajiet eterni li turina x’inhu dak li jgħaddi u x’inhu dak li jibqa’ jeżisti.” Fil-Liturġija tal-Mejtin, il-Knisja tgħidilna li għal dawk li jemmnu f’Alla l-ħajja ma tintemmx imma tinbidel, u fi tmiem iż-żmien tagħna fuq l-art darna tinbidel f’waħda għal dejjem. Dan il-kliem il-Knisja temmnu fuq kliem Kristu li qal: “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja; min jemmen fija anki jekk imut jgħix, u min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt.” (Ġwanni 11:23-26)

It-talb tagħna għal ħutna l-mejtin isaħħilna wkoll it-tama li aħna għad nieħdu sehem fir-Reżurrezzjoni ta’ Kristu.

Agħtihom O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem. Id-Dawl ta’ dejjem jiddi lilhom. Jistrieħu fis-sliem. Ammen.

Ħsieb: Qari mill-Ktieb tal-Isqof San Ambroġ fuq il-mewt ta’ ħuh Satiru:

“Imissna nintebħu li l-mewt hi qligħ u l-ħajja kastig, għax għalhekk San Pawl jgħid: ‘Għalija l-ħajja hi Kristu, u l-mewt hi rebħ.’ X’inhu Kristu hawn, jekk mhux il-mewt tal-ġisem u l-ħajja tar-ruħ? Mela, ħa mmutu miegħu, biex ngħixu miegħu. Għandna nidraw immutu kuljum, u nħobbu drawwa bħal din, għaliex b’hekk ir-ruħ tagħna tidra tinqata’ minn kull ma jħajjarna f’din id-dinja, u qisha togħla ‘l fuq fejn ma jilħquhiex ix-xewqat tad-dinja biex jorbtuha magħhom: b’hekk ruħna tilbes is-sura tal-mewt biex teħles mill-kastig tal-mewt ta’ dejjem. Il-liġi tal-ġisem hi kontra l-liġi tal-moħħ u twassalna għall-liġi tad-dnub. Kif se neħilsu dan? ‘Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt? Niżżi ħajr lil Alla permezz ta’ Ġesù Kristu Sidna.’

Għandna tabib! Ħa nagħmlu dak li jgħidilna. Il-grazzja ta’ Kristu hi l-fejqan tagħna u l-ġisem tal-mewt hu ġisimna. Nitbiegħdu mill-ġisem, biex ma nibqgħux ‘il bogħod minn Kristu; għalkemm għadna fil-ġisem, ma nfitxxux dak li hu tal-ġisem, u għalkemm ma nwarrbux minna dak li hu tal-ġisem, u għalkemm ma nwarrbux minna dak li titlob minna n-natura tagħna, infittxu aktar dak li tagħtina l-grazzja.

U x’ngħid aktar? Bil-mewt ta’ bniedem wieħed ġiet mifdija d-dinja. Kieku ried, Kristu seta’ ma jmutx, iżda deherlu li ma għandux jaħrab mewt mistkerrha, u qies li ma setax isalvana b’mod aħjar milli jmut għalina. Għalhekk il-mewt tiegħu hi l-ħajja tal-bnedmin kollha. Aħna mmarkati bil-mewt tiegħu; meta nitolbu, inħabbru l-mewt tiegħu; meta nqaddsu, inxandru l-mewt tiegħu; il-mewt tiegħu hi rebħ, il-mewt tiegħu hi misteru, il-mewt tiegħu hi l-festa kbira tad-dinja ta’ kull sena.

X’nistgħu ngħidu aktar fuq il-mewt ta’ Kristu? Minn dak li wriena l-Mulej, kienet il-mewt biss li fittxet l-immortalità, kienet l-istess mewt li fdiet il-mewt. Ma għandniex, mela nitnikktu għall-mewt, li biha ġiet is-salvazzjoni ta’ kulħadd, ma għandniex naħarbu l-mewt, li l-Iben ta’ Alla ma stmerrx u ma warrabx minnha.

Il-mewt ma kinitx mill-bidu fin-natura, imma daħlet wara; fil-bidu Alla ma għamilx il-mewt, imma mbagħad tahielna bħala fejqan. Dan għaliex, minħabba d-dnub, il-ħajja tal-bniedem ittaqqlet bix-xogħol ta’ kuljum u b’tiġrib li ma jinfelaħx, u hekk il-ħajja saret tassew imsejkna. Kien meħtieġ li dan id-deni kollu jasal fit-tmiem tiegħu, u ngħatat il-mewt biex tagħti lura dak li l-ħajja kienet tilfet. L-immortalità hi toqol u mhux barka, jekk ma jkunx hemm il-grazzja ta’ Alla.

Ruħna trid teħles minn din il-ħajja ta’ taħbit u minn dan il-ġisem imħassar bid-dnub u titħabat biex tasal għas-saltna tas-sema, biex tfaħħar lil Alla. Hemm, Ġesù, jaraw it-tieġ tiegħek, hemm fejn l-għarusa tiegħek, fost il-ferħ ta’ kulħadd, tittieħed mill-art għas-sema, mhux aktar imjassra mid-dinja imma mgħarrsa għal dejjem mal-Ispirtu għax quddiemek jersaq kull bniedem. Il-qaddis David, dan xtaq l-aktar li jara u jagħraf dan l-hena, għalhekk qal: “Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej, ħaġa waħda nfittex: li ngħammar f’dar il-Mulej tul il-jiem kollha ta’ ħajti biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej.”

Jien lill-Mulej inqastu kemm-il darba. Ċħadt imħabbtu u ksirtha miegħu. Imma hu antiċipa d-dgħufija tiegħi u tani l-Qrar, is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni biex jerġa’ jħabbibni miegħu. Hu qiegħed jagħmilli stedina speċjali biex nersaq iktar lejh. Għax kif nista’ ngawdi l-ħajja meta jien miġġieled ma’ min tani l-ħajja…? U kif nista’ ngawdi l-ħajja u nkun ferħan meta m’għandix il-paċi tiegħu f’qalbi? Fuq kollox, jista’ jkun li m’għandix żmien daqskemm qed naħseb. Il-musbieħ jista’ jintfieli bla mistenni. Għax kif jgħid San Pawl, “Jum il-Mulej jasal bħal ħalliel bil-lejl.” (1 Tessalonikin 5:2) U jekk ma nkunx ippreparat … ikun tard wisq!

  • U int, il-bagalji tiegħek lesti għat-tluq li jista’ jiġi ħabta u sabta, bla avviż u bla età?

Talba: Fit-tjieba tiegħek, Mulej, agħti widen għat-talb li qegħdin nagħmlulek, biex kif jissaħħaħ it-twemmin tagħna fil-qawmien ta’ Ibnek mill-imwiet, hekk titqawwa t-tama tagħna fil-qawmien mixtieq tal-qaddejja kollha tiegħek għall-ħajja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2011/12/all-souls-day.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/commemoration-of-all-the-faithful-departed

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/All_Souls%27_Day

Nota: It-Tagħrif dwar din it-Tifkira Solenni tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

10 ta’ Settembru: San Nikola ta’ Tolentino

Verżjoni Vidjo: San Nikola ta’ Tolentino

“Is-smewwiet mhumiex safja f’għajnejn Dak li jien inservi; kif nista’ jien, raġel midneb, noqgħod quddiemu?” San Nikola ta’ Tolentino

Antiquares-san-nicola-da-tolentino-6SAN NIKOLA TA’ TOLENTINO
Saċerdot u Predikatur
1245 – 1305

Tagħrif: San Nikola ta’ Tolentino kien patri sempliċi Agostinjan li laqat il-ħajjiet ta’ ħafna nies. Kellu spirtu ta’ talb, penitenza, ħajja ta’ awsterità u devozzjoni kbira lejn l-erwieħ tal-Purgatorju. Bil-predikazzjoni tiegħu, ressaq ħafna nies lejn Kristu.

Nikola Gurutti twieled fl-1245 f’Angelo, Pontano, Macerata, l-Italja. Il-familja tiegħu kienet pjuttost fqira u semmewh Nikola għal San Nikola ta’ Myra fejn fis-Santwarju ddedikat lilu kienu talbu biex ikollhom tarbija.

Huwa ngħaqad mal-Ordni Agostinjan fl-età ta’ 16-il sena, wara li sema’ l-predikazzjoni ispirata ta’ Reginaldo ta’ Monterubbiano (superjur lokali) tal-monasteru Agostinjan f’Angelo. Ġie ordnat saċerdot fl-1270 u kien magħruf għall-prietki u t-tagħlim tiegħu.

Fl-1274, huwa mar Tolentino fejn dam hemm sa mewtu. Bħala saċerdot u reliġjuż, huwa kien mimli karità lejn ħutu Agostinjani kif ukoll lejn in-nies li huwa kien jaqdi. Kien iżur il-morda u jieħu ħsieb persuni fil-bżonn. Huwa ta attenzjoni speċjali lil dawk li kienu tbiegħdu mill-Knisja. In-nies kienu jikkunsidrawh bħala dak li jagħmel il-mirakli.

Spiss kien isum u jagħmel diversi penitenzi u kien iqatta’ sigħat twal fit-talb. L-istorja tgħid li, ġurnata waħda, wara li kien ilu żmien twil sajjem, Nikola kien fiżikament dgħajjef. Waqt it-talb, Ġesù qallu jiekol xi ħobż immarkat b’salib u mxarrab fl-ilma sabiex jerġa’ jikseb saħħtu. Għalhekk inħolqot l-użanza Agostinjana tal-barka u d-distribuzzjoni tal-ħobż ta’ San Nikola b’memorja tiegħu.

Storja oħra dwar Nikola tgħid li waqt li kien rieqed fis-sodda, sema’ l-vuċi ta’ patri mejjet li kien jaf. Dan il-patri qal lil Nikola li kien fil-Purgatorju, u ħeġġu biex jiċċelebra l-Ewkaristija għalih u għal erwieħ oħra li kienu fl-istess post, sabiex ikunu meħlusa bil-qawwa ta’ Kristu. Nikola għamel hekk għal sebat ijiem. Il-patri kellmu għal darb’oħra, irringrazzjah u assigurah li għadd kbir ta’ erwieħ kienu issa ħdejn Alla. It-talb għall-erwieħ tal-Purgatorju hija l-karatteristika li l-aktar tispikka fil-ħajja tiegħu. Minħabba dan, Nikola ġie pproklamat Patrun tal-erwieħ tal-Purgatorju.

Huwa wkoll meqjus bħala l-qaddis Patrun kontra mard epidemiku u kontra n-nirien. Nikola miet f’Tolentino, l-Italja fl-10 ta’ Settembru fl-1305. Ġie kkanonizzat fl-1446 mill-Papa Euġenju IV. Il-fdalijiet tiegħu huma ppreservati fil-Knisja ta’ San Nikola fil-belt ta’ Tolentino.

Ħsieb: Riżultat tal-ħajja ta’ talb u penitenza li għex San Nikola, ħafna erwieħ waslu fis-sema, speċjalment erwieħ tal-Purgatorju. Fil-Purgatorju jmorru dawk l-erwieħ li jkunu mietu fil-grazzja t’Alla. Tmut fil-grazzja t’Alla jfisser ma tkunx fid-dnub il-mejjet u jew tkun irċevejt is-Sagrament tal-Qrar u ġejt imnaddaf mid-dnub il-mejjet. Filwaqt li s-Sagrament tal-Qrar huwa essenzjali għall-maħfra tad-dnubiet, il-Purgatorju xorta jista’ jkun meħtieġ għal ħafna minna, biex nissodisfaw il-pwiena temporanja li tkun għadha dovuta għal dnubiet venjali u dawk mejta li nkunu qerrejna. Biex wieħed jifhem aħjar dan xi jfisser, aħsbu f’tifel li kisser tieqa waqt li kien qed jilgħab bil-ballun. Huwa jista’, u għandu, jitlob skuża lill-persuna li kissrilha t-tieqa, imma hu jew il-ġenituri tiegħu (jew it-tnejn) iridu jħallsu tad-danni!

Kull nisrani huwa msejjaħ biex juri ħniena mal-għeżież mejtin li jinsabu fit-tisfija tagħhom fil-Purgatorju. Hawn huma jbatu ħafna ġo ‘nar’ li jippurifikom (kif jiġi ppurifikat id-deheb) kulħadd skont id-dnubiet li jkun wettaq. Għandna naħsbu fihom fit-talb tagħna ta’ kuljum għaliex huma ma jistgħux jitolbu għalihom infushom.

Jekk tlift li xi ħadd għażiż jew taf lil xi ħadd li għadu kemm mietlu xi qarib, kun af lit-talb biss jista’ jgħin. Hawn b’talb qed nirreferi għal kwalunkwe tip ta’ talb: quddies, rużarju, (lejn l-aħħar ta’ din il-paġna, wara l-vidjos, hemm żewġ links għar-Rużarju tal-Erwieħ tal-Purgatorju bil-Malti) talb ieħor, atti ta’ karità u offerta tat-taħbit u t-tbatijiet li ngħaddu minnhom. Kollox jgħodd jekk nagħmluh bħala talba biex intaffu t-tbatijiet ta’ dawn l-erwieħ u nħaffulhom it-triq għas-sema.

Filwaqt li nistgħu niksbu konsolazzjoni kbira mit-tama li l-maħbubin tagħna qed igawdu l-Ħajja Eterna ma’ Alla, qatt ma għandna nieqfu nitolbu għal ruħhom. M’għandiex nikkonfondu wisq xi jsir mit-talb tagħna ladarba huma jaslu l-ġenna. Li hu żgur hu li dan it-talb jiġi applikat għal erwieħ oħra. L-erwieħ li nitolbu għalihom jitolbu huma wkoll għalina, anki meta jkunu għadhom fil-Purgatorju. Meta jmorru l-ġenna, imbagħad ikomplu jidħlu għalina quddiem Alla li issa jkunu qribu, għaliex aħna nkunu sirna l-benefatturi tagħhom. Alla jimla lilna bil-barka u l-grazzji tiegħu talli nkunu ħennejna u tlabna għall-erwieħ b’ġenerożità.

It-Talba ta’ Santa Ġeltrude l-Kbira għall-erwieħ tal-Purgatorju hija waħda mill-aktar famużi. Din kienet soru Benedittina u mistika li għexet fis-seklu 13. Ġesù qal lil Santa Ġeltrude li din it-talba teħles 1,000 ruħ mill-Purgatorju kull darba li tingħad: “Missier Etern, jiena noffrilek id-demm l-iżjed prezzjuż tal-Iben Divin tiegħek Ġesù, flimkien mal-quddies kollu li jingħad mad-dinja kollha llum għall-Erwieħ Imqaddsa tal-Purgatorju u għall-midinbin kollha fid-dinja, għal dawk f’dari stess u fil-familja tiegħi. Ammen.”

Ħafna mill-Missirijiet tal-Knisja, ikkunsidraw it-talb għall-erwieħ tal-Purgatorju bħala essenzjali. Il-knisja ħarġet id-duttrina dwar il-Purgatorju fil-Konċilji ta’ Firenze u ta’ Trentu fis-sekli 15 u 16. Il-vers l-aktar famuż tal-Iskrittura, fost oħrajn, li jikkonċerna it-talb għall-erwieħ, huwa dak mit-Testment il-Qadim fejn jgħid, “Il-ħsieb tiegħu kien qaddis u twajjeb. Għalhekk offra sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, biex il-mejtin jinħelsu minn dnubhom.” (2 Makkabin 12:46)

Mela niftakru li l-fjuri u x-xemgħat fuq l-oqbra u l-lapidi, jgħinu li min ikun għadu f’din id-dinja biex jesprimi s-sentimenti tiegħu/tagħha għat-telfa tal-għeżież, imma l-erwieħ m’għandhom bżonn ta’ xejn aktar mit-talb tagħna u dan b’impenn. U mhux f’Novembru, f’xi anniversarju, f’jum twelidhom jew f’xi festa biss, imma b’mod regolari. Ejjew nitolbu lil dan il-qaddis li ddedika ħajtu biex jitlob għall-erwieħ Purganti ħalli jgħinna nimxu fuq l-eżempju mħeġġeġ tiegħu lejn dawn l-imsejkna, li ħafna minnhom m’għandhomx min jitlob għalihom. Ejjew inkunu aħna li niftakru f’erwieħ abbandunati mill-familjari tagħhom. Jekk nagħmlu dan, żgur li nħaffu ż-żmien tagħna tal-Purgatorju u l-Mulej jagħtina s-sliem.

Tajjeb li wieħed ikun jaf ukoll, li sakemm għadna f’din id-dinja, aħna stess nistgħu nnaqsu miż-żmien tal-Purgatorju tagħna billi nagħmlu atti ta’ karità. B’karità mhux qed ninkludi biss flus mogħtija lill-foqra, imma kull ġest ta’ mħabba lejn l-oħrajn, bil-kliem u bil-għemil, kif ukoll bl-offerta tat-talb tagħna magħquda ma’ tbatijiet li ngħaddu minnhom. Hekk kif tgħidilna l-Iskrittura: “L-imħabba tgħatti kotra ta’ dnubiet.” (1Pietru 4:8)

TalbaAlla Missier, aħna noffrulek il-pjagi divini ta’ Kristu, Ibnek, għall-erwieħ tal-Purgatorju, sabiex inti titħallas kif jixraq fil-ġustizzja tiegħek għad-djun tagħhom u tqegħidhom fil-ferħ etern tiegħek. (Talba ta’ San Ġorġ Preca)

Nitolbuk biex permezz tal-fidwa ta’ Ibnek issaffi lil dawk l-erwieħ li għadhom fil-purgatorju u twassalhom fil-hena ta’ dejjem. Ftakar ukoll fl-erwieħ tagħna, fil-ġenituri mejtin tagħna, fl-erwieħ abbandunati u f’dawk l-erwieħ kollha li jeħtieġu t-talb tagħna. Marija, għajnuna tal-insara, idħol għalihom int u wassalhom fit-tgawdija ta’ dejjem. 

Agħtihom, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi lilhom, jistrieħu fis-sliem. Ammen.

English Version: https://www.catholicireland.net/saintoftheday/st-nicholas-of-tolentino-1245-1305-augustinian-friar-patron-of-the-souls-in-purgatory/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Nicholas_of_Tolentino

Alternative reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-nicholas-of-tolentino-590

Wikipedia on Purgatory: https://en.wikipedia.org/wiki/Purgatory

Rużarju għall-erwieħ tal-Purgatorju fuq Youtube: https://l-ewkaristijaus-sacerdozju.home.blog/2022/09/03/ruzarju-ghall-erwieh-tal-purgatorju/

Rużarju għall-erwieħ tal-Purgatorju fuq Gloria TV: https://gloria.tv/video/1J9xMm1yKdseAJfDL3m9iMhp2

Design a site like this with WordPress.com
Get started