3 ta’ Lulju: San Tumas

Verżjoni Vidjo: San Tumas

“Umbagħad qal lil Tumas: ‘Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen.’ Wieġeb Tumas u qallu: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi!’ Qallu Ġesù: ‘Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu.’ – Ġesù li Tumas fi Ġwanni 20:27-29.

19-04-05-011

SAN TUMAS
Appostlu
L-Ewwel Seklu

Tagħrif: San Tumas kien Lhudi, aktarx sajjied mill-Galilija. Ismu bis-sirjan ifisser Tewmi, u bil-Grieg hu Didimus. Ġesù sejjaħlu biex ikun wieħed mit-tnax-il appostlu tiegħu.

Insibu ismu erba’ darbiet fil-Vanġelu ta’ San Ġwann.

L-ewwel darba: Ġesù kien sejjer Betanja biex iqajjem lil Lazzru mill-mewt. Waqt li d-dixxipli l-oħra beżgħu u qalu lil Ġesù biex ma jmurx għax l-għedewwa tiegħu kienu ifittxuh biex joqtluh, San Tumas qabeż u qal: “Ejjew immorru aħna wkoll biex immutu miegħu” (Ġwanni 11:16).

It-tieni darba: fl-Aħħar Ċena, meta Ġesù qal: “U fejn sejjer jien, intom tafu t-triq.” Qabeż San Tumas u qallu: “Mulej, ma nafux fejn sejjer, mela kif nistgħu nafu t-triq?” Ġesù qallu: “Jiena t-triq u s-sewwa u l-ħajja” (Ġwanni 14: 4-6).

It-tielet darba: f’Ħadd il-Għid Ġesù deher lid-dixxipli waqt li kienu fiċ-ċenaklu u Tumas ma kienx magħhom. Imbagħad b’entużjażmu kbir qalulu li kienu raw lil Ġesù, iżda Tumas qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh sinjal l-imsiemer u ndaħħal sebgħi fil-marki tal-imsiemer u idi f’ġenbu, ma nemminx.” Minn hawn ġejja l-espressjoni: “Jien bħal San Tumas, irrid nara b’għajnejja u mmiss b’idejja biex nemmen.” Meta ġimgħa wara Ġesù reġa’ dehrilhom u Tumas kien magħhom, Ġesù stieden lil Tumas biex idaħħal sebgħu fil-pjagi ta’ idejh u idu fil-pjaga tal-kustat. U Tumas b’fidi qawwija qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (Ġwanni 20:28)

Ir-raba’ darba: meta Ġesù deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija, isem Tumas insibuh ma’ dawk li kienu preżenti. (Ġwanni 21:2)

Tradizzjoni qawwija tgħid li wara l-Inżul tal-Ispirtu s-Santu, San Tumas mar jipprietka l-Vanġelu lill-Parti, lill-Medi u lill-Persjani u baqa’ sejjer sa daħal fl-Indja, fil-kosta ta’ Malabar fejn illum ħafna min-nies tal-post isejħu lilhom infushom “L-Insara ta’ San Tumas.”

San Tumas miet martri bid-daqqiet ta’ lanza, fl-Indja, u jinsab midfun f’Maljapore fil-knisja kbira, San Thome, xi tlettax-il kilometru ’l bogħod minn Madras.

Ħsieb: Qari mill-Omiliji tal-Papa San Girgor il-Kbir fuq l-Evanġelji bit-titlu ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi’:

“Wieħed mit-tnax, Tumas, imlaqqam it-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Dan il-wieħed mit-Tnax kien għadu barra, u meta reġa’ daħal sema’ x’ġara imma ma riedx jemmen li qalulu. Il-Mulej reġa’ ġie, sejjaħ lid-dixxiplu li ma riedx jemmen, tah ġenbu biex imissu, wrieh idejh u, kif ħallieh jara l-marka tal-ġrieħi tiegħu, fejjaqlu l-ġerħa tiegħu, in-nuqqas ta’ fidi. X’taraw f’dan kollu, ħuti għeżież? Dak id-dixxiplu magħżul minn Kristu kien barra, ġie u sema’, sema’ u ġieħ dubju, ġieħ dubju u resaq imiss, mess u emmen. Jidhrilkom li dan kollu ġara bla ħsieb?

Le, mhux bla ħsieb, imma għax Alla stess ried hekk. Fil-ħniena kbira tiegħu, Alla mexa b’mod tal-għaġeb għax meta lil dak id-dixxiplu, li ma emminx, riedu jmiss il-ġrieħi fil-ġisem tal-Imgħallem, huwa fejjaq lilna mid-deni tan-nuqqas ta’ fidi. Tumas, li kien hekk tqil biex emmen, swielna ta’ ġid għall-fidi tagħna aktar mid-dixxipli l-oħra li emmnu; huwa emmen għax mess b’idejh stess, u bis-saħħa ta’ dan aħna wkoll nistgħu nneħħu kull dubju u nitwettqu fil-fidi. Huwa tana xhieda li Kristu qam tassew mill-imwiet sewwasew għax, billi ma emminx, resaq u mess b’idejh il-ġisem ta’ Kristu.

Mess, u qal: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi!’ Qallu Ġesù: ‘Emmint għax rajtni!’ Issa l-Appostlu Pawlu jgħid: ‘Il-fidi hija l-pedament tal-ħwejjeġ li fihom għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma jidhrux. Dawn l-kelmiet juruna ċar li l-fidi hija l-prova ta’ dawk il-ħwejjeġ li ma nistgħux naraw; għax dak li naraw ma jaqax taħt il-fidi imma taħt l-għarfa. Mela Ġesù għaliex qallu, ‘Emmint għax rajtni’ lil Tumas wara li messu? Għax Tumas ra ħaġa, u emmen oħra. Ebda bniedem li jmut ma jista’ jara lil Alla. Mela Tumas ra l-bniedem u emmen li hu Alla, bħalma stqarr u qal: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi!’ Ra u emmen, ħares lejn dak li kien bniedem tassew, u stqarr fih lil dak li ma setax jara, lil Alla.

Huwa ta’ ferħ kbir għalina l-kliem li mbagħad qallu: ‘Henjin dawk li ma rawx u emmnu. ‘Dan il-kliem qiegħed għalina b’mod speċjali, għalina li nżommu f’moħħna lil dak li ma rajniehx b’għajnejna. Iżda qiegħed għalina sakemm nuru l-fidi tagħna bl-għemil. Għax jemmen tassew min jagħmel skont ma jemmen. Għal dawk li jemmnu bil-kliem biss, Pawlu jgħid: ‘Jistqarru li jagħrfu lil Alla, biex imbagħad bl-għemil tagħhom jiċħduh.’ U Ġakbu jżid: ‘Il-fidi mingħajr l-għemil hija mejta.’ “

Filwaqt li San Tumas stqarr il-fidi tiegħu Papa Benedittu XVI jgħid: “Oħrajn jistqarru biss il-Kredu fil-Quddiesa tal-Ħadd.” M’għandniex xi ngħidu, hija ħaġa ta’ min ifaħħarha min imur il-Quddies tal-Ħadd u jistqarr il-Kredu. Iżda dal-kliem tal-Papa jfisser li n-Nisrani huwa mistenni minnu li dak li jistqarr fil-Kredu bil-fomm fil-quddiesa tal-Ħadd, irid jistqarru tul il-jiem l-oħra tal-ġimgħa. Mhux neċessarjament li jistqarru bil-fomm, imma mill-mod kif jaġixxi fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum, xogħol, dar, ħin ta’ mistrieħ, divertiment, irid jirrifletti dak li hu jistqarr fil-Kredu tiegħu.

Il-Papa Franġisku, (3 ta’ April, 2013) jgħid li:

“Għal Alla, li tiswa hi l-qalb, kemm aħna miftuħin għalih, jekk aħniex bħal tfal li jafu jafdaw. Imma dan iġegħelna nirriflettu wkoll fuq kif in-nisa, fil-Knisja u fil-mixja tal-fidi, kellhom u anki l-lum għandhom rwol partikulari li bih jiftħulna l-bibien għall-Mulej, jimxu warajh u jħabbru l-wiċċ tiegħu, għax il-ħarsa tal-fidi dejjem għandha bżonn tal-ħarsa sempliċi u profonda tal-imħabba. L-Appostli u d-dixxipli jsibuha iżjed bi tqila biex jemmnu. In-nisa le. Pietru jiġri lejn il-qabar, imma jieqaf mal-qabar vojt; Tumas irid imiss b’idejh il-ġrieħi tal-ġisem ta’ Ġesù. Anki fil-mixja tal-fidi tagħna hu importanti li nkunu nafu u nħossu li Alla jħobbna, u ma nibżgħux inħobbuh: il-fidi tiġi mistqarra bil-fomm u bil-qalb, bil-kelma u bl-imħabba.”

Jingħad li darba vapur tal-passiġġieri nqabad f’maltempata tal-biża’. Kulħadd kien imwerwer barra tifel ta’ xi sitt snin li ma waqafx jilgħab u jiġri minn naħa għal oħra. Xi ħadd staqsieh: “Ibni, maltempata bħal din, m’intix tibża’?” “Le,” wieġeb it-tifel, “missieri l-kaptan.” Fil-virtù tal-fidi jrid ikollna din l-fiduċja għamja ta’ dan it-tifel f’missieru. Nemmen mhux għax nifhem kulma nistqarr imma għax naf li dak li kellimni ma jqarraqx. Nemmen għax għalkemm naf li moħħi hu limitat u ma jiflaħx jifhem u jikkomprendi dak li hu traxxendentali, dak li hu divin, persważ li min qaluli jħobbni u mhux se jqarraq bija.

  • U int, kemm hi kbira l-fidi u l-fiduċja tiegħek fil-Mulej?

Talba: Glorjuż San Tumas, id-dulur tiegħek lejn Ġesù kien tant kbir li ma ħalliekx temmen li hu qam mill-mewt sakemm ma tarax u tmiss il-pjagi tiegħu. Imma l-imħabba tiegħek lejn Ġesù kienet daqstant qawwija li tajt ħajtek għalih. Itlob għalina biex aħna jiddispjaċina għal dnubietna li kienu l-kaġun tat-tbatija ta’ Kristu. Għinna biex nagħtu lilna nfusna għas-servizz tiegħu, ħalli naqalgħu t-titlu ta’ “imbierka,” dak li Ġesù sejjaħ lil dawk li ma rawx u emmnu fih. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://catholicexchange.com/st-thomas-the-apostle

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-thomas/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Thomas_the_Apostle

Saint Thomas movie:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

4 ta’ Ġunju: San Pietru minn Verona

Verżjoni Vidjo: San Pietru minn Verona

“CREDO IN DEUM” – L-ewwel tliet kelmiet tal-Kredu li San Pietru minn Verona kiteb fi stqarrija tal-fidi tiegħu, bid-demm li kien ħiereġ mill-feriti li għamlulu waqt il-martirju.

Peter-of-Verona-Full-e1425844752637SAN PIETRU MINN VERONA
Isqof
†1252

Tagħrif: Pietru twieled f’Verona fi tmiem is-seklu XII. Il-ġenituri tiegħu kienu eretiċi ħorox, mis-setta tal-Manikej.

Ta’ 15-il sena ġie mibgħut fl-Università ta’ Bolonja. Hawnhekk huwa ltaqa’ ma’ San Duminku li kien qed jipprepara għat-Tieni Kapitlu Ġenerali tal-Ordni fl-1221.

Darba minnhom waqt li S. Duminku kien qed jipprietka, Pietru ntlaqat bil-kliem mimli ħeġġa u qdusija tal-qaddis, intefa’ f’riġlejh u talbu jidħol fl-Ordni. Huwa rċieva l-libsa dumnikana minn idejn il-fundatur stess u ħa min għandu ż-żelu u l-kuraġġ qawwi tal-ewwel dixxipli dumnikani.

Meta kien qed jipprepara għas-saċerdozju, kellu jgħaddi minn prova kbira. Wieħed minn sħabu, waqt li bil-lejl kien għaddej minn ħdejn il-kamra ta’ Pietru deherlu li sema’ ilħna ta’ nisa f’kamartu. Pietru ġie mixli u mogħti l-kastig. Huwa aċċetta kollox bl-umiltà u ġie mibgħut f’Ancona biex jagħmel penitenza.

Hu talab ħafna u ħass ħafna l-qawwa tat-talb imma bħala bniedem ħass ukoll l-għajb tal-kastig. Darba minnhom imbikkem talab lil Alla: “Mulej, inti taf li jien innoċenti għal dan kollu; għaliex tippermettilhom jemmnu dan fuqi?” Imbagħad instemgħet vuċi ġejja mill-Kurċifiss, “U jien, Pietru x’għamilt biex għamlu dan kollu fuqi?” Minn dakinhar Pietru reġa’ kiseb il-ferħ u s-serenità ta’ qalbu.

Imma l-verità fl-aħħar rebħet. Pietru reġa’ mar mal-komunità, kompla jistudja u ġie ordnat saċerdot. Hu kien jitlob biex ikollu l-ferħ li jmut mewta ta’ martri.

Fl-1251, irċieva l-inkarigu biex jaħdem kontra l-ereżija fi Cremona, u fl-inħawi tal-viċin. Fl-istess żmien ġie magħżul pirjol tal-kunvent ta’ Como. Fis-6 ta’ April 1252, huwa u sejjer Milan minn Como, l-eretiċi qabduh u tawh il-martirju, għat-tjieba tal-fidi u l-ubbidjenza lejn il-Knisja ta’ Ruma.

Interessanti li qabel miet, Pietru qal il-Kredu b’leħen għoli u bid-demm li ħareġ mill-feriti tiegħu għamel l-istqarrija tal-fidi, “CREDO IN DEUM”. Wieħed mill-qattiela jismu Karinu, milqut bid-dehra tal-qaddis, ftit wara, daħal dumnikan.

Ħsieb: Dan li ġej huwa kliem Br. Brother Louis Camilleri f.s.c. (li tiegħu għaddejja kawża ta’ Venerazzjoni):

“San Pietru jdawwalna fil-ħajja tal-fidi tagħna. Għalkemm aħna qegħdin ngħixu fi żminijiet differenti għandna sfidi ġodda quddiemna. Ix-xhieda tal-fidi tagħna trid tidher fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, fil-kelma, fl-eżempju u fil-ħidma tagħna biex inkunu dak li Ġesù ried minna: li nkunu dawl tad-dinja u melħ tal-art.

Bħal Pietru jrid ikollna l-kuraġġ li nuru li nemmnu tabilħaqq fil-valuri nsara. Hekk naslu biex nitqabdu t-taqbida t-tajba tal-fidi tagħna u nirbħu għal Kristu għadd kbir ta’ erwieħ.

San Pietru ħabb ħafna l-Knisja. Fi żminijietna, kollox qed jiġi ġġudikat u kkritikat, saħansitra l-Knisja. Forsi aktar milli wieħed jikkritika l-Knisja ikun aħjar jekk l-ewwel nistaqsu kemm qed ngħixu ta’ membri ħajjin u attivi f’din il-Knisja. Anzi kemm lesti biex nissagrifikaw ruħna għaliha. Dan il-qaddis huwa dawl għalina lkoll illum. Ejjew inkunu verament ġebel ħaj fid-dar tal-għarus ta’ Kristu”.

Fir-realtà lanqas il-passat tagħna ma jgħodd ladarba qerrejnieh, imma dak li verament jgħodd huwa kif qed ngħixu l-fidi tagħna fil-mument, fid-djar tagħna, fil-gruppi tagħna, fil-komunitajiet tagħna, fuq il-postijiet tax-xogħol tagħna, fis-soċjetà tagħna u fid-dinja tagħna. Jeħtieġ nistudjaw lilna nfusna ħalli naraw kif naħsbuha, kif naġixxu u kif ngħixu: kultant nilbsu l-maskra biex nuru dak li aħna ma aħniex, biex nogħġbu lid-dinja u ninsew lil Alla.

Kif trid tkun il-ħajja tagħna biex nkunu xiehda awtentiċi tal-Kelma t’Alla bħalma kien il-qaddis tal-lum?

Trid tkun leali għar-rieda t’Alla. Ħafna drabi nkunu qegħdin ngħixu fil-ħolm u allura ma nindunawx bl-iżbalji tagħna. Irridu nqumu fuq tagħna u ma nintelqux. Inkissru l-katina tal-għażż fil-ħwejjeġ t’Alla. Ħafna drabi, anzi dejjem insibu ħin għall-ħtiġijiet materjali tagħna, għall-mistrieħ tagħna iżda lil Alla noffrulu biss skużi. Insib ħin għall-quddiem it-TV, ħin għal logħob, iżda lil Alla ngħidlu biex jiskużani għax ma għandiex ħin biex nisma’ quddiesa jew ngħid xi talb ieħor, għax il-lum tħabatt ħafna u ninsab għajjien. Il-fidi jeħtieġ li nuruha bil-fatti u kultant irridu nagħmlu s-sagrifiċċju biex ma nħalluhiex mitluqa jew kważi mitfija.

Qatt ma għandna nieqfu fil-mixja tagħna lejn Alla. Ċertament ikun hemm mumenti li nħossuna għajjenin u rridu nintelqu, iżda bħal Pietru fil-Vanġelu, ngħajtu lill-Imgħallem tagħna u ngħidulu: “Mulej salvana, għax ser negħrqu.” Imma sostnuti bit-talb u l-grazzja t’Alla nipperseveraw sal-aħħar.” Imberkin dawk li jipperseveraw sal-aħħar,” jgħid il-Mulej Ġesù. Jalla ‘l-iva’ tagħna lil Alla tibqa’ miexja magħna sa ma’ ruħna tħalli lil ġisimna.

  • U int, issostni ruħek bit-talb u tfittex li tilqa’ l-grazzji kollha li l-Mulej qed jagħtik kull mument ħalli tibqa’ tippersevera sal-aħħar nifs ta’ ħajtek bħal San Pietru minn Verona?

Talba: Qanqal, Mulej, fil-Knisja tiegħek dak l-ispirtu li bih imlejt lil San Pietru minn Verona biex ta ħajtu għalik, u, bit-talb tiegħu, qawwina bl-istess spirtu ħalli ma nsibuhiex bi tqila li aħna wkoll nagħtu ħajjitna għalik u għal ħutna. Bi Kristu Sidna. Ammen.  

English Version: https://sanctoral.com/en/saints/saint_peter_of_verona.html

Alternative Reading: https://dominicanfriars.org/st-peter-verona-peter-martyr/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Peter_of_Verona

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

10 ta’ Novembru: San Ljun il-Kbir

Verżjoni Vidjo: San Ljun il-Kbir

“O Nisrani, ftakar fid-dinjità  tiegħek.” – San Ljun il-Kbir

stleo-resized.jpgSAN LJUN IL-KBIR
Papa u Duttur tal-Knisja
? – 461

Tagħrif: San Ljun twieled fit-tmiem tas-seklu erbgħa x’aktarx f’Ruma, imma ta’ nisel Toskan. Huwa serva bħala Djaknu taħt San Ċelestinu I u San Sistu III.

Sar Papa fid-29 ta’ Settembru, 440, wara l-mewt ta’ Sistu III. Kellu jkun l-ewwel wieħed fost it-tliet Papiet li minħabba l-ħidma kbira fi żmien il-pontifikat tagħhom qalgħu l-isem tal-Kbir. It-tnejn l-oħra huma San Girgor I (590-604), u San Nikola I (858-867).

Fis-sena 451 sar ir-raba’ Konċilju Ekumeniku ta’ Kalċedonja fejn inġabru xi 600 isqof. Il-Papa bagħat ittra lill-Konċilju fejn fiha ddefinixxa ż-żewġ naturi u persuna waħda ta’ Kristu kontra l-ereżija ta’ Ewtike. Dakinhar, minn fomm l-isqfijiet ħarġet l-espressjoni: “Pietru tkellem permezz ta’ Ljun.”

Meta fis-sena 452, Attila kien nieżel bl-armata qawwija tiegħu lejn Ruma, il-Papa mexxa ambaxxata għand Attila, u rnexxielu jinnegozja miegħu li ma jaħbatx għal Ruma fuq wegħda li l-Papa jħallas lil Attila tribut annwali.

Tliet snin wara, meta Ġenseriku, Re tal-Vandali, ħabat f’daqqa waħda għal Ruma, il-Papa kien l-uniku li ddefenda l-belt u rnexxielu jwaqqaf il-kefrija u l-istraġi li kienet qed issir, u salvaha minn qerda totali.

Il-Papa Ljun ddefenda wkoll it-tagħlim tal-Knisja kontra l-Manikej, il-Pelaġjani, il-Prixxiljanisti u n-Nestorjani.

Bil-qawwa kollha ddefenda u saħħaħ il-Papat, u wera ċar li l-awtorità sħiħa tal-Knisja tinsab f’idejn il-Papa.

Fost il-kitba tiegħu għandna 96 prietka u 143 ittra magħrufin għall-għerf teoloġiku tagħhom.

San Ljun miet fl-10 ta’ Novembru, 461. Illum il-fdal tiegħu jinsab midfun fil-Bażilika ta’ San Pietru, taħt artal iddedikat għalih. Fl-1754, Benedittu XIV iddikjarah Duttur tal-Knisja.

Ħsieb: “Toqol li taħarbu” – hekk tkellem San Ljun I fuq l-uffiċċju tal-Papa. Madankollu ftit kienu tant kapaċi li jġorru bil-għaqal dan it-toqol b’tant diliġenza u ħeġġa.

Ma kinitx ħaġa ħafifa li tmexxi l-knisja fil-ħames seklu. Il-gwerra tal-barbari kienet qed tkisser il-provinċji li ma felħux jirreżistu. Il-Lvant kien imħawwad b’ereżija ġdida u perikoluża. Kontra kull ereżija Ljun I ħadha bil-qawwa kollha. Il-kriżi dommatika tul il-pontifikat tiegħu qamet meta patri minn Kostantinopli jismu Ewtikes u l-patrijarka ta’ Alessandria, Dioscorus bdew jgħallmu li fi Kristu hemm natura waħda biss.

Fuq talba tal-patrijarka ta’ Kostantinopli San Flavjan li informa lill-Papa li din l-ereżija bdiet tinxtered b’mod allarmanti, il-Papa Ljun kiteb ittra lil Flavjan fejn b’mod kategoriku kkundanna l-iżball ta’ din id-duttrina falza. Din l-ittra tant hi famuża għat-tagħlim li fiha, li ġiet miżmuma u venerata bħala kredu.

Sar konċilju, ir-raba’ wieħed, li ltaqa’ fil-Kalċedonja fis-sena 451 fejn il-padri kkundannaw lil Ewtikes u ġiet aċċettata l-ittra ta’ Ljun bħala t-twemmin reali fuq in-natura ta’ Kristu. Fl-oċċident id-dgħjufija imperjali kienet ir-raġuni li l-Papa Ljun għamilha ta’ intermedjatur bejn il-poplu tiegħu u l-barbari. Attila kien theddida għall-popli. Ljun kollu kuraġġ mar jiltaqa’ miegħu fuq ix-xtut ta’ Mincio, wieħed jirrapreżenta l-qawwa brutali u l-ieħor il-forza morali.

Rebaħ Papa Ljun. Attila laħaq ftehim ta’ paċi ma’ Ruma u ħelisha minn kull deni. Tliet snin wara meta l-flotta ta’ Genseric għaddiet mix-xmara Tiber, ir-Rumani kollha mbeżża’ daru lejn l-isqof tagħhom. Għal darba oħra l-Papa ġie wiċċ imbwiċċ mar-re vandalu li wiegħed lill-Papa li ebda bniedem ma kien ser ikun maqtul u ebda dar ma kienet ser tkun mogħtija n-nar. Genseric żamm kelmtu u għal 14 -il jum is-suldati serqu kemm felħu mill-ġid ta’ Ruma.

Kien Papa tassew kbir. Diplomatiku, amministratur, teologu u oratur u fuq kollox bniedem t’Alla. Bir-raġun jistħoqqlu l-isem ta’ Papa Ljun il-Kbir. Miet fis-sena 461 wara 21 sena ta’ ħidma pontifiċja.

Probabbilment aħna mhux ser ikollna nwettqu x-xogħol li għamel dan il-Qaddis, li niltaqgħu ma’ mexxejja ta’ armati qawwija u ninnegozjaw magħhom biex nevitaw qerda u ħerba kbira. Iżda lkoll kemm aħna nistgħu, f’ħin jew ieħor, innisslu l-ordni, l-kwiet u il-paċi, permezz ta’ kliem li jberred jew li jfarraġ jew ukoll billi nżommu s-skiet flok intawlu lsienna.

Talba: O Alla, int waqqaft il-Knisja tiegħek fuq l-Appostlu li għażilt bħala l-blata sħiħa, u ma tħalli qatt li s-setgħat tal-infern jegħlbuha; agħmel li, bit-talb tal-Papa San Ljun, hija tibqa’ sħiħa fil-verità tiegħek u titwettaq dejjem fis-sliem. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/pope-st-leo-the-great-651

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-leo-the-great/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Leo_I

Here one can find all of Saint Leo’s writings: https://biblehub.com/library/leo/writings_of_leo_the_great/index.html

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Design a site like this with WordPress.com
Get started