3 ta’ Lulju: San Tumas

Verżjoni Vidjo: San Tumas

“Umbagħad qal lil Tumas: ‘Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen.’ Wieġeb Tumas u qallu: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi!’ Qallu Ġesù: ‘Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu.’ – Ġesù li Tumas fi Ġwanni 20:27-29.

19-04-05-011

SAN TUMAS
Appostlu
L-Ewwel Seklu

Tagħrif: San Tumas kien Lhudi, aktarx sajjied mill-Galilija. Ismu bis-sirjan ifisser Tewmi, u bil-Grieg hu Didimus. Ġesù sejjaħlu biex ikun wieħed mit-tnax-il appostlu tiegħu.

Insibu ismu erba’ darbiet fil-Vanġelu ta’ San Ġwann.

L-ewwel darba: Ġesù kien sejjer Betanja biex iqajjem lil Lazzru mill-mewt. Waqt li d-dixxipli l-oħra beżgħu u qalu lil Ġesù biex ma jmurx għax l-għedewwa tiegħu kienu ifittxuh biex joqtluh, San Tumas qabeż u qal: “Ejjew immorru aħna wkoll biex immutu miegħu” (Ġwanni 11:16).

It-tieni darba: fl-Aħħar Ċena, meta Ġesù qal: “U fejn sejjer jien, intom tafu t-triq.” Qabeż San Tumas u qallu: “Mulej, ma nafux fejn sejjer, mela kif nistgħu nafu t-triq?” Ġesù qallu: “Jiena t-triq u s-sewwa u l-ħajja” (Ġwanni 14: 4-6).

It-tielet darba: f’Ħadd il-Għid Ġesù deher lid-dixxipli waqt li kienu fiċ-ċenaklu u Tumas ma kienx magħhom. Imbagħad b’entużjażmu kbir qalulu li kienu raw lil Ġesù, iżda Tumas qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh sinjal l-imsiemer u ndaħħal sebgħi fil-marki tal-imsiemer u idi f’ġenbu, ma nemminx.” Minn hawn ġejja l-espressjoni: “Jien bħal San Tumas, irrid nara b’għajnejja u mmiss b’idejja biex nemmen.” Meta ġimgħa wara Ġesù reġa’ dehrilhom u Tumas kien magħhom, Ġesù stieden lil Tumas biex idaħħal sebgħu fil-pjagi ta’ idejh u idu fil-pjaga tal-kustat. U Tumas b’fidi qawwija qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (Ġwanni 20:28)

Ir-raba’ darba: meta Ġesù deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija, isem Tumas insibuh ma’ dawk li kienu preżenti. (Ġwanni 21:2)

Tradizzjoni qawwija tgħid li wara l-Inżul tal-Ispirtu s-Santu, San Tumas mar jipprietka l-Vanġelu lill-Parti, lill-Medi u lill-Persjani u baqa’ sejjer sa daħal fl-Indja, fil-kosta ta’ Malabar fejn illum ħafna min-nies tal-post isejħu lilhom infushom “L-Insara ta’ San Tumas.”

San Tumas miet martri bid-daqqiet ta’ lanza, fl-Indja, u jinsab midfun f’Maljapore fil-knisja kbira, San Thome, xi tlettax-il kilometru ’l bogħod minn Madras.

Ħsieb: Qari mill-Omiliji tal-Papa San Girgor il-Kbir fuq l-Evanġelji bit-titlu ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi’:

“Wieħed mit-tnax, Tumas, imlaqqam it-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Dan il-wieħed mit-Tnax kien għadu barra, u meta reġa’ daħal sema’ x’ġara imma ma riedx jemmen li qalulu. Il-Mulej reġa’ ġie, sejjaħ lid-dixxiplu li ma riedx jemmen, tah ġenbu biex imissu, wrieh idejh u, kif ħallieh jara l-marka tal-ġrieħi tiegħu, fejjaqlu l-ġerħa tiegħu, in-nuqqas ta’ fidi. X’taraw f’dan kollu, ħuti għeżież? Dak id-dixxiplu magħżul minn Kristu kien barra, ġie u sema’, sema’ u ġieħ dubju, ġieħ dubju u resaq imiss, mess u emmen. Jidhrilkom li dan kollu ġara bla ħsieb?

Le, mhux bla ħsieb, imma għax Alla stess ried hekk. Fil-ħniena kbira tiegħu, Alla mexa b’mod tal-għaġeb għax meta lil dak id-dixxiplu, li ma emminx, riedu jmiss il-ġrieħi fil-ġisem tal-Imgħallem, huwa fejjaq lilna mid-deni tan-nuqqas ta’ fidi. Tumas, li kien hekk tqil biex emmen, swielna ta’ ġid għall-fidi tagħna aktar mid-dixxipli l-oħra li emmnu; huwa emmen għax mess b’idejh stess, u bis-saħħa ta’ dan aħna wkoll nistgħu nneħħu kull dubju u nitwettqu fil-fidi. Huwa tana xhieda li Kristu qam tassew mill-imwiet sewwasew għax, billi ma emminx, resaq u mess b’idejh il-ġisem ta’ Kristu.

Mess, u qal: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi!’ Qallu Ġesù: ‘Emmint għax rajtni!’ Issa l-Appostlu Pawlu jgħid: ‘Il-fidi hija l-pedament tal-ħwejjeġ li fihom għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma jidhrux. Dawn l-kelmiet juruna ċar li l-fidi hija l-prova ta’ dawk il-ħwejjeġ li ma nistgħux naraw; għax dak li naraw ma jaqax taħt il-fidi imma taħt l-għarfa. Mela Ġesù għaliex qallu, ‘Emmint għax rajtni’ lil Tumas wara li messu? Għax Tumas ra ħaġa, u emmen oħra. Ebda bniedem li jmut ma jista’ jara lil Alla. Mela Tumas ra l-bniedem u emmen li hu Alla, bħalma stqarr u qal: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi!’ Ra u emmen, ħares lejn dak li kien bniedem tassew, u stqarr fih lil dak li ma setax jara, lil Alla.

Huwa ta’ ferħ kbir għalina l-kliem li mbagħad qallu: ‘Henjin dawk li ma rawx u emmnu. ‘Dan il-kliem qiegħed għalina b’mod speċjali, għalina li nżommu f’moħħna lil dak li ma rajniehx b’għajnejna. Iżda qiegħed għalina sakemm nuru l-fidi tagħna bl-għemil. Għax jemmen tassew min jagħmel skont ma jemmen. Għal dawk li jemmnu bil-kliem biss, Pawlu jgħid: ‘Jistqarru li jagħrfu lil Alla, biex imbagħad bl-għemil tagħhom jiċħduh.’ U Ġakbu jżid: ‘Il-fidi mingħajr l-għemil hija mejta.’ “

Filwaqt li San Tumas stqarr il-fidi tiegħu Papa Benedittu XVI jgħid: “Oħrajn jistqarru biss il-Kredu fil-Quddiesa tal-Ħadd.” M’għandniex xi ngħidu, hija ħaġa ta’ min ifaħħarha min imur il-Quddies tal-Ħadd u jistqarr il-Kredu. Iżda dal-kliem tal-Papa jfisser li n-Nisrani huwa mistenni minnu li dak li jistqarr fil-Kredu bil-fomm fil-quddiesa tal-Ħadd, irid jistqarru tul il-jiem l-oħra tal-ġimgħa. Mhux neċessarjament li jistqarru bil-fomm, imma mill-mod kif jaġixxi fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum, xogħol, dar, ħin ta’ mistrieħ, divertiment, irid jirrifletti dak li hu jistqarr fil-Kredu tiegħu.

Il-Papa Franġisku, (3 ta’ April, 2013) jgħid li:

“Għal Alla, li tiswa hi l-qalb, kemm aħna miftuħin għalih, jekk aħniex bħal tfal li jafu jafdaw. Imma dan iġegħelna nirriflettu wkoll fuq kif in-nisa, fil-Knisja u fil-mixja tal-fidi, kellhom u anki l-lum għandhom rwol partikulari li bih jiftħulna l-bibien għall-Mulej, jimxu warajh u jħabbru l-wiċċ tiegħu, għax il-ħarsa tal-fidi dejjem għandha bżonn tal-ħarsa sempliċi u profonda tal-imħabba. L-Appostli u d-dixxipli jsibuha iżjed bi tqila biex jemmnu. In-nisa le. Pietru jiġri lejn il-qabar, imma jieqaf mal-qabar vojt; Tumas irid imiss b’idejh il-ġrieħi tal-ġisem ta’ Ġesù. Anki fil-mixja tal-fidi tagħna hu importanti li nkunu nafu u nħossu li Alla jħobbna, u ma nibżgħux inħobbuh: il-fidi tiġi mistqarra bil-fomm u bil-qalb, bil-kelma u bl-imħabba.”

Jingħad li darba vapur tal-passiġġieri nqabad f’maltempata tal-biża’. Kulħadd kien imwerwer barra tifel ta’ xi sitt snin li ma waqafx jilgħab u jiġri minn naħa għal oħra. Xi ħadd staqsieh: “Ibni, maltempata bħal din, m’intix tibża’?” “Le,” wieġeb it-tifel, “missieri l-kaptan.” Fil-virtù tal-fidi jrid ikollna din l-fiduċja għamja ta’ dan it-tifel f’missieru. Nemmen mhux għax nifhem kulma nistqarr imma għax naf li dak li kellimni ma jqarraqx. Nemmen għax għalkemm naf li moħħi hu limitat u ma jiflaħx jifhem u jikkomprendi dak li hu traxxendentali, dak li hu divin, persważ li min qaluli jħobbni u mhux se jqarraq bija.

  • U int, kemm hi kbira l-fidi u l-fiduċja tiegħek fil-Mulej?

Talba: Glorjuż San Tumas, id-dulur tiegħek lejn Ġesù kien tant kbir li ma ħalliekx temmen li hu qam mill-mewt sakemm ma tarax u tmiss il-pjagi tiegħu. Imma l-imħabba tiegħek lejn Ġesù kienet daqstant qawwija li tajt ħajtek għalih. Itlob għalina biex aħna jiddispjaċina għal dnubietna li kienu l-kaġun tat-tbatija ta’ Kristu. Għinna biex nagħtu lilna nfusna għas-servizz tiegħu, ħalli naqalgħu t-titlu ta’ “imbierka,” dak li Ġesù sejjaħ lil dawk li ma rawx u emmnu fih. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://catholicexchange.com/st-thomas-the-apostle

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-thomas/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Thomas_the_Apostle

Saint Thomas movie:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

3 ta’ Diċembru: San Franġisk Saverju

Verżjoni Vidjo: San Franġisk Saverju

“Il-ħsad kbir, imma l-ħaddiema ftit; itolbu mela lil Sid il-ħsad, biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu. Intom tiksbu qawwa, meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, u tkunu xhud tiegħi sa truf l-art.” – Ġesù f’Mattew 9:38 u f’Atti 1:8

St. Francis Xavier (2)SAN FRANĠISK SAVERJU
Saċerdot
1506 – 1552

Tagħrif: Dan il-qaddis jista’ jitqies bħala wieħed mill-akbar missjunarji tal-Knisja, uħud iqabbluh mal-appostlu San Pawl. Minħabba f’hekk ġie maħtur Patrun tal-Missjonijiet. Bħall-missier spiritwali tiegħu Sant’Injazju minn Loyola, Franġisk kien Spanjol ta’ razza Baska. Kellu f’moħħu li jagħmel isem bħala studjuż magħruf u duttur tal-filosofija.

San Franġisk Saverju twieled ħdejn Pamplona, Spanja, fil-Kastell Xavier, fis-7 ta’ April, 1506. Fl-1524, daħal l-Università ta’ Pariġi biex jistudja l-filosofija, u ħa l-Grad mill-Kulleġġ ta’ Santa Barbara. Hawn iltaqa’ u sar ħabib ma’ Sant’ Injazu ta’ Loyola.

Ta’ 28 sena ċeda għall-ideali għoljin t’Injazju, wara li kien ilu jgħix fl-istess kamra miegħu u mal-Beatu Pietru Favre fl-Università ta’ Pariġi għal erba’ snin. Fl-1537, San Franġisk flimkien ma’ Sant’ Injazju u erba’ Ġiżwiti oħra kien ordnat saċerdot f’Venezja. Hu sar wieħed mill-ewwel sitt kumpanni ta’ San Injazju li ħadu l-voti f’Montmartre, fl-1534. San Injazju kien jgħidlu: “Franġisk, x’jiswielek li tirbaħ id-dinja kollha, imbagħad titlef ruħek?”

Fl-1540, Sant’ Injazju talab lil Franġisku biex imur ma’ Patri Simon Rodriguez bħala l-ewwel missjunarji Ġiżwiti fl-Indja. Seba’ Ġiżwiti ntagħżlu għall-missjoni, iżda fl-aħħar minuta Franġisk kellu jieħu post wieħed minnhom li ma setax jagħmel il-vjaġġ. “Ix-xogħol f’idejk!” qallu Injazju. Franġisk kellu jħalli Ruma għall-Portugall fi żmien 24 siegħa. Hu aċċetta bil-ferħ u beda jraqqa’ qalziet qadim u suttana biex jeħodhom miegħu. F’dan kollu wera faqar, sempliċità u tfittxija għar-rieda ta’ Alla fl-ubbidjenza u t-talb li kkaratterizzaw il-ħidma tiegħu fil-missjoni.

Fl-1541, maħtur bħala Nunzju Appostoliku tal-Lvant, Franġisku telaq lejn l-Indja. Wara vjaġġ twil u diffikultuż li dam tlettax-il xahar wasal Goa li kienet kolonja Portugiża, f’Mejju tal-1542. Ħadem bla heda matul il-kosta tal-Indja u għammed numru kbir ta’ Indjani. Huwa żar Cape Camorin, Malabar, Travancor, Malakka, Molukkas ħdejn New Guinea u Montai ħdejn il-Filippini. Matul l-għaxar snin ta’ xogħol fil-missjonijiet hu vvjaġġa fil-biċċa l-kbira tal-Lvant imbiegħed bħala nunzju papali u superjur Ġiżwita. Hu ħalla warajh f’kull post li għadda knejjes jiffjorixxu, li diversi minnhom komplew sa żminijietna.

Meta kien fil-Malakka ltaqa’ ma’ Ġappuniż maħrub li tah l-idea li jmur il-Ġappun. Fil-15 ta’ Awwissu,1548 daħal il-Ġappun u bil-għajnuna ta’ Ġappuniżi kkonvertiti huwa qaleb fil-Ġappuniż xi tagħlim nisrani u kien jipprietka kif jista’. Dam sentejn fil-Ġappun. Għamel madwar 2000 Ġappuniż Nisrani li kellhom ikunu l-pedament tal-Knisja fil-Ġappun. Ħalliehom fil-kura ta’ Patri Cosmas u Fratell Fernandez, u rritorna fl-Indja fl-1551, meta nħatar l-ewwel Provinċjal tal-Ġiżwiti fl-Indja u fil-Lvant.

B’xewqa kbira li jwassal il-Vanġelu fiċ-Ċina li dak iż-żmien kienet magħluqa għall-barranin, Franġisku mar f’Sancian, gżira żgħira ħdejn Hong Kong, ftit ‘il bogħod miċ-Ċina. Imma Franġisk marad u miet bla ma laħaq irċieva s-sagramenti u mingħajr difna Nisranija, waqt li kien fuq il-gżira ta’ Sancian, ħdejn Hong Kong, jistenna lil wieħed negozjant li wegħdu li kellu jdaħħlu bil-moħbi fiċ-Ċina. Kien fit-3 ta’ Diċembru 1552, fl-età  ta’ 46 sena.

Għaxar ġimgħat wara, fetħu t-tebut u sabu li ġismu kien għadu talekwale. Wara ħaduh fil-Malakka, u minn hemm lejn Goa kważi sena wara mewtu, fejn it-tobba ċċertifikaw li ġismu kien għadu bla mittiefes. U hemm għadu miżmum fil-knisja ta’ Ġesù.

San Franġisk Saverju kien iddikjarat qaddis, flimkien ma’ Sant’ Injazju ta’ Loyola fl-1662 mill-Papa Girgor XV. Flimkien ma’ Santa Tereża ta’ Lisieux hu l-Patrun tal-Missjonijiet.

Ħsieb: Dan li ġej huwa qari mill-Ittra tas-saċerdot San Franġisk Saverju lil Sant’ Injazju:

“Morna nduru l-irħula fejn joqogħdu xi Nsara ġodda li f’dawn l-aħħar snin ħadu s-Sagramenti Mqaddsa. F’din l-art ma ssibx Portugiżi, għax hi art ħawlija u fqira mill-iżjed; l-Insara tal-post huma nieqsa mis-saċerdoti, u ma jafux ħaġ’oħra ħlief li huma Nsara. Ma għandhomx min jaqdihom fit-triq ta’ Alla; ma għandhomx min jgħallimhom il-Kredu, il-Missierna, is-Sliema u l-Kmandamenti ta’ Alla.

Għalhekk minn x’ħin wasalt hawn ma waqaft xejn: dort dawra sewwa mal-irħula, u għammidt it-tfal kollha li kienu għadhom bla magħmudija. Għammidt għadd kbir ta’ trabi li, kif jgħidu, ma jafux x’għandha x’taqsam idhom il-leminija max-xellugija. It-tfal ma kinux jitilquni qabel ma nkun għallimthom xi talba: u la kienu jħalluni ngħid l-uffiċċju divin, la niekol u lanqas nistrieħ. Kont inħoss tassew li ta’ min hu bħalhom hija s-saltna tas-smewwiet.

Għalhekk rajt li kien ikun nuqqas kbir tiegħi kieku kelli niċħdilhom ħaġa tajba bħal din li kienu jitolbuni; bdejtilhom mill-istqarrija tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u ħeġġiġthom jgħidu l-Kredu, il-Missierna, u s-Sliema. Intbaħt x’dehen kbir għandhom; ma għandi ebda dubju li kienu jkunu Nsara mill-aħjar kieku kellhom min jgħallimhom sewwa l-katekiżmu.

F’ħafna minn dawn il-postijiet, in-nies waħda żżommhom li ma jsirux Insara: għax ma hawnx min jagħmilhom Insara. Sikwit jiġini f’moħħi li mmur indur mal-universitajiet tal-Ewropa, l-aktar ta’ Pariġi, niġri ġirja magħhom u naqbad ngħajjat qisni wieħed iblah, biex inqanqal lil dawk li għandhom iktar għerf milli mħabba, u ngħidilhom: ‘jaħasra, kemm erwieħ minħabba n-nuqqas tagħkom qegħdin jibqgħu barra mis-sema u jimlew l-infern!’ Daqskemm huma moħħhom fl-għerf, daqshekk ieħor kellhom bżonn iżommu din il-ħaġa quddiem għajnejhom ħalli jkunu jistgħu jagħtu lil Alla kont tajjeb tal-għerf u t-talenti li ħadu.

Imma tabilħaqq, kien hemm ħafna fosthom li tqanqlu b’dan il-ħsieb; immeditaw fuq il-ħwejjeġ ta’ Alla, ħabirku biex jisimgħu x’kien qiegħed jgħidilhom il-Mulej ġewwa fihom, tefgħu wara spallejhom il-ġid tad-dinja u l-ġibdiet tagħha, u ngħataw kollhom kemm huma biex jagħmlu r-rieda ta’ Alla u dak li jogħġob lilu. Mhux li kienu jgħajtu wkoll minn qiegħ ruħhom: ‘Hawn jien, Mulej; xi tridni nagħmel? Ibgħatni kull fejn jogħġbok, mqar fl-Indja.’ “

Kristu bagħatna u qalilna: “Morru għallmu ‘l ġnus kollha.” Mhux bil-fors irridu nħallu x-xtut tagħna. Nistgħu nagħmlu hekk fid-dar tagħna, mal-mara, mar-raġel, mat-tfal, fuq il-post tax-xogħol jew tad-divertiment. Ngħallmu mhux biss b’fommna iżda wkoll bil-kitba, bl-imġiba tagħna, b’daqsxejn ta’ għajnuna, nisimgħu bis-sabar, nuru li qed nagħtu kas, nagħtu ftit mill-ħin tagħna għal ħaddieħor. San Franġisk ta ħinu kollu. Int kemm ser tagħti minnek innifsek?

Talba: O kbir Alla ta’ dejjem, nirringrazzjawk għall-qaddej tiegħek San Franġisk Saverju, li int sejjaħt biex ixandar l-Evanġelju lin-nies tal-Asja. Qajjem nitolbuk, f’din u fuq kull art, ħabbara u evanġelisti ta’ saltnatek biex il-knisja tiegħek tipproklama il-ġid bla qies tas-Sinjur tagħna Ġesù Kristu. Bl-istess Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/stfrancis-xavier.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-francis-xavier/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Francis_Xavier

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis/a huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

24 ta’ Awwissu: San Bartilmew

Verżjoni Vidjo: San Bartilmew

“Ara, dan tassew wieħed minn Iżrael li jixraqlu dan l-isem; ma hemm ebda qerq fih.” Ġesù dwar Bartilmew (Natanael) fi Ġwanni 1:47

st_bartholomew

SAN BARTILMEW
Appostlu
L-ewwel Seklu

Tagħrif: San Bartilmew, wieħed mit-tnax-il Appostlu, twieled f’Kana tal-Galilija, u probabilment hu l-istess persuna bl-isem ta’ Natanael, li Filippu kien ħajru biex imur miegħu jara lil Ġesù ta’ Nazaret. Natanael kien qallu: “Tista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nazaret?” (Ġwanni 1:45-51)

Ġesù sejjaħlu “Israeli tabilħaqq, li ma għandux qerq”.

San Ġwann fil-Vanġelu tiegħu ma jsemmih qatt bl-isem ta’ Bartilmew, imma dejjem bħala Natanael, filwaqt li t-tliet Evanġelisti l-oħra jsibuh dejjem bl-isem ta’ Bartilmew.

Bħal uħud mill-Appostli l-oħra, ftit nafu dwar l-attività  tiegħu wara l-Pentekoste. Skont xi wħud, hu mar jipprietka l-Vanġelu fl-Indja u wara mar l-Armenja fejn sofra l-martirju. Uħud jgħidu li miet bi qtugħ ir-ras, waqt li oħrajn jgħidu li qaxxrulu l-ġilda tiegħu u sallbuh rasu ’l isfel bħalma jirrapreżentah Michelangelo fl-Aħħar Ġudizzju fil-Kappella Sistina.

Ħsieb: Fl-aħħar tal-Ewwel Kapitlu ta’ San Ġwann l-Evanġelista, Ġesù faħħar lil Bartilmew (li x’aktarx kellu t-titlu ta’ Natanael) bil-kbir billi qal li hu: “Israeli tabilħaqq, li ma hemm ebda qerq fih!” Dan ifisser li Bartilmew kien raġel ta’ integrità, ta’ prinċipju li żamm sod mal-Verità anki meta dan fisser li kien se jiġi miċħud, kif fil-fatt ġara meta tawh il-martirju billi qaxxruh ħaj, talli kien ikkonverta ħafna nies għall-Kristjaniżmu. San Bartilmew huwa ta’ eżempju għal kull nisrani!

Interessanti nosservaw li Bartilmew stgħaġeb b’din l-istqarrija ta’ Ġesù , u staqsih: “Kif sirt tafni?” (Ġwanni 1:48) Ġesù wieġbu b’mod misterjuż meta qallu: “Rajtek taħt is-siġra tat-tin qabel ma sejjaħlek Filippu.” (Ġwanni 1:48) Ġesù jara b’mod li l-ebda persuna ordinarja ma tara. Hu jara mill-bogħod u jaf x’hemm fil-qlub tan-nies.

Il-Mulej qed jara lilek ukoll illum, u qed iħares lejn qalbek. Il-mistoqsijiet li tista’ tistaqsi lilek innifsek huma:

  • X’qed jara?
  • Jien persuna ta’ integrità bħala Natanael?
  • Ġesù kuntent b’dak li hemm f’qalbi u f’ħajti?
  • Jista’ jindirizzani b’dawn il-kelmiet: “Nisrani/ja tassew, li ma għandekx qerq!”
  • Tistħoqqli deskrizzjoni bħal din?

Jekk le, fittex li tkun togħġob lil Alla b’dak li taħseb, b’dak li tgħid u b’dak li tagħmel, ħalli meta jasal il-waqt li tiltaqa’ miegħu, int ukoll ikollok ix-xorti kbira li tisimgħu jgħaddi dan it-tip ta’ ġudizzju fuqek!

Talba: Qawwi fina, Mulej, dik il-fidi li ħeġġet lill-Appostlu San Bartilmew biex jingħaqad minn qalbu ma’ Ibnek; agħmel li, bit-talb tiegħu, il-Knisja mqaddsa tkun għall-ġnus kollha sagrament ta’ salvazzjoni. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2013/08/st-bartholomew-apostle.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-bartholomew/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Bartholomew_the_Apostle

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Design a site like this with WordPress.com
Get started