10 ta’ Lulju: Santa Veronika Giuliani

Verżjoni Vidjo: Santa Veronika Giuliani

“F’qalbi nħoss ix-xewqa li nxerred demmi u nagħti ħajti għall-konverżjoni tal-erwieħ.” ~ Santa Veronika Giuliani.

04-veronica-giuliani-mini03.jpg

SANTA VERONIKA GIULIANI
Reliġjuża
1660 – 1727

Tagħrif: Din il-qaddisa twieldet Mercatello, fil-provinċja ta’ Urbino, l-Italja, f’Diċembru 1660. Kienet l-iżgħar minn seba’ wlied, li tnejn minnhom mietu żgħar. Fil-Magħmudija semmewha Ursola. Missierha kien bniedem mimli bih innifsu u arroganti, waqt li ommha kienet mara ġentili u ta’ tjubija mhux komuni. Kienet hi li nisslet f’qalb uliedha – li erba’ minnhom daħlu sorijiet – imħabba kbira lejn il-virtù u d-drawwiet reliġjużi.

Minn kmieni Ursola, bdiet turi sinjali ta’ qdusija. Għadha ċkejkna u kienet ġa turi ħniena kbira lejn il-foqra billi terfa’ biċċa mill-porzjon tagħha għalihom u meta kienet tara xi tfal bi lbies imqattgħin, araha tagħtihom xi ħaġa minn ilbiesha. Sa minn ċkunitha kellha wkoll mħabba lejn is-Salib u l-Passjoni ta’ Ġesù li kompliet tikber maż-żmien.

Hi tistqarr li kienet tifraħ u tieħu pjaċir bil-ħajja aktar komda li l-familja tagħha kisbet meta missierha sar supretendent tal-finanzi ta’ Piacenza. Iżda dan ma bidlilhiex ħsiebha li ssir reliġjuża għad li missierha kemm-il darba pproponielha partijiet tajbin għaż-żwieġ. Bl-oppożizzjoni li sabet min-naħa ta’ missierha biex tidħol reliġjuża, Ursola mardet u ma fieqetx qabel ma missierha taha l-permess.

Hija daħlet mas-sorijiet klarissi kappuċċini f’Città di Castello fl-1677, qabel għalqet 17-il sena u, b’tifkira tal-passjoni, ħadet l-isem ta’ Veronika. Matul in-novizzjat tagħha kellha ħafna tiġrib spiritwali kif ukoll tentazzjonijiet biex tmur lura d-dar, imma hi kienet toqgħod għal kollox fuq il-kelma tas-superjura tagħha. Ipprofessat sena wara u ħasset xewqa kbira li tingħaqad ma’ Ġesù Msallab biex tbati għall-konverżjoni tal-midinbin.

Wara xi żmien rat lil Kristu mgħobbi bis-salib, u bdiet issofri uġigħ kbir f’qalbha. Ta’ 33 sena (1693), waqt viżjoni, rat kalċi kbir bħala simbolu tal-passjoni li kellha ssofri mill-ġdid. Hija għall-ewwel beżgħet taċċetta, iżda wara baxxiet rasha għar-rieda tas-sema u bdiet issofri tbatijiet spiritwali kbar ħafna. Hija bdiet iġġib f’ġisimha l-marki tal-passjoni, dawk li huma msejħin stigmati. Żmien wara hija rċeviet ukoll l-impressjoni tal-kuruna tax-xewk u d-dbabar kienu jidhru u permanenti.

Minkejja dawn is-sofferenzi spiritwali u fiżiċi kollha, fil-ħajja tagħha ta’ kuljum Swor Veronika ġabet ruħha bħala mara prattika. Għal 34 sena kienet majjistra tan-novizzi u lil dawn hija mexxiethom bi prudenza hekk kbira li, mhux biss ma kienet titkellem xejn magħhom fuq l-istati mistiċi tar-ruħ, iżda wkoll ma ħallithomx jaqraw kotba fuq dan is-suġġett.

Fl-1716, meta allura kellha 56 sena, ħatruha Madre Badessa (Superjura) u baqgħet hekk sakemm mietet ħdax-il sena wara. F’din il-kariga ta’ badessa hija wriet ruħha mudell ta’ perfezzjoni għal kulħadd. Ħabirket ħafna biex iġġib ’il quddiem lir-reliġjużi tagħha f’dik li hija osservanza tar-regola u l-qdusija. Deher ukoll kemm kienet bniedma prattika: mhux biss kabbret il-kunvent imma ħasbet ukoll li jkun aħjar fil-kumditajiet tal-ħajja, fost l-oħrajn daħħlet sistema tal-ilma għas-servizz tal-komunità.

Bix-xewqa tagħha li tkun tixbah f’kollox lil Ġesù, anki fis-sofferenzi morali tal-unur, Alla ppermetta li tkun miżmuma bħala ipokrita u skandlu tal-oħrajn, u anki li tkun magħluqa ġo ħabs għal 50 jum.

Fuq talba tal-konfessur tagħha, il-qaddisa kitbet il-famuż “Djarju tal-Passjoni” li fih niżżlet l-esperjenzi mistiċi li għaddiet minnhom. Dan id-djarju, li hu twil 22,000 paġna, jikxef l-imħabba kbira li hija kellha lejn il-persuna ta’ Ġesù u t-tbatijiet kbar li hija ġarrbet għall-imħabba tiegħu.

Santa Veronika Giuliani mietet fid-9 ta’ Lulju, 1727 fl-età ta’ 67 sena, li minnhom 50 sena għaddiethom bħala reliġjuża. Kienet iddikjarata qaddisa mill-Papa Girgor XVII fl-1839. Fl-arti hija rrappreżentata bil-kuruna tax-xewk fuq rasha u tħaddan is-salib.

Ħsieb: Mill-kitbiet ta’ Santa Veronika Giuliani bit-titlu ‘Il-konverżjoni tal-midinbin’:

F’din il-paġna meħuda mid-djarju tagħha, il-qaddisa tistqarr li għall-konverżjoni tal-midinbin kienet tinsab lesta li tagħti ħajjitha.

Il-lum erġajt ħassejt l-uġigħ f’idejja, f’saqajja u f’qalbi, u għaddejt lejl sħiħ mimli bl-uġigħ u t-turmenti. Ikun imfaħħar il-Mulej! Dalgħodu qerrejt u naħseb li l-qrara saħħitni għal aktar tbatija. Waqt it-tqarbin kelli l-grazzja li nħoss f’qiegħ qalbi l-preżenza ta’ Alla; ruħi ħasset xi ħaġa ġdida tinbet ġo fiha. Minn xi żmien ’il hawn qed inħoss f’qalbi ċerta qawwa ġejja mill-Ispirtu, iżda ma nafx ngħid x’inhi sew. Hawn sa nsemmi biss l-effetti li ħalliet fija.

L-ewwel ħaġa: l-għarfien ta’ dnubieti u l-indiema minnhom; ix-xewqa li nxerred demmi u nagħti ħajti għall-konverżjoni tal-erwieħ; tama qawwija fil-ħniena ta’ Alla u fit-tjieba tal-imqaddsa Verġni Marija.

It-tieni ħaġa: għalkemm inħoss ruħi waħdi nitħabat f’baħar ta’ tiġrib, dlonk inħoss fija qawwa misterjuża li ġġib fuqi l-kalma u dak il-ħin nimtela bi sliem liema bħalu li jġagħalni nafda b’saħħti kollha fir-rieda ta’ Alla.

It-tielet ħaġa: meta x-xitan jgħakkisni b’ħafna tiġrib ġewwieni, u fl-istess ħin, minħabba dmiri, ikun jeħtieġli ndur bl-oħrajn u naqdi bosta qadjiet ’l hawn u ’l hinn, dik il-qawwa misterjuża tgħinni neħles il-qadjiet li jkolli mingħajr biss ma nintebaħ. Fl-aħħar ninduna li dak li jkolli nagħmel nagħmlu mingħajr ma nkun naf kif. Dan jiġri l-aktar f’ħinijiet mill-aktar importanti, bħal meta nersaq għas-sagramenti, nagħmel il-meditazzjoni jew nibda xi taħdita spiritwali ma’ xi ħadd.

Jiġu waqtiet li fihom inħoss dwejjaq kbar u nibda nħossni fiergħa minn kull sentiment. Dak il-ħin nibda naħseb li m’iniex sa nibqa’ ħajja. Meta nkun f’dil-burdata nibda nħoss li anki meta nqerr inkun qed nitlef iż-żmien. Iżda hekk kif f’qalbi nħoss taħrika mqar ċkejkna ta’ dik il-qawwa misterjuża, nibda nħossni mibdula u mimlija bl-enerġija. Imbagħad kollox jibda jiġini ħafif, anki l-aktar ħwejjeg tqal. Kif inkun f’riġlejn il-konfessur nibda nħoss tikber fija l-kunfidenza ta’ bint; leħnu nibda nqisu leħen Alla dieħel f’ruħi. Nibda nħossni qisni qiegħda quddiem mera li fiha nara ’l Alla u lili nnifsi flimkien ma’ dak kollu li għamilt. U nqerr bi ndiema kbira.

Naħseb li dan ġej minn dik il-qawwa misterjuża li nħoss f’qalbi. Imma ma nafx u lanqas nista’ nfisser sewwa x’inhi, anki jekk fil-qrar imqaddes ħassejt li għandi ngħid kollox lil min qiegħed minflok Alla. Ħa jsir kollox għall-glorja ta’ Alla!

Għaliex Alla ta l-istigmata lil Franġisk ta’ Assisi u lil Veronika Giuliani? Alla biss jaf ir-raġunijiet l-iktar profondi, iżda kif josserva Celano, is-sinjali estern tas-salib huwa konferma tal-impenn ta’ dawn il-qaddisin lejn is-salib fil-ħajja tagħhom. L-istigmata li dehret fil-laħam ta’ Veronika kienet rabbiet l-għeruq fil-qalb tagħha ħafna snin qabel. Kienet konklużjoni xierqa għall-imħabba tagħha lejn Alla u għall-karità tagħha lejn ħutha l-bnedmin.

  • U int, lest/a li bħal Santa Veronika Giuliani dak li ssofri toffrih bi mħabba lejn Ġesù Msallab u f’għaqda miegħU, għall-konverżjoni tal-midinbin?

Talba: O Mulej, Santa Veronika Giuliani għaddiet ħajjitha ta’ Klarissa fit-talb u l-kontemplazzjoni, waqt li tħabtet kemm felħet biex dejjem issir tixbah lil Ġesù msallab. Bi ħlas għal din l-imħabba tagħha lejn il-misteru tas-salib, Inti għoġbok tagħtiha d-don tal-Pjagi mqaddsa; agħti lilna lkoll l-għarfien li meta ngħaqqdu s-sofferenzi tagħna ta’ kuljum ma’ dawk li batejt Int għalina, aħna nkunu qed inkomplu l-ħidma ta’ salvazzjoni għall-erwieħ fid-dinja. Għalhekk agħmel li nagħmlu dan bi mħabba ġeneruża u b’ħafna paċenzja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-veronica-giuliani_17.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-veronica-giuliani/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Veronica_Giuliani

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Parti mill-Ħsieb huwa tagħrif miġbur minn Patri Edmund Teuma OFMConv.

4 ta’ Frar: Santa Katerina Ricci

Verżjoni Vidjo: Santa Katerina Ricci

“Irridu nemmnu b’fidi soda li Alla li jista’ kollox, iħobbna aktar milli nħobbu lilna nfusna, u jieħu ħsiebna aktar milli nistgħu nieħdu ħsieb tagħna nfusna.” – Santa Katerina Ricci

bec8fa2e836714a387478feae475fc87SANTA KATERINA DE RICCI
Verġni
1522 – 1589

Tagħrif: Santa Katerina De Ricci kienet soru Dumnikana. Hi magħrufa fuq kollox għall-ħajja mirakoluża u mistika tagħha. Alessandra Lucrezja Romola – isimha qabel ma saret soru – kienet tħobb titlob weħidha sa minn tfulitha. Riedet issir soru, u daħlet mas-sorijiet Dumnikani ta’ San Vincenzo di Prato, bil-kunsens ta’ missierha, fl-1535, ta’ tlettax-il sena.

Fil-bidu tal-ħajja reliġjuża tagħha kellha ssofri ħafna għax ma kinitx mifhuma minħabba l-grazzji straordinarji li kellha, iżda l-umiltà u l-qdusija tagħha sa fl-aħħar ħarġu rebbieħa.

Wara dan ġiet magħżula għal bosta uffiċċji importanti, hekk li sal-aħħar ta’ ħajjitha kienet superjura jew viċi-superjura. Il-passjoni ta’ Kristu kienet is-suġġett tal-meditazzjonijiet tagħha, u minn Ġesù kellha d-don li tieħu sehem fid-duluri tiegħu bl-impressjoni tal-istigmati.

Ma’ dan il-fenomenu żdied aktar tard ieħor: għal bosta snin, ta’ kull ġimgħa, minn nofsinhar tal-Ħamis sal-erbgħa ta’ wara nofsinhar tal-Ġimgħa, il-qaddisa kienet iġġedded f’ġisimha d-duluri u l-ġrajjiet prinċipali tal-passjoni ta’ Ġesù. Dawn l-estasijiet tagħha ġew ikkontrollati u awtentikati bir-reqqa l-aktar skrupluża, u ma damux ma bdew jiġbru ħafna devoti mill-inħawi ta’ Prato.

Din il-ġrajja hekk tal-għaġeb saret l-ewwel darba fi Frar tal-1542, meta l-qaddisa għalqet l-għoxrin sena, u baqgħet sejra minn ġimgħa għal ġimgħa, bla qatt ma taqta’, għal tnax-il sena, meta spiċċat għat-talb tagħha nnifisha u tas-sorijiet sħabha, għax il-fama tagħhom kienet qiegħda tiġbed lejn il-kunvent bosta nies ta’ kull kategorija, hekk li l-paċi u l-osservanza regulari tal-komunità kienu qegħdin isofru.

Qalb dawk li marru jżuruha kien hemm bosta prelati għoljin tal-Knisja, isqfijiet u kardinali, fost oħrajn il-Kardinali Cervini, Alessandro dei Medici u Aldobrandini, it-tlieta telgħu fuq it-tron tas-suċċessuri ta’ San Pietru bl-isem ta’ Marċellu II, Klement VIII u Ljun XI. Kienet ukoll iżżomm korrispondenza epistolari mal-Papa San Piju V, u ma’ San Filippu Neri.

Wara marda twila għaddiet minn din id-dinja għall-oħra fil-festa tal-purifikazzjoni tal-Madonna tal-1589, ta’ sebgħa u sittin sena. It-talb, il-meditazzjoni u l-kontemplazzjoni kienu l-mezzi li bihom għamlet progressi hekk kbar.

Ħsieb: Santa Katerina Ricci saret famuża għat-tagħlim sod tagħha, li ħafna minnu hija kkomunikatu b’ittri lis-sorijiet, lill-qassisin u lil-lajċi. Din li ġejja hija kitba dwar “Il-Perfezzjoni Nisranija fil-qosor” lil waħda mis-sorijiet żgħażagħ:

“1. Inżommu lil Alla fl-ewwel post: Għandna ninsistu magħna nfusna biex niddistakkaw qalbna u r-rieda tagħna mill-imħabbiet kollha ta’ din id-dinja, ħlief mill-imħabba ta’ Alla. M’għandniex inħobbu l-ebda ħaġa li tintemm. Fuq kollox, m’għandniex inħobbu lil Alla b’mod egoistiku biex nakkwistaw xi ħaġa għalina nfusna mingħandu, imma bi mħabba safja daqs it-tjubija tiegħu stess.

2. Kulma nagħmlu, nagħmluh għall-unur ta’ Alla: Irridu nidderieġu l-ħsibijiet, il-kliem u l-azzjonijiet kollha tagħna għall-unur tiegħu. U bit-talb, bl-istruzzjonijiet u bl-eżempju t-tajjeb infittxu l-glorja tiegħu biss, kemm jekk dawn nagħmluhom għalina nfusna, kemm wkoll jekk għal ħaddieħor, sabiex permezz tal-azzjonijiet tagħna kollha aħna nkunu nistgħu nħobbu u nunuraw lil Alla. Din it-tieni ħaġa togħġbu aktar minn tal-ewwel, għax hi tassew skont ir-rieda tiegħu.

3. Nixxenqu biss għar-rieda ta’ Alla li hi għall-aħjar tagħna: Għandna nimmiraw dejjem iżjed biex nagħmlu r-rieda divina: billi ma nixtiequ li jiġri xejn aktar, ħażin jew saħansitra tajjeb, f’din il-ħajja ta’ ħażen, biex b’hekk inżommu lilna nfusna dejjem għad-dispożizzjoni ta’ Alla, b’qalbna u b’ruħna fil-paċi. Imma irridu wkoll nemmnu b’fidi soda li Alla li jista’ kollox, iħobbna aktar milli nħobbu lilna nfusna, u jieħu ħsiebna aktar milli nistgħu nieħdu ħsieb tagħna nfusna.”

  • U int għaraft li Alla hu Missier ħanin li jagħder, jaħfer u jifhem iċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna u lest li jgħinna u jerfa’ t-toqol tagħna?
  • Temmen li Hu dejjem magħna u jekk nafdawH, Hu jieħu ħsieb ta’ dawk il-problemi li f’ħajjitna jidhru kbar u bla soluzzjoni?
  • Tifhem li mingħajrU ma nistgħu nagħmlu xejn, Hu li tana kulma għandna b’rigal?

Kompli afdaH bis-serjetà u bi mħabba filjali u Hu stess jurik maż-żmien x’kien l-aħjar li jippermetti f’ħajtek għall-ġid tiegħek u b’mod speċjali għall-ġid ta’ ruħek li hi l-aktar ħaġa prezzjuża għaliH għax hi l-vera int u dik li ser tibqa’ għal dejjem.

Talba: O Alla li tista’ kollox, int wassalt lil oħtna Santa Katerina Ricci għall-qdusija permezz tal-kontemplazzjoni tal-passjoni ta’ Ibnek, filwaqt li niftakru fil-mewt u l-qawmien ta’ Ibnek, għinna biex insiru predikaturi kuraġġużi u għalliema dedikati ta’ dawn il-misteri. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-catherine-de-ricci-146

Alternative Reading: https://www.loyolapress.com/our-catholic-faith/saints/saints-stories-for-all-ages/saint-catherine-dei-ricci

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Catherine_of_Ricci

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started