30 ta’ Ġunju: L-Ewwel Martri ta’ Ruma

Verżjoni Vidjo: L-Ewwel Martri ta’ Ruma

Kotra bla qjies ta’ martri baqgħu magħquda bejniethom fl-imħabba bħal aħwa, għax kellhom spirtu wieħed u fidi waħda. Ħabbew lil Kristu f’ħajjithom, u saru jixbhuh f’mewthom għalhekk isaltnu miegħu għal dejjem.” – Żewġ antifoni mil-Liturġija tas-Sigħat tat-Tifkira tal-Ewwel Martri ta’ Ruma.

PP-EarlyPersecutionOfChristians_JS_0027.jpgL-EWWEL MARTRI TA’ RUMA
? – 64

Tagħrif: Fis-sena 64, Ruma ġiet maħkuma u meqruda minn nirien kbar. L-Imperatur Neruni li kien qed jiġi akkużat li hu kien il-kawża tagħhom, malizzjożament tefa’ l-ħtija fuq il-komunità Nisranija ta’ Ruma, u fetaħ persekuzzjoni l-iktar ħarxa kontriha, li fiha San Pietru u San Pawl flimkien ma’ bosta Nsara, nisa u rġiel, żgħażagħ u xjuħ, u tfal subien u bniet, sofrew il-martirju.

Uħud mill-Insara mietu maħruqin, oħrajn mikulin mill-annimali selvaġġi, oħrajn mis-swat li qalgħu, u oħrajn mit-turmenti u mill-kefrijiet oħra bla ħniena.

Il-Papa San Klement f’ittra li kiteb faħħar il-qlubija u l-paċenzja ta’ dawk l-irġiel u n-nisa li hu kien jafhom personalment, u li għoddhom bħala l-fundaturi tal-Knisja ta’ Ruma.

Din kienet l-ewwel persekuzzjoni maġġuri kontra l-Knisja. Warajha kien hemm oħrajn, kważi waħda wara l-oħra.

Fis-sena 313, Kostantinu l-Kbir, bil-famuż Editt ta’ Milan ta l-libertà lir-Reliġjon Nisranija. B’hekk l-Insara setgħu jipprattikaw il-kult tagħhom bla ebda xkiel. Hekk tista’ tgħid intemmet persekuzzjoni kontinwa ta’ 250 sena. Hekk bdiet ħajja ġdida għall-Knisja, perjodu ta’ paċi. Imbagħad l-Imperatur Teodosju, fis-sena 381, ipproklama l-Kristjaneżmu bħala r-Reliġjon tal-Istat.

Ħsieb: L-għada tal-festa tal-martirju tal-Appostli Pietru u Pawlu, il-Knisja tfakkar il-martirju ta’ għadd kbir ta’ Nsara li mietu qabilhom fil-belt eterna. L-għadd ta’ Insara li mietu martri f’Ruma fl-ewwel snin tal-era nisranija Alla biss jafu. Ta’ min isemmi li l-ewwel 31 Papa kienu lkoll martri. Jissemmew biss uħud minnhom li baqgħu magħrufin ħafna, imma ħafna oħrajn, irġiel u nisa, lanqas biss nafu isimhom, imma xorta waħda huma martri li biċ-ċarċir ta’ demmhom urew l-imħabba u l-fidi tagħhom fi Kristu li għalih taw ħajjithom kif għamel għalihom Kristu stess meta miet għalihom fuq is-salib biex jifdihom.

Ġesù jwiddeb: “Min ifittex li jsalva ħajtu, jitlifha, iżda min jitlifha minħabba fija, isalva.” Kristu joffri ħajtu b’sagrifiċċju biex jiftaħ il-bieb tal-ħajja ta’ dejjem għalina l-bnedmin. Għalhekk, biex nirbħu l-ħajja ta’ dejjem, jeħtiġilna niċċaħħdu minn dik tad-dinja. Imissna mmutu ma’ Kristu, biex inqumu miegħu: dan ifisser li kuljum nitgħabbew bit-tbatija u ċ-ċaħda sa ma jkollna l-almu tal-martri u biċ-ċarċir ta’ demmna nkunu xhieda għat-tagħlim tiegħu.

Il-fidi u l-grazzja tat lil dawn il-martri l-qawwa biex jirbħu l-ġibdiet tal-laħam u tad-demm. Ma abbandunawx lil uliedhom, iżda ħallewhom f’idejn Alla u f’idejn nieshom. Qatt ma nitilfu dak li għandna meta nħalluh biex nobdu ’l Alla.

X’kienet tkun id-dinja mingħajr Ġesù ta’ Nazaret? Anke l-filosfu u l-istoriku Franċiż Ernest Renan, kritiku qawwi tal-Knisja, jagħraf li “jekk tneħħi l-isem ta’ Ġesù mid-dinja tkun bħal ċaqlaqt il-pedamenti.”

Imma l-mistoqsija l-aktar importanti hija din: “Xi nkun jien mingħajr Ġesù ta’ Nazaret?” Huwa dan is-sentiment qawwi li qanqal lill-Appostli u wassalhom biex jaslu sat-trufijiet tad-dinja. Ħadd qatt ma tkellem bħalu dan il-bniedem, għaliex ingħata għal kollox għall-oħrajn sa ma sar xejn. Ħadd ma ordna bħalu lill-baħar u lir-riħ biex jisktu jew lill-ispirti ħżiena li jitturmentaw lill-bnedmin biex iħalluhom fis-sliem.

Il-qaddisin, bħal f’leħħa ta’ berqa, iltaqgħu mal-persuna ta’ Kristu. L-Appostli Pietru u Ġwanni, quddiem it-tribunal li seta’ jikkundannahom, mingħajr biża’ qalu: “Din hi l-ġebla li intom il-bennejja warrabtu, u li saret il-ġebla tax-xewka. F’ħadd ħliefha ma hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema ma hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi” (Atti 4: 11-12).

Santa Tereża Beneditta tas-Salib (Edith Stein) tgħid: “Is-salib irid ikun bħal bandiera li nimxu warajha mgħobbija bit-twegħir kollu tal-ħajja. U mis-salib irid joħroġ l-għerf l-aktar siewi: l-għerf tas-salib.”

Talba: O Alla, int ikkonsagrajt bid-demm tal-martri l-ewwel ġmiegħi kotrana tal-Knisja ta’ Ruma; agħtina li nitwettqu bil-qawwa u l-ħila li dawn il-martri qalbiena wrew fit-taqbida, u li nifirħu dejjem bir-rebħa qaddisa tagħhom. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/first-martyrs-of-the-church-of-rome

Alternative Reading: https://mycatholic.life/saints/saints-of-the-liturgical-year/june-30-first-martyrs-of-the-church-of-rome/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/First_Martyrs_of_the_Church_of_Rome

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut mill-fuljett Signum Fidei.

15 ta’ Mejju: San Pietru u Santa Dijonisja

Verżjoni Vidjo: San Pietru u Santa Dijonisja

“Grazzi, O Mulej Ġesù għaliex lili tajtni l-paċenzja u għamiltni rebbieħ fuq dan it-tirann!” – San Pietru ftit qabel ma miet.

pls-Saints-Peter-and-DionysiaSAN PIETRU U SANTA DIJONISJA
Martri

Tagħrif: Fil-persekuzzjoni fi żmien il-ħakma ta’ Deċjanu, id-demm kristjan kien qed jinxtered f’Lampsacus, belt fl-Asja Minuri fit-Turkija tallum. San Pietru kien wieħed minn tal-ewwel li ġew ikkundannati sabiex imut f’isem Kristu u għalkemm kien għadu żgħir fl-età, laqa’ dawn it-turmenti bil-ferħ.

Ġie marbut bil-ktajjen ma’ rota u kissrulu għadmu. Hu min-naħa ‘l-oħra, għolla ħarstu u qal: “Grazzi, O Mulej Ġesù għaliex lili tajtni l-paċenzja u għamiltni rebbieħ fuq dan it-tirann!” Meta l-kmandant ra li din it-tortura kienet għalxejn, ordna li jaqtgħulu rasu.

Ftit wara fl-istess belt, il-verġni Dijonisja ħadet il-kuruna li tilef l-appostlu Nikomakus. L-istorja tiegħu tgħallem li dawk li jitilfu lil Kristu flok ma jbatu għalih, jitilfu kollox. Bil-ftit saħħa li kien għad fadallu waqt it-tortura għajjat: “Jien qatt ma kont Nisrani. Jien nissagrifika għall-allat!” Għal dan il-kliem, Nikomakus ġie meħlus u fil-fatt vera offra sagrifiċċju lill-allat. Dak il-ħin stess huwa ġie ppossessat mix-xitan u ftit tal-ħin wara miet.

“Ja raġel imdejjaq!” għajtet Dijonisja, “għalfejn bżajt li tbati ftit? Minflok, issa ser tbati għall-eternità.” Minħabba f’dan, ġiet arrestata iżda bis-saħħa tal-Anġlu Kustodju tagħha, hi ġiet meħlusa mill-ħabs.

Iżda x-xewqa tagħha li tfittex tmur il-Ġenna tiltaqa’ ma’ Ġesù tant kienet kbira li nxteħtet fuq l-iġsma tal-martri, tgħajjat: “Nippreferi mmut ħalli ngħix magħkom għal dejjem fil-Ġenna.” U Kristu, Sid il-verġni u martri, wettqilha xewqitha.

Ħsieb: Illum għad għandna martri għal Kristu? Skont il-Papa Franġisku, hemm aktar Insara ppersegwitati llum milli kien hemm fl-ewwel sekli tal-Knisja. Dan qalu t-Tnejn, 30 ta’ Ġunju, 2014 fl-omelija tiegħu f’quddiesa f’Santa Marta. Hu spjegaha b’dan il-mod:

“Filwaqt li l-Knisja tfakkar lill-qaddisin martri tal-bidu, fil-bidu tal-quddiesa ntemmu li l-Mulej ‘saqqa bid-demm tal-martri l-ewwel żerriegħa tal-Knisja.’ Qed nitkellmu dwar it-tkabbir ta’ pjanta, u dan ifakkarna dak li kien jgħid Ġesù: ‘Is-Saltna tas-sema hi bħal dak il-bniedem li tefa’ ż-żerriegħa mbagħad telaq lura lejn daru, u, rieqed jew imqajjem, iż-żerriegħa tikber u twarrad mingħajr ma jkun jaf kif hu.’ Din iż-żerriegħa hi l-Kelma t’Alla li tikber u ssir is-Saltna t’Alla, issir Knisja bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu u bix-xhieda tal-Insara.

Nafu li mingħajr l-Ispirtu ma jistax ikun hemm tkabbir; Hu jagħmel il-Knisja, Hu jgħinha tikber, Hu jlaqqa’ flimkien il-komunità tal-Knisja. Imma hi meħtieġa wkoll ix-xhieda tal-Insara. U meta din ix-xhieda tasal fl-aħħar, meta ċ-ċirkostanzi storiċi jitolbu minna xhieda qawwija, hemmhekk insibu l-martri, l-akbar xhieda. U dik il-Knisja tissaqqa’ bid-demm tal-martri. Dan hu s-sabiħ tal-martirju. Jibda bix-xhieda, jum wara ieħor, u jista’ jintemm bħalma ntemm Ġesù, l-ewwel martri, l-ewwel xhud, ix-xhud fidil: bid-demm.

Iżda hemm kundizzjoni biex din ix-xhieda tkun waħda vera, żied il-Papa, trid tkun mingħajr kundizzjonijiet. Smajna fl-Evanġelju li dak ir-raġel ried imur wara l-Mulej, imma jagħmillu kundizzjoni: ried imur isellem ‘il-missieru u jidfnu…… Il-Mulej iwaqqfu: ‘Le!’ Ix-xhieda hija mingħajr kundizzjonijiet, trid tkun soda, deċiża, irid ikollha l-lingwaġġ tant qawwi li jgħidilna bih Ġesù: ‘il-lingwaġġ tagħkom irid ikun iva, iva,le, le. Dan hu l-lingwaġġ tax-xhieda.’

Illum, inħarsu lejn din il-Knisja li qed tikber imsoqqija bid-demm tal-martri. Imma hu xieraq ukoll, li llum naħsbu f’tant martri ta’ żmienna, tant martri li jagħtu ħajjithom għall-fidi. Hu minnu li kien hemm ħafna Nsara ppersegwitati fi żmien l-imperaturi tal-bidu, imma llum mhumiex b’anqas.

Illum hemm tant martri fil-Knisja, tant Insara ppersegwitati. Niftakru fil-Lvant Nofsani, l-Insara jkollhom jaħarbu mill-persekuzzjonijiet, tant Insara maqtulin mill-persekuturi. Anki dawk l-Insara li jitkeċċew ‘il barra b’mod aktar diplomatiku, bl-ingwanti bojod: anki dik hi persekuzzjoni.

Illum hemm ħafna aktar xhieda, aktar martri fil-Knisja milli kien hemm fl-ewwel sekli. Ejjew ma ninsewx lil dwar dawn ħutna li jgħixu fil-persekuzzjoni, li jbatu, u li b’demmhom isaqqu u jkabbru ż-żerriegħa ta’ tant Knejjes żgħar li jinbtu kuljum. Nitolbu għalihom u għalina.”

  • U int, titlob għal dawn ħutna ppersegwitati minħabba twemminhom biex jaffaċċjaw dan kollu bil-kuraġġ kif għamlu San Pietru u Santa Dijonisja u biex qatt ma jaslu biex jiċħdu l-fidi tagħhom minħabba l-istess persekuzzjonijiet bħalma għamel Nikomakus?

Talba: Mulej, nirringrazzjak għal tant xhieda bħal San Pietru u Santa Dijonisja li demmhom saqqa ż-żerriegħa ta’ tant Insara oħra, fosthom aħna, li kellhom jirċievu l-fidi mogħtija lilna mill-appostli qalbiena tiegħek tal-ewwel żminijiet. Agħtina llum, għat-talb tal-martri tiegħek, li ma nintelqux fil-fidi tagħna, li ma nillaxkawx u ma ninġarrux mill-kurrenti li qed ikażbru l-liġi u t-tagħlim tiegħek, imma li nibqgħu sodi u nagħtu xhieda tat-twemmin tagħna anki jekk niġu ppersegwitati. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://sanctoral.com/en/saints/saints_peter_andrew_paul_dionysia.html

Alternative Reading: https://www.goarch.org/chapel/saints?contentid=59

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Peter,_Andrew,_Paul,_and_Denise

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

14 ta’ Ottubru: San Kallistu I

Verżjoni Vidjo: San Kallistu I

“Fi żmien ta’ persekuzzjoni l-battalja trebbħek il-kuruna, iżda fi żmien ta’ paċi hija x-xhieda ta’ kuxjenza safja.” – minn trattat ta’ San Ċiprijanu li  tapplika sew għal San Kallistu I li rebaħ il-kuruna tal-martirju msaħħaħ minn kuxjenza safja ffurmata skont ir-rieda ta’ Alla.

5080579818_8a38769a52_bSAN KALLISTU I
Papa u Martri
? – 222

Tagħrif: Jingħad li San Kallistu kien Nisrani Ruman. F’żogħżitu kien ilsir ta’ Karpoforu, Nisrani impjegat fil-qorti imperjali.

Karpoforu ħatar lil Kallistu ”Manager” ta’ bank. Għal xi raġuni, il-bank falla. Biex isewwi kif seta’ t-telfa, Kallistu mar jitlob lura minn min kellu jagħtih. Fosthom kien hemm xi Lhud li xlewh bħala Nisrani. Il-maġistrat bagħtu jaħdem fil-minjieri ta’ Sardinja bħala kastig.

Inħeles minn ilsir wara talba għall-ħelsien tiegħu li Marcia għamlet lill-Imperatur Kommodu li kien ħabib tagħha.

Għal għaxar snin ma nafux x’sar minn Kallistu ħlief li mar jgħammar f’Anzio.

Fis-sena 199, il-Papa San Żeferinu sejjaħlu Ruma, ordnah djaknu, u ħatru amministratur tal-ħwejjeġ temporali tal-knisja. F’din il-kariga, Kallistu ħa ħsieb iċ-Ċimiterju ta’ l-Insara, li kien jinsab fi Triq Appja, probabbilment l-ewwel biċċa art li l-Knisja kellha tagħha. Dan iċ-ċimiterju għadu jeżisti sal-lum u hu magħruf bħala ċ-”Ċimiterju ta’ San Kallistu” għalkemm il-Qaddis mhux midfun fih.

Kallistu żamm sħiħ mal-Papa San Żeferinu, kontra r-rigoruż Ippolitu li wara ħalla lilu nnifsu jsir l-ewwel antipapa fl-istorja tal-Knisja.

Wara l-mewt ta’ San Żeferinu, Kallistu nħatar Papa, fis-sena 217. Matul il-papat tiegħu li dam ħames snin u xahrejn, wera li kien Ragħaj għaqli, kuraġġuż u fl-istess ħin ħanin. Huwa żamm it-tagħlim Kattoliku fuq it-Trinità, u kkundanna lil Sabellju li ċaħad it-Tliet Persuni fit-Trinità Qaddisa. Żamm ukoll li kull dnub, kbir kemm ikun kbir, jista’ jinħafer bl-indiema, u kkundanna t-tagħlim kuntrarju li kienu qed ixerrdu Ippolitu u Tertuljanu. Żamm ukoll iż-żwieġ tal-ilsiera ma’ dawk li ma kinux ilsiera kien validu avolja l-liġi Rumana kienet tipprojbih.

Miet martri fis-sena 222, fi rvell li qam fi Trastevere u difnuh fiċ-Ċimiterju ta’ Kalepodju, fi Trastevere, fit-Triq Aurelia. Il-leġġenda tgħid li nqatel billi ntefa’ ġo bir b’ġebla marbuta ma’ għonqu. Jgħidu wkoll li kien hemm saċerdot li mar itella’ l-ġisem tiegħu u ġie maqtul hu wkoll talli għamel dan, iżda m’hemm l-ebda evidenza soda dwar dawn ir-rakkonti.

Uħud huma tal-opinjoni li wkoll mill-ftit li nafu dwaru, San Kallistu jista’ jitniżżel fost il-papiet il-kbar.

Ħsieb: Il-ħajja ta’ San Kallistu turina li bħala żagħżugħ, kien skjav. Huwa kompla jservi lill-Knisja, u kien id-djaknu tal-Papa Żeferinu. Il-ħajja tiegħu turina t-tiġrib tal-Knisja Nisranija tal-bidu, u kemm kellhom ħajja iebsa. Il-Papa Żeferinu fdah bil-kmamar tad-dfin tul il-Mogħdija Appian, fejn disa’ Isqfijiet ta’ Ruma ġew midfuna u skoperti aktar tard – u b’hekk għamluh il-patrun ta’ dawk li jaħdmu fiċ-ċimiterji.

Biex tassew inkunu nistgħu napprezzaw is-sabiħ kollu li ngawdu fil-Knisja llum, ma rridux ninsew it-tiġrib kbir li għaddew minnu l-mexxejja tal-Knisja tal-bidu. Imma x’inhi l-enfasi li l-Knisja trid tagħmlilna kull darba li tippreżentalna dawn it-tifkiriet tal-martri u l-martirju tagħhom? X’importanza hemm f’li wieħed joqgħod jistudja propju dwar dan is-suġġett?

1) Il-martirju tal-Insara jfakkarna dwar x’inhu l-prezz li wieħed irid iħallas biex ikun dixxiplu ta’ Kristu. X’kien il-prezz fl-imgħoddi u x’għadu llum għal ħafna. (Luqa 14:27) Niftakru fl-Iskrittura, bħal fi Ġwanni 16:33 fejn Ġesù jwissi lid-dixxipli tiegħu li se jkollhom tribulazzjoni f’din id-dinja, u f’Atti 14:22 fejn Pawlu jgħid li d-dixxipli li għandhom jgħaddu minn ħafna tribulazzjonijiet biex jidħlu fis-Saltna ta’ Alla. Imma dawn ma jagħmlux l-istess impressjoni fuqna daqs kemm kien jagħmlu fuq l-Insara tal-bidu li għexu taħt persekuzzjonijiet kontinwi u li ħajjithom kienet dejjem mhedda. Iżda dawn il-versi mill-Iskrittura, u oħrajn bħalhom (Luqa 9: 23-25; Atti 20:24; 21:13), juruna li l-persekuzzjoni kienet, hija u għada realtà. Passaġġi ta’ dan it-tip ifakkru lin-Nisrani ppersegwitat li jeħtieġ ikun paċenzjuż fid-diffikultajiet, jirringrazzja ‘l Alla fi żmien ta’ prosperità, u jkun kunfidenti li fil-futur xejn mhu se jifirdu mill-imħabba ta’ Alla.

2) Meta nitgħallmu dwar il-kobor tat-tbatijiet li għaddew minnhom, aħna nitgħallmu wkoll is-sosten estiż li Alla lest li jagħti lill-qaddisin tiegħu f’dawn il-mumenti hekk iebsa u ta’ tbatija. Irrispettivament mill-età jew mis-sess, Alla kien aktar minn kapaċi biex isaħħaħ lill-martri tiegħu. Irġiel fi xjuħithom, żgħażagħ u subien, u l-martri kollha kemm huma, ġew sostnuti lkoll minn Alla permezz tal-qawwa li ngħatatilhom fl-Ispirtu s-Santu u li huma rċevew fil-mument tal-martirju tagħhom.

3) Jista’ jservi biex isaħħaħna. Wara kollox huwa għalhekk li dawn l-istejjer ġew imniżżla fl-ewwel post. Fl-introduzzjoni ta’ wieħed mill-Atti tal-Martri, il-kittieb jgħid li huma (l-Atti tal-Martri) iservu biex jixhdu l-grazzja t’Alla u jedukaw lill-bniedem. Huma jonoraw lil Alla u jsaħħu lill-bniedem. Il-persuna li kitbet dan tidher li kellha l-1Korintin 10:11 f’moħħha fejn insibu miktub li l-Iskrittura kienet miktuba għall-benefiċċju tagħna. L-intenzjoni tal-awtur, bil-kitba ta’ wieħed mill-Atti tal-Martri, kienet li jippreserva l-istorja tal-martirju għall-istruzzjoni tal-ġenerazzjonijiet futuri.

4) Aħna aktar minn rebbieħa, bis-saħħa ta’ Dak li ħabbna – dan jgħallimna li minkejja li aħna dgħajfa, aħna qawwija. Pawlu jgħid li tgħallem, li meta kien l-iktar dgħajjef, li kien l-aktar b’saħħtu, għaliex induna li huwa meta aħna fil-punt l-iktar dgħajjef li aħna niddependu aktar fuq grazzja t’Alla, u l-grazzja tiegħu hija aktar minn biżżejjed biex isostnina. Hu jasal jistqarr: “Mela bil-qalb kollha nitgħaxxaq bid-debbulizzi tiegħi, bit-tagħjir, bl-għaks, il-persekuzzjonijiet, bid-dwejjaq minħabba Kristu; għax meta nkun dgħajjef, nkun qawwi.” (2Korintin 12:10)

  • U inti iddur fuq il-Mulej bħala l-ewwel sors li jista’ jagħtik l-għajnuna u l-qawwa tiegħu f’mumenti iebsa?
  • Temmen li hekk kif qalilna f’Rumani 8:28, Huwa kapaċi jdawwar anki avveniment li jidher ikrah, f’wieħed li jista’ anki jagħmillek il-ġid jekk int tkompli tittama u tafda Fih?
  • Kemm inti lest/a biex ma tiċħadx it-twemmin tiegħek u lil Kristu fil-mumenti meta n-nies tagħmilielek diffiċli billi tirredikulak, tinsultak, tippersegwitak u timmaltrattak?

TalbaFil-ħniena tiegħek, Mulej, isma’ t-talb tal-poplu tiegħek u agħtina l-għajnuna, għall-merti tal-Papa San Kallistu, li llum qegħdin infakkru l-martirju tiegħu. Bi Kristu Sidna. Ammen (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas PDF fuq  jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-callistus-i-393

Alternative Reading: http://www.newworldencyclopedia.org/entry/Pope_Callixtus_I

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Callixtus_I

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Design a site like this with WordPress.com
Get started