13 ta’ Frar: Beatu Ġordan tas-Sassonja

Verżjoni Vidjo: Beatu Ġordan tas-Sassonja

“Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu.” – Ġesù f’Mark 16:15

blessed-jordan.jpgBEATU ĠORDAN TAS-SASSONJA
Presbiteru
c1199 – 1237

Tagħrif: Twieled f’Burberg, fil-Ġermanja, lejn tmiem is-seklu tnax. Ħa l-libsa tal-Ordni Dumnikan fil-kunvent ta’ Pariġi fit-12 ta’ Frar 1220 minn idejn il-Beatu Reġinaldu. Ġordan kien ħabib kbir tal-Fundatur San Duminku u l-ewwel wieħed li ngħażel Superjur Ġenerali bħala suċċessur ta’ San Duminku biex imexxi l-Ordni tal-Predikaturi.

Għal ħmistax-il sena Ġordan mexxa bi ħlewwa u tjieba kbira ż-żewġ fergħat tal-Ordni (patrijiet u sorijiet) iħeġġiġhom bil-kelma u l-eżempju tiegħu, jiktbilhom, iżurhom ta’ sikwit, u jirranġa l-kostituzzjonijiet.

Ġordan kellu mħabba kbira lejn il-Verġni Mbierka u għall-ġieħ tagħha ordna l-kant tas-Salve Regina wara l-kompjeta.

Il-Beatu Ġordan miet b’diżgrazzja fl-età ta’ madwar 37 sena, meta sab l-għarqa huwa u rieġa’ lura bil-baħar minn żjara fil-Provinċja tal-Art Imqaddsa. Kien it-13 ta’ Frar 1237. Il-Papa Piju XII wettaq il-qima lejh fl-10 ta’ Mejju, 1826.

Ħsieb: Deskritt mill-bijografu bikri tiegħu Gerald de Frachet bħala “l-aktar suċċessur li kien jistħoqqlu post Duminku,” Ġordan dejjem ġie mfakkar bħala “mera ta’ kull aspett tal-osservanza reliġjuża, eżempju ta’ virtù, raġel ta’ kastità mhux minsusa tal-moħħ u tal-ġisem.”

Tabilħaqq, l-eżempju ta’ Ġordan jingħad li ġieb miegħu elf raġel biex jissieħbu fl-Ordni u l-interċessjoni tiegħu għad għandha l-qawwa biex tqajjem żelu u entużjażmu fl-irġiel u fin-nisa tal-lum biex dawn jaslu jikkonsagraw ħajjithom lil Alla bl-ilbies abjad ta’ San Duminku.

Mill-bosta stejjer li nafu dwar Ġordan, nistgħu nsemmu dwar il-karità kostanti tiegħu, il-paċenzja u l-imħabba mal-oħrajn. Hu qatt ma naqas milli jikkonferma lill-aħwa fil-fidi u jassigurahom fi żminijiet ta’ prova. Imma kif għamel dan? Hu għamel dan billi għamel dak li l-Ordni tal-Predikaturi jeżistu għalih: ix-xandir tal-Aħbar it-Tajba. L-aħbar li r-rebħa tappartjeni lil Alla tagħna, li Ġesù ħarġina mill-iskjavitù ta’ dnubietna u li aħna salvajna minn kull inġustizzja.

Kull meta tiġrilna xi ħaġa ħażina, kull meta nħossuna dgħajfa jew oppressa minħabba l-iżbalji li nkunu wettaqna, nistgħu nsegwu l-parir ta’ Ġordan u nduru lejn Kristu Msallab. Quddiem il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù nistgħu ngħidulu: ‘Mulej, ikollok ħniena minna’ u mmorru għandu kif qalilna Hu stess: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (Mattew 11:28).

  • U int kull darba li tiżbalja, tmur b’mod spiritwali quddiem Ġesù msallab u għand is-saċerdot fil-Qrar biex tirċievi mingħand il-Mulej il-ħniena u l-maħfra?
  • Kemm int lest/a xxandar l-Aħbar it-Tajba bla ma tħalli xejn ifixklek jew iwaqfek milli tagħmel dan għax temmen lix-xandir hi s-sejħa ta’ kull Nisrani?
  • Timpenja ruħek biex twettaq fil-fidi u biex tagħmel kuraġġ lil dawk in-nies madwarek li forsi għaddejjin minn żmien iebes u qed jaqtgħu qalbhom?

Talba: Beatu Ġordan ta’ Sassonja, suċċessur ta’ San Duminku, fil-jiem bikrija tal-Ordni, l-eżempju tiegħek u l-ħeġġa ġiegħlu lil ħafna rġiel u nisa jsegwu lil Kristu bl-ilbies abjad tal-Qaddis. Bħala Patrun tal-vokazzjonijiet Dumnikani, nitolbuk tkompli tħeġġeġ aktar irġiel u nisa ddedikati biex jikkonsagraw ħajjithom lil Alla. Permezz tal-interċessjoni tiegħek, nitolbuk ukoll biex tipproteġi u tqaddes lill-patrijiet kollha fl-Ordni tal-Predikaturi biex ikunu dejjem imħejjija għall-appostolat tax-Xandir tal-Verità, kemm b’fommhom, kif ukoll bl-eżempju ta’ ħajjithom. Ammen.

English Version: https://www.nashvilledominican.org/community/our-dominican-heritage/our-saints-and-blesseds/bl-jordan-of-saxony/

Alternative Reading: https://www.english.op.org/godzdogz/great-dominicans-blessed-jordan-of-saxony

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Jordan_of_Saxony

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

31 ta’ Ottubru: San Angelo ta’ Acri

Verżjoni Vidjo: San Angelo ta’ Acri

“Hija grazzja u glorja kbira li tkun Kapuċċin u iben/bint vera ta’ San Franġisk. Imma hu neċessarju li nkunu nafu u li dejjem inġorru magħna, il-ħames ħaġriet prezzjużi: l-awsterità, is-sempliċità, l-osservanza eżatta tal-Kostituzjoni u tar-Regola Serafika, l-innoċenza tal-ħajja u karità li ma tgħejja u ma tieqaf qatt.” San Angelo ta’ Acri

angelo16.jpgSAN ANGELO TA’ ACRI
Reliġjuż
† 1739

Tagħrif: Huwa kien iben ta’ ġenituri fqar, kien jismu Antonio Luca Falcone u twieled fis-19 ta’ Ottubru, 1669. Ipprova jidħol mal-Kappuċċini ta’ 18-il sena iżda sab il-ħajja ħarxa ħafna. Bil-għajnuna ta’ ħafna talb huwa pprofessa fit-tielet darba li pprova wara novizzjat imqanqal ħafna, fl-1691. Ħa l-isem ta’ Angelo.

Fl-ewwel prietka li għamel, il-fiduċja fih innifsu u l-memorja ħallewh u niżel minn fuq il-pulptu konfuż. Meta qagħad jaħseb fuq dan id-diżappunt deherlu li l-Mulej qallu: “Għall-ġejjieni, Angelo, ipprietka b’mod sempliċi u kif jitkellmu n-nies, biex jista’ jifhmek kulħadd.” Huwa sar wieħed mill-aqwa predikaturi ta’ żmienu u mexxa missjonijiet f’pajjiżu u xerred id-devozzjoni lejn il-Kwaranturi (40 siegħa adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat) sakemm miet.

Kien jgħaddi ħin twil jitlob u jagħmel penitenzi ħorox biex jikkumbatti t-tentazzjonijiet li kien ikollu.

Huwa kiteb ktieb wieħed biss, li kien ġabra ta’ talb fuq it-tbatijiet ta’ Kristu, għas-sorijiet Kappuċċini li huwa waqqaf f’Acritania. Angelo laħaq provinċjal Kappuċċin fil-Kalabrija, u kienu jsejħulu ‘L-Anġlu tal-Paċi’ bil-mod seren li kien imexxi l-provinċja.

Miet fit-30 ta’ Ottubru 1739, ta’ 70 sena. Il-Papa Ljun XII ibbeatifikah fit-18 ta’ Diċembru, 1825 u l-Papa Franġisku ddikjarah Qaddis fil-15 ta’ Ottubru, 2017.

Ħsieb: It-triq vokazzjonali taż-żagħżugħ Luka Antonio kienet ikkaratterizzata minn ħafna inċertezzi. Wara li kkonsagra lilu nnifsu lill-Mulej, għadda minn esperjenza ta’ falliment fil-predikazzjoni. Madankollu, huwa ma qatax qalbu imma biddel l-istil tal-predikazzjoni tiegħu, u sar imbagħad evanġeliku mill-aqwa. Permezz tal-predikazzjoni tiegħu, Angelo ta’ Acri kien strument li kapaċi jgħaqqad il-Qalb tal-Mulej ma’ dik tan-nies. Kien jikkomunika lis-semmiegħa tiegħu l-ferħ ta’ Alla li jfittex li jkun fi djalogu mal-poplu tiegħu.

Fil-konfessjonarju kien il-post li fih kien joffri lill-penitent il-konsolazzjoni tal-maħfra ta’ Alla, il-post fejn kien jiftaħ għalihom it-triq għall-ħajja ġdida fi Kristu. Huwa ta xhieda ta’ karità Nisranija billi żar il-foqra fi djarhom u qassam il-Providenza li hu stess kien irċieva. Ma naqasx li jżur wkoll lill-ħabsin, jirrikonoxxi d-dinjità tagħhom u jkellimhom fuq l-indiema, filwaqt li ddefenda wkoll lil dawk li ġew ikkundannati inġustament.

Waħda mill-eqdem pitturi ta’ Fra Angelo ta’ Acri tippreżentah iħares lejn u jikkontempla l-Kurċifiss, iċ-ċentru tal-predikazzjoni u t-talb tiegħu. F’ħinijiet twal ta’ talb solitarju, huwa kien jagħmel meditazzjoni dwar it-tbatija ta’ Kristu u kien jirrikonoxxi fil-morda l-feriti tal-Mulej. F’kull ħaġa li kien jagħmel, kien iżomm f’qalbu l-wiċċ ta’ Ġesù msallab, l-ikona ta’ mħabba mingħajr limitu.

Imma ma nistgħux ninsew ukoll li dan il-beatu kellu devozzjoni kbira lejn il-Kwaranturi (40 siegħa adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat) u baqa’ jxerred din id-devozzjoni sa mewtu. Dan jurina li s-saħħa kollha wara l-ħajja eżemplari tiegħu kien iġibha mit-talb iħeġġeġ quddiem Ġesù Ewkaristija. U inti, minn fejn iġġib il-qawwa tiegħek biex tkun tista’ tgħix ta’ Nisrani/ja awtentiku/a?

Iva Ġesu’ huwa ħaj u jinsab magħna. Hu jibqa’ jiġri warajna sal-aħħar nifs ta’ ħajjitna, għax ma jrid lil ħadd jitlef l-imħabba li għandu għal kull wieħed u waħda minna. Xi mħabba ġenwina! Minn kull kappella tal-Adorazzjoni li għandna f’pajjiżna, il-Mulej jistedinna biex immorru ħdejh u nqattgħu ftit ħin miegħu. Xi privileġġ għandna! Għax għiduli …

  • Min jista’ jibdilni għall-aħjar daqs Alla?
  • Min jissaportini daqs Alla?
  • Min jistennieni daqs Alla?
  • Min iħenn għalija daqs Alla?
  • Min jagħder in-nuqqas ta’ ħila tiegħi, daqs Alla?
  • Min jara li hemm potenzjal fija, daqs Alla?
  • Min għandu sabar daqs Alla?
  • Min jixtieqli l-ġid, daqs Alla?
  • Min għandu fiduċja fija daqs Alla?
  • Min jafdani daqs Alla?
  • Min iżommni f’sensija, inqis l-konsegwenzi t’għemili minn qabel, daqs Alla?
  • Min jgħallimni ngħożż id-dinjità ta’ persunti, daqs Alla?
  • Min jeħlisni mill-irbit u l-ġenn tal-frugħa, daqs Alla?
  • Min jgħallimni nagħraf il-pożittiv f’ħajti, daqs Alla?
  • Min japprezzani kif jien, daqs kemm japprezzani Alla?
  • Min jagħraf ħsibijieti u l-intenzjonijiet t’għemili, daqs Alla?
  • Min jafni iżjed milli naf lili nnifsi jien, daqs kemm jafni Alla?
  • Min qatt ma jgħejja jismagħni? Int biss O Alla.
  • Min qatt ma jaqta’ qalbu minni? Int biss O Alla.
  • Min qatt ma jgħajjarni bil-fallimenti tiegħi, bid-dgħjufijiet tiegħi, bid-difetti tiegħi ? Int biss O Alla … u Inti Alla li ħlaqtni biex niġi ngawdik fil-Ġenna.
  • Min jipprovdili s-saħħa, il-faraġ, il-kalma, il-wens, il-ħeġġa u r-rassenjazzjoni f’kull ma’ jinqgħalali u f’dak kollu li ngħaddi minnu f’ħajti? … Int biss O Alla.
  • Min iħobbni daqsek O Alla?
  • Min jaħfirli, inaddafni u jinsa l-passat tiegħi, daqsek O Alla?
  • Min jgħallimni l-verità u s-sewwa biss, daqsek O Alla?
  • Min jgħallimni naħseb f’ħaddieħor, daqsek O Alla?
  • Min jimlieni b’kuraġġ ta’ sur, daqs kemm timlieni Int O Alla?

Lil min insib biex ifarraġni u jibnini mill-ġdid, fid-diżgrazzji, fit-tentazzjonijiet, fil-qtigħ ta’ qalb, fl-iżolament, fil-mard, fid-diżappunti ta’ ħajti, daqs kemm tikkonslani, tfarraġni u tibnini fis-sod Int O Alla?

Iva, Mulej, nixtieq naċċetta l-istediniet tiegħek u niġi quddiemek, inħares lejk, lejn il-preżenza reali tiegħek fl-Ewkaristija … u, mingħajr ma niftaħ fommi, Inti diġà tibda tgħattini bil-paċi glorjuża tiegħek! F’dak il-kwiet, mingħajr ma jkun jaf ħadd, Int O Alla tibnili l-ħajti – imtertqa bl-ansjetajiet, bil-beżgħat, bix-xogħol, bit-tmaqdir, bin-nuqqas ta’ fiduċja fis-setgħa tiegħek, bil-vojt li nħoss kultant; bin-nuqqas ta’ fiduċja fija nnifsi … X’qawwa toħroġ minnek O Ħobż tal-Ħajja, x’mirakli tagħmel miegħi, kif tibdilli n-niket f’ferħ, kif ninsa t-thewdin ta’ moħħi hekk kif inkun quddiem il-preżenza umli, imma ta’ forza immaġinabbli tiegħek … iva dan kollu meta nafda totalment Fik f’kollox! Ħa tkun ħajti, skont ir-rieda mqaddsa tiegħek O Trinità Ħanina!

Talba: O Alla kollok tjieba, li tajtna lil San Angelo ta’ Acri b’eżempju mill-isbaħ ta’ ħajja mfassla fuq it-tagħlim u l-eżempju tiegħek, agħtina nitolbuk, li bl-interċessjoni tiegħu għalina, aħna wkoll ma naqtgħux qalbna milli nkomplu navvanzaw f’ħajja animata mill-karità lejk u lejn il-proxxmu. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.roman-catholic-saints.com/blessed-angelo-of-acri.html

Alternative Reading: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/blessed-angelus-of-acri.html

Detailed account of his life: http://napcc.net/images/uploads/documents/acri.pdf

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Luca_Antonio_Falcone

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Parti mill-Ħsieb mehud mis-sit ta’ Medjugorje Malta.

4 ta’ Settembru: Santa Rożalija ta’ Viterbo

Verżjoni Vidjo: Santa Rożalija ta’ Viterbo

“It-talb juri lill-erwieħ il-vanità tal-affarijiet materjali u l-pjaċiri tad-dinja. Jimliehom bid-dawl, bis-saħħa u bil-konsolazzjoni; u jdewwaqhom dik il-kalma u l-paċi tad-dar tagħna tas-sema.” Santa Rożalija

rosa-de-viterbo-santa.jpgSANTA ROŻALIJA TA’ VITERBO
Verġni u Eremita
1234 – 1252

Tagħrif:  Alla l-għoli għamel affarijiet meraviljużi ma’ Santa Rożalija ta’ Viterbo. Jidher li l-ġenituri tagħha tawha dan l-isem b’ispirazzjoni divina, għax kien simboliku għall-ħajja kollha tagħha. Tul ħajjitha, hija nfetħet bħala fjura li tfewwaħ il-ġnien tal-Knisja, u fl-isbaħ ta’ żogħżitha, ittieħdet biex tiġi mħawla fis-Sema.

Qabel ma kienet kapaċi titkellem, Santa Rożalija ppruvat tippronunzja l-ismijiet ħelwin ta’ Ġesù u Marija; u hekk kif kienet għadha kemm tgħallmet timxi, talbet li tittieħed il-knisja u f’postijiet oħra għall-kwiet, biex titlob. Kienet tisma’ b’attenzjoni kbira diskorsi reliġjużi.

Meta kellha biss 3 snin, Alla wrieha kemm hu kuntent biha b’mod l-aktar ħelu. Waħda miz-zijjiet tagħha mietet. Tal-familja kienu bilwieqfa madwar it-tebut, jibkuha. Rożalija tant tqanqlet quddiem in-niket tal-qraba tagħha, li marret ħdejn it-tebut, għolliet għajnejha lejn is-sema, u talbet fis-silenzju. Imbagħad poġġiet idejha ċkejknin fuq il-ġisem tal-kadavru taz-zija u sejħitilha b’isimha. Il-mara mejta fetħet immedjatament għajnejha u ħaddnet lin-neputija tagħha, li qajmitha għall-ħajja mill-ġdid.

It-tifla kienet tiġiha ħniena kbira mill-foqra; hi dejjem ippruvat twarrab xi ikel biex tagħtih lilhom. Ġurnata waħda, meta telqet mid-dar b’xi ħobż fil-fardal tagħha, iltaqgħet ma’ missierha, li staqsieha x’reġgħet kienet qed iġġorr. It-tifla mbeżża fetħet il-fardal tagħha u fih kien hemm ward ifuħ.

Meta kellha 7 snin, Santa Rożalija rtirat f’ċella żgħira fid-dar ta’ missierha. Kien hawn li għaddiet kważi ħajjietha kollha fil-kontemplazzjoni u fil-prattika ta’ penitenzi rigorużi. Hija talbet ħafna għall-konverżjoni tal-midinbin. Sadanittant, il-Mulej kien qed iħejjiha għall-missjoni straordinarja.

Santa Rożalija kien għad ma kellhiex 10 snin, meta l-Verġni Mbierka Omm Alla, tatha l-istruzzjonijiet biex tingħaqad mat-Terza Ordni ta’ San Franġisk. Ftit wara, il-Mulej deherilha fuq is-Salib, liebes il-kuruna tax-xewk fuq rasu u b’bosta demm iċarċar mill-feriti tiegħu kollha.

Santa Rożalija inħasdet b’din id-dehra u bdiet tgħajjat: “Mulej tiegħi, min ġabek f’dan l-istat?”

Il-Mulej wieġeb: “L-imħabba tiegħi, l-imħabba profonda tiegħi għall-bnedmin għamlitli dan.”

“Imma,” staqsiet Rożalija, “min taqbek u mliek bix-xewk b’dan il-mod?”

“Id-dnubiet tal-bnedmin għamluli dan,” kienet ir-risposta tal-Mulej.

“Id-dnub, id-dnub!” għajtet il-qaddisa, u qabdet tifflaġella lilha nnifisha biex tagħmel riparazzjoni għad-dnubiet tad-dinja.

Permezz ta’ ispirazzjoni divina, Rożalija mbagħad ħadet salib f’idejha u bdiet tiela’ u nieżla bih fit-toroq u fil-pjazez pubbliċi tal-belt tagħha u tgħid lin-nies dwar it-torturi terribbli li sofra l-Mulej tagħna u dwar il-kruha tad-dnub. U kultant żmien, baqgħet toħroġ mis-solitudni tagħha biex tħeġġeġ lin-nies jagħmlu penitenza.

Il-belt ta’ Viterbo, li kienet tappartjeni lill-Istati Papali, kienet kontra l-awtorità tal-Papa. In-nuqqas ta’ rispett għar-reliġjon u d-degradazzjoni morali, kienu l-ordni tal-ġurnata. Imma l-prietki ta’ din il-missjunarja żgħira, kellhom riżultati tal-għaġeb. In-nies kienu jinġabru bil-folol biex tismagħha. Il-ġebla li fuqha hija kienet titla’, dehret tiela’ fl-arja, u ż-żagħżugħa żammet fuqha b’miraklu, filwaqt li kliem jaħraq baqa’ ħiereġ minn xufftejha. Il-parti l-kbira taċ-ċittadini aċċettaw li jagħmlu penitenza u li jerġgħu lura f’għaqda mal-Papa, filwaqt li Santa Rożalija u l-ġenituri tagħha ġew eżiljati minn Viterbo mill-awtoritajiet ċivili.

Ir-riżultat kien li issa kellha bosta ħidmiet x’tagħmel. F’Sorianu, u wara f’Vitorchianu, il-predikazzjoni tagħha kellha l-istess riżultati mbierka. F’dan tal-aħħar, saħħara għamlet ħafna ħsara lill-abitanti. Rożalija nkwetat li wara t-tluq tagħha, din il-mara kienet ser terġa’ tħassar il-ġid li jkun sar hemmhekk, għalhekk xtaqet il-konverżjoni tagħha. L-isforzi inizjali ta’ Rożalija fallew. Imbagħad il-qaddisa ġabret numru kbir ta’ injam u poġġiethom fil-pjazza pubblika; qabdet in-nar u telgħet fil-quċċata ta’ dan il-munzell. Hija damet f’dan in-nar bil-fjammi jduru magħha għal tliet sigħat, tkanta u tfaħħar lil Alla. In-nar ma għamlilha l-ebda ħsara. Kien hawn li s-saħħara ntefgħet f’riġlejn Rożalija u kkonvertiet sinċerament.

Sadanittant, l-awtorità leġittima tal-Papa kienet ġiet stabbilita mill-ġdid f’Viterbo, u Rożalija setgħet tirritorna. Issa kellha 15-il sena u kienet ħerqana biex tidħol fil-kunvent tal-Klarissi. Peress li ma kellha l-ebda dota, hija ma setgħetx tidħol.

“Ma jimpurtax,” qalet Rożalija, “intom mhux se tilqgħuni waqt li jiena ħajja, imma tirċevuni meta nkun mejta.” Rożalija, flimkien ma’ xi ħbieb li akkumpanjawha, inqatgħu għalihom waħedhom f’post ‘il bogħod min-nies, bl-intenzjoni li jiffurmaw komunità. Madankollu, l-awtoritajiet ekkleżjastiċi ma approvawx il-pjan tagħha u għalhekk marret lura d-dar. Hija mietet sentejn  wara fid-dar ta’ missierha, mimlija b’ħeġġa kbira li tingħaqad ma’ Alla tagħha.

Sentejn u nofs wara l-mewt tagħha, hija dehret tliet darbiet lill-Papa Alessandru IV, li kien f’Viterbo f’dak iż-żmien, u talbitu jitrasporta l-ġisem tagħha lejn il-kunvent tal-Klarissi. Meta seħħ dan, skoprew li l-ġisem tagħha kien intatt; u baqa’ hekk sal-lum. Il-mirakli għadhom iseħħu b’mod kostanti sal-lum, b’mod speċjali minn min imur iżur il-qabar tagħha. Il-Papa Kallistus III ikkanonizzaha fl-1457.

Għalkemm il-ġilda tagħha hija skura, il-ġisem tal-qaddisa għadu flessibbli u l-organi interni f’kondizzjoni tajba. Fl-1921, il-qalb tneħħiet biex titqiegħed f’relikwatorju għal purċissjoni, u f’dak iż-żmien, instabet perfettament intatta.

Ħsieb: Rożalija għexet biss tmintax-il sena, salvat il-kawża tal-Knisja, u mietet qaddisa. Aħna ngħixu, forsi, ħafna itwal, iżda b’liema riżultat? F’kull minuta, aħna nistgħu nagħmlu xi ħaġa għall-imħabba t’Alla. Il-ħin huwa flus, u l-eku għal mod kif inkunu nqejna bih, sa jkun għall-eternità. Għandna naħluh u ma jkollna xejn x’nieħdu qligħ minnu għall-eternità?

Forsi hawn min jgħid li l-lista ta’ qaddisin Franġiskani tidher li għandha pjuttost ftit irġiel u nisa li ma għamlu xejn straordinarju. Rożalija hija waħda minnhom. Hija ma influwenzatx il-Papiet u r-Rejiet, ma mmultiplikatx il-ħobż għall-imġewwħin, u qatt ma stabbilixxiet l-ordni reliġjuża tal-ħolm tagħha. Imma hi ħolqot post fil-ħajja tagħha biex fih tilqa’ l-grazzja t’Alla, u bħal San Franġisk qabilha, rat il-mewt bħala l-bieb għal ħajja ġdida.

Minkejja s-sempliċità tagħha, Santa Rożalija (li kienet għadha adoloxxenti) sabet il-gazz spiritwali li xxandar il-verità lill-politiċi ta’ żmienha. Minħabba dan, hija sabet ruħha f’diversi problemi mal-awtoritajiet, iżda qalet, “Jiena nagħmel dak li Ġesù qalli.” Huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li tfajla tiġi eżiljata mill-belt ta’ art twelidha għax titkellem kontra l-uffiċjali politiċi, iżda dan kien eżattament dak li ġara lil Santa Rożalija. Ma kien hemm xejn f’Rożalija li kien jattira lejn l-attiviżmu politiku, iżda kienet żagħżugħa b’qalb mogħtija kompletament lil Kristu, u dan xi drabi jwassal lin-nies biex jagħmlu dak li mhux immaġinabbli.

Dan il-qaddisa għexet ħajjitha xxandar il-verità, kienu x’kienu l-konsegwenzi, u konsegwenzi kien hemm. Illum, l-4 ta’ Settembru, il-ġurnata tal-festa tagħha, ejjew nitolbu l-interċessjoni tagħha għal dawk kollha li b’xi mod ġew emarġinati minħabba l-impenn tagħhom għall-verità. Santa Rożalija ta’ Viterbo, itlob għalina!

Talba: Alla Missierna, għall-imħabba tiegħek Santa Rożalija tat kollox biex tiddedika ruħha għal ħajja ta’ penitenza. Bl-għajnuna tat-talb tagħha, agħtina li nkunu nistgħu nimitaw il-mod ta’ kif tat ħajjitha għalik u għall-ġid tal-proxxmu ħalli mbagħad immorru ngawdu l-milja tal-barka tiegħek flimkien magħha fis-sema. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2016/09/saint-rose-of-viterbo.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-rose-of-viterbo/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Rose_of_Viterbo

Design a site like this with WordPress.com
Get started