7 ta’ Lulju: Beati Roger Dickenson u Ralph Milner

Verżjoni Vidjo: Beati Roger Dickenson u Ralph Milner

“Jiġifieri inti tagħtini l-parir li għall-affarijiet li jgħaddu ta’ dil-ħajja tridni nitlef ’l Alla tiegħi? Le, Sire, ma naċċettax.” – Il-Beatu Ralph Milner lill-imħallef li rrakkomandalu li jkun biżżejjed għalih li jmur jagħmel viżta fi knisja parrokkjali protestanta u li jekk jagħmel dan, ikun meħlus mill-kundanna tiegħu.

5653346143_059a5d603b_bBEATI ROGER DICKENSON U RALPH MILNER
Martri
† 1591

Tagħrif: Fis-7 ta’ Lulju, 1591 ġew mgħallqin f’Winchester Roger Dickenson talli kien qassis u Ralph Milner talli kien jgħinu.

Milner kien jaħdem fir-raba’ u kien imtella’ bħala protestant. Beda jqabbel il-ħajja tal-ġirien kattoliċi u protestanti, u, b’sorpriża ta’ sħabu l-protestanti, beda jmur jitgħallem il-fidi kattolika u talab li jidħol fil-knisja tagħna.

Imma ftit wara, dakinhar stess li tqarben għall-ewwel darba, kien mitfugħ il-ħabs talli bidel ir-reliġjon. Hawnhekk inżamm għal diversi snin, imma l-priġunerija tiegħu ma kinitx stretta ħafna, u kemm-il darba seta’ joħroġ on parole, u f’dawn il-waqtiet kien jiġbor għajnuniet materjali u spiritwali għal sħabu priġunieri, u billi kien jaf sewwa l-pajjiż, kien anke jiffaċilita ċ-ċaqliq u l-ħidma tas-saċerdoti missjunarji li kienu jintbagħtu l-Ingilterra bil-moħbi.

B’dan il-mod sar jaf lill-ġiżwita Fr. Stanney u, permezz ta’ Fr. Stanney, li l-qassis djoċesan magħruf bħala Mr. Roger Dickenson ġie jgħix f’Winchester. Roger Dickenson kien minn Lincoln, studja f’Rheims, u għal ħafna snin ħadem fid-distrett ta’ Winchester, megħjun minn Milner.

L-ewwel darba li arrestaw lil Roger Dickenson, il-gwardji tiegħu tant sikru li hu rnexxielu jaħrab. Imma meta nqabad it-tieni darba, Milner kien miegħu, u t-tnejn tressqu għall-ġuri, Dickenson għax kien qassis, u Milner għax kien jgħinu.

Waqt il-ġuri, l-imħallef billi bħal speċi ta’ ħenn għal Ralph Milner għax kien xwejjaħ, kif ukoll għax kellu mara u tmien ulied, irrakkomandalu li jkun biżżejjed għalih li jmur jagħmel viżta fi knisja parrokkjali protestanta u jkun meħlus. Imma Milner wieġbu: “Jiġifieri inti tagħtini l-parir li għall-affarijiet li jgħaddu ta’ dil-ħajja tridni nitlef ’l Alla tiegħi? Le, Sire, ma naċċettax.” Iż-żewġt irġiel ġew maqtulin flimkien.

Diversi nisa kienu wkoll ikkundannati għall-mewt talli ħallew lill-Beatu Roger jiċċelebra l-quddiesa f’darhom, iżda s-sentenza tagħhom ġiet mibdula f’daqqa. Huma mbagħad talbu li jitħallew imutu mal-qassis, iżda ġew meħuda lura fil-ħabs.

Iż-żewġ martri Roger Dickenson u Ralph Milner ġew iddikjarati beati mill-Papa Piju XI fl-1929.

Ħsieb: Fl-introduzzjoni tad-Digriet dwar l-Ekumeniżmu “Unitatis Redintegratio” (21 ta’ Novembru, 1964) insibu dan li ġej:

“Wieħed mill-iskopijiet ewlenin tal-Konċilju Mqaddes Vatikan it-Tieni huwa dak illi terġa’ tkun stabbilita l-għaqda fost l-insara kollha. Għaliex Kristu l-Mulej waqqaf Knisja waħda u unika; iżda ħafna komunitajiet insara jippreżentaw irwieħhom quddiem il-bnedmin bħala werrieta tassew ta’ Ġesù Kristu; kollha jistqarru li huma dixxipli tal-Mulej iżda bejniethom ma jaqblux u jgħaddu minn mogħdijiet differenti bħallikieku Kristu nnifsu kien mifrud[1] .Żgur li din il-firda tmur ċar u tond kontra r-rieda ta’ Kristu, hija ta’ skandlu għad-dinja u tagħmel ħsara lill-kawża l-aktar qaddisa li l-Evanġelju jixxandar lill-ħolqien kollu.

Tabilħaqq is-Sid taż-żmien, li b’għerf u b’sabar ikompli jtemm il-pjan tal-grazzja tiegħu għalina midinbin, dan l-aħħar beda jnissel b’kotra akbar fl-insara mifrudin bejniethom is-sobgħa għal din il-qagħda u x-xewqa għall-għaqda. Għadd kbir ta’ bnedmin f’kull imkien tad-dinja ntlaqtu minn din il-grazzja u fost l-aħwa mifrudin minna ngħata bidu wkoll, bl-għajnuna tal-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, għal Moviment, li kuljum qed jikber, biex terġa’ sseħħ l-għaqda ta’ l-insara kollha. F’dan il-Moviment għall-għaqda, li jissejjaħ ekumeniku, jieħdu sehem dawk li jsejħu lil Alla wieħed fi tliet Persuni u jistqarru li Ġesù huwa l-Mulej u s-Salvatur; f’dan il-Moviment jipparteċipaw mhux biss individwi għal rashom iżda wkoll persuni organizzati fi gruppi li fihom huma semgħu l-Evanġelju u li kull wieħed minnhom iqis bħala l-Knisja tiegħu u ta’ Alla. B’danakollu kważi kulħadd, min b’mod u min b’ieħor, jixtieq li jkun hemm knisja ta’ Alla waħda u viżibbli, li tkun tassew universali u li tkun mibgħuta lid-dinja kollha biex id-dinja tikkonverti għall-Evanġelju u ssalva għall-glorja ta’ Alla.

Għalhekk dan il-Konċilju Mqaddes iqis bil-ferħ dan kollu u, wara li diġà iddikjara d-dottrina dwar il-Knisja, imqanqal mix-xewqa li jerġa’ jġib l-għaqda fost id-dixxipli kollha ta’ Kristu, irid jipproponi lill-kattoliċi kollha l-mezzi, il-metodi u l-modi li bihom huma jistgħu jwieġbu għal din is-sejħa u l-grazzja divina.”

Aktar tard fl-istess Dokument, insibu dan:

F’din il-Knisja waħda u unika ta’ Alla, sa mil-bidu tagħha, qamu xi firdiet li l-Appostlu jiddeplora bil-qawwa u jgħid li hu ta’ min jikkundannahom; iżda fis-sekli li ġew wara qamu tilwimiet akbar u xi komunitajiet mhux żgħar infirdu mill-komunjoni sħiħa tal-Knisja kattolika, xi drabi mhux mingħajr ħtija ta’ xi bnedmin minn naħa u minn oħra. Iżda dawk li qegħdin jitwieldu issa f’dawn il-komunitajiet u li jimtlew fihom bil-fidi fi Kristu ma jistgħux ikunu mixlija bid-dnub tal-firda u l-Knisja kattolika tħaddanhom b’qima u bi mħabba tal-aħwa.

Illum, f’ħafna nħawi tad-dinja bl-ispirazzjoni tal-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, qegħdin jittieħdu ħafna inizjattivi, bit-talb, bil-kelma u bil-ħidma, biex tintlaħaq dik il-milja tal-unità li Ġesù Kristu jrid. Għalhekk dan is-Sinodu Mqaddes iħeġġeġ lill-fidili kattoliċi kollha sabiex, fil-waqt li jagħrfu s-sinjali taż-żminijiet, jieħdu sehem bil-ħerqa fil-ħidma ekumenika.

B’moviment ekumeniku nifhmu dawk l-attivitajiet u dawk l-inizjattivi li, skont il-ħtiġiet differenti tal-knisja u l-opportunitajiet taż-żmien, jitqanqlu u huma maħsuba biex iġibu ‘l quddiem l-għaqda tal-insara bħalma huma:

  1. l-ewwel, l-isforzi kollha biex ikunu evitati dawk il-kliem, ġudizzji u għemejjel li ma jirriflettux skont il-ħaqq u s-sewwa l-qagħda tal-aħwa mifrudin u għalhekk jagħmlu iżjed diffiċli r-relazzjonijiet reċiproki.
  2. Imbagħad jiġi d-“djalogu” bejn esperti mħarrġin sewwa, f’laqgħat tal-insara minn diversi Knejjes jew Komunitajiet, li jsiru bi spirtu reliġjuż. F’dan id-djalogu kull wieħed minnhom ifisser iżjed fil-fond it-tagħlim tal-komunità tiegħu u jippreżenta b’mod ċar il-karatteristiċi tagħha. Għaliex b’dan id-djalogu kulħadd jista’ jikseb tagħrif aktar eżatt tat-tagħlim u tal-ħajja reliġjuża ta’ kull waħda mill-komunitajiet u jibda japprezzahom iżjed.
  3. Barra minn hekk dawn il-komunitajiet jaslu għal kollaborazzjoni akbar fil-qadi ta’ dawk id-dmirijiet kollha li titlob kull kuxjenza nisranija għall-ġid komuni; fejn dan huwa permess, huma jinġabru flimkien fit-talb.
  4. Fl-aħħarnett f’dan il-moviment ekumeniku kulħadd jitwassal biex jeżamina ruħu fuq il-fedeltà tiegħu lejn ir-rieda ta’ Kristu dwar il-Knisja u, fejn jenħtieġ, jidħol bl-enerġija kollha għall-ħidma ta’ tiġdid u ta’ riforma.

Din ix-xewqa qaddisa li l-insara kollha jingħaqdu fi Knisja waħda u unika ta’ Kristu jisbqu l-forzi u l-ħila tal-bnedmin. Għalhekk, ejjew inqiegħdu t-tama kollha fit-talb ta’ Kristu għall-Knisja, fl-imħabba tal-Missier għalina, fil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. “U din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna.” (Rumani 5:5)

  • U int kemm timpenja ruħek f’talb għall-għaqda fost l-Insara?

Talba: Beati Roger Dickenson u Ralph Milner, intom immaturajtu u kbirtu fil-fidi Kattolika; itolbu għaż-żgħażagħ insara kollha, ħalli jżommu l-fidi li jkunu rċevew fit-tfulija tagħhom u jservu lill-Mulej fil-ħajja adulta. Għalkemm intom sofrejtu ħafna, saħansitra l-martirju, bqajtu paċenzjużi, imqawwija mill-grazzja ta’ Alla sal-aħħar; itolbu għalina biex fi żminijietna nkomplu nirsistu għall-għaqda fost l-Insara kollha biex il-poplu ta’ Alla jkun ħaġa waħda fi Kristu u sseħħ l-għaqda tal-knejjes kollha taħt Ragħaj wieħed. Ammen.

English Version: https://catholicexchange.com/blessed-ralph-milner-and-roger-dickenson

Alternative Reading: http://www.divine-redeemer-sisters.org/saint-of-the-day/july/7-blessed-ralph-milner-and-roger-dickenson-martyrs

Wikipedia about Ralph Milner: https://en.wikipedia.org/wiki/Ralph_Milner

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

10 ta’ Marzu: San Ġwann Ogilvie

Verżjoni Vidjo: San Ġwann Ogilvie

“Nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni”. ~ Ġesù fi Ġwanni 17:21

ogilviesalamanca.jpgSAN ĠWANN OGILVIE
Ġiżwita u Martri
1579 – 1615

Tagħrif: Dan il-qaddis kien bin il-baruni ta’ Drum-na-Keith fl-Iskozja; kien imrobbi bħala kalvinista. Kien mibgħut jistudja fi Franza, u hawn, bħala student beda jinteressa ruħu fuq il-kontroversji reliġjużi li kienu jifirdu ’l qrabatu.

Ġie milqugħ fil-Knisja Kattolika fil-Kulleġġ Skoċċiż f’Louvain (1596) meta kellu sbatax-il sena. Mar imbagħad jistudja f’Regensburg u ngħaqad mal-Ġiżwiti fi Brno tliet snin wara, fl-1599.

Għal għaxar snin John Ogilvie ħadem fl-Awstrija, l-aktar fi Graz u fi Vjenna. Imbagħad kien assenjat lill-provinċja Franċiża, u kien ordnat saċerdot f’Pariġi fl-1610. Minn dak iż-żmien xtaq u talab li jintbagħat lura jaħdem f’pajjiżu fl-Iskozja. Xewqtu ġiet maqtugħa fl-1613.

Minħabba l-liġijiet kontra s-saċerdoti nsara, hu vvjaġġa bl-isem ta’ John Watson, bħala negozjant taż-żwiemel jew bħala suldat. Hu sab li ħafna nobbli Skoċċiżi aċċettaw ir-reliġjon protestanta, almenu minn barra, u ma kinux lesti jgħinu saċerdot ipprojbit.

Billi f’pajjiżu ma tantx irnexxa, John Ogilvie mar Londra biex jikkuntattja wieħed mill-ministri tar-re u mbagħad mar Pariġi għall-konsultazzjoni, imma qalulu biex jirritorna lura fl-Iskozja, kif fil-fatt għamel.

F’Edinburgh hu qagħad għand wieħed avukat u għamilha ta’ għalliem għal ibnu, jamministra s-sagramenti lil ġemgħa ta’ kattoliċi, jipprietka u jżur il-ħabsijiet. Iżda wara ħdax-il xahar ġie mikxuf u arrestat fi Glasgow.

Għadda ħames xhur fil-ħabs fejn kien maħqur billi ma jagħtuhx jiekol u ma jħalluhx jorqod, qatgħulu xagħru u waddbuh kemm -il darba fl-art. Darba nżamm imqajjem għal tmint ijiem sħaħ f’attentat biex jikxef ismijiet ta’ Kattoliċi oħra. Mill-ħabs irnexxielu joħroġ b’kuntrabandu.

San Ġwann Ogilvie ġie kkundannat għal tradiment high treason imma offrewlu li jiġi meħlus u ħafna benefiċċji għoljin kieku kellu jiċħad ir-reliġjon tiegħu. Billi ma aċċettax, hu kien mgħallaq fi Glasgow minħabba d-difiża tiegħu tas-supremazija tal-Papa, fl-10 ta’ Marzu, 1615 meta kellu 36 sena. Iddikjarah qaddis Pawlu VI fl-1976.

Ħsieb: Ġwanni għex fi żmien meta la l-Kattoliċi u lanqas il-Protestanti ma kienu lesti li jittolleraw lil xulxin. Meta fittex fl-Iskrittura, sab kliem li kabbrulu l-viżjoni tiegħu. Għalkemm sar Kattoliku u miet għall-fidi tiegħu, huwa fehem xi jfisser il-kliem “kattoliku żgħir”, il-firxa wiesgħa ta’ dawk li jemmnu li jħaddnu l-Kristjaneżmu. Anke issa, huwa bla dubju ta’ xejn, jifraħ fl-ispirtu ekumeniku mrawwem mill-Konċilju Vatikan II u jingħaqad magħna fit-talb tagħna għall-għaqda ma’ dawk kollha li jemmnu.

Il-Mulej Ġesù jrid li aħna l-Insara – kemm jekk Kattoliċi bħalna, kemm jekk Ortodossi, jew Anglikani, jew Luterani – nagħmlu minn kollox biex nersqu aktar lejn xulxin, u biex flimkien nagħtu xhieda tal-Aħbar it-Tajba li ġabilna Kristu bit-tagħlim u l-mirakli tiegħu, kif ukoll bil-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu.

Ħafna huma l-Insara li jinġabru flimkien sabiex jitolbu għall-għaqda. Ġesù  stess, lejlet il-Passjoni tiegħu, talab bil-ħerqa lill-Missier: “Nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni” (Ġwanni 17:21)

Kull sena, bejn it-18 ta’ Jannar u l-25 ta’ Jannar, Festa tal-Konverżjoni tal-Appostlu tal-Ġnus, San Pawl, issir din il-ġimgħa ta’ talb intensiv mill-insara biex jingħelbu l-firdiet bejn il-Knejjes u d-denominazzjonijiet insara differenti. Sfortunatament, tul il-medda tas-sekli, il-Knisja għaddiet minn bosta firdiet, fosthom il-firda tal-Ortodossi fis-Seklu Ħdax, u aktar tard, il-firda tal-Protestanti, fis-Seklu Sittax.

Jeħtieġ li ngħixu bl-impenn il-fidi tagħna hekk li ngħadduha lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Jekk aħna ma ngħixux il-fidi tagħna, din tmut u l-ġenerazzjonijiet futuri ma jkollhomx iċ-ċans li bħalna jduqu t-tjubija u l-kobor tal-imħabba ta’ Alla għalina f’Ibnu Ġesù. L-impenn tagħna ma jridx jieqaf meta tintemm il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara, imma jrid ikun iżjed minn hekk. Irridu nkomplu nitolbu u fuq kollox rridu nikbru fl-imħabba għal xulxin. L-għaqda li Ġesù jrid fil-Knisja tiegħu u li aħna tant nixtiequ, tinbena fuq l-imħabba. L-għaqda sseħħ jekk aħna ma niqfux fuq id-differenzi ta’ bejnietna imma nfittxu li negħlbu d-differenzi tagħna bl-imħabba.

Talba: O Mulej, San Ġwann Ogilvie għadda minn persekuzzjonijiet, tiġrib u fl-aħħar ħa l-martirju għall-fidi tiegħu. Agħtina l-istess spirtu ta’ konvinzjoni u ħeġġa, biex bl-imħabba għalik, nibqgħu nikbru fil-fidi tagħna u nkomplu nwassluha lill-oħrajn. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-john-ogilvie.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-john-ogilvie/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_Ogilvie_(saint)

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

24 ta’ Jannar: San Franġisk de Sales

Verżjoni Vidjo: San Franġisk de Sales

“Kull ħsieb li jinkwetak, hu fuqiex inhu, mhux ġej minn Alla, għax Alla tagħna huwa Alla tal-paċi. U għalhekk ħsibijiet bħal dawn m’għandekx iżżommhom għax żgur jagħmlulek ħsara.” – San Franġisk de Sales

francis-de-sales-670x892SAN FRANĠISK DE SALES
Isqof u Duttur tal-Knisja
1567 – 1622

Tagħrif: San Franġisk, l-ikbar fost sitt ulied ta’ familja nobbli, twieled fil-21 t’Awissu 1567, f’Chateau de Sales, ħdejn Ġinevra, l-Isvizzera. Kien l-għożża speċjali ta’ ommu, li kienet tħobb taqralu l-ħajjiet tal-qaddisin li jġibu ismu: San Franġisk t’Assisi u San Franġisk minn Paola, u t-tfajjel, imħeġġeġ mill-eżempju tagħhom darba qalilha: “Mà, ġa hemm żewġ San Franġiskijiet: bija jridu jkunu tlieta.”

Kellu karattru ġentili għall-aħħar anki fil-kuntrarju, xhieda tal-profondità tal-ħajja reliġjuża tiegħu; imma fl-istess ħin kellu wkoll karattru sod. Bħala l-iben il-kbir, hu kien iddestinat biex ikun il-glorja tal-familja nobbli tiegħu, billi jkollu karriera brillanti fid-dinja u post fis-senat tas-Savoia. Imma Franġisk għażel is-saċerdozju minkejja l-insistenza ta’ missieru biex jitħarreġ fil-liġi u jaqbad karriera sekolari.

Ta’ 15-il sena kien mibgħut ikompli l-istudji tiegħu f’Pariġi (1582), imma rrifjuta li jattendi l-Kulleġġ ta’ Navarre kif riedu missieru, għax beża’ li hemm seta’ jsib tfixkil għalih; minflok għażel il-kulleġġ tal-Ġiżwiti fi Clermont. Hawn ġie f’kuntatt mar-rikkezzi tal-umaneżmu ta’ wara l-Konċilju ta’ Trentu li kien jiġbor fih it-tagħlim klassiku tar-Rinaxximent għas-servizz tal-moħħ u l-ispirtu Kristjan.

Għadda minn żmien ta’ skrupli u kien ukoll jiddubita mis-salvazzjoni ta’ ruħu. Imma jum minnhom, waqt li kien qed jitlob b’ħerqa kbira quddiem xbieha tal-Madonna biex teħilsu minn dawk id-dubji li kienu qed imarrduh, ħassu mfejjaq għal kollox u fl-istess ħin għamel vot privat ta’ kastità. Din l-esperjenza għenitu ħafna ’l quddiem fid-direzzjoni ta’ nies skruplużi.

Intefa’ b’ruħu u b’ġismu għat-tiġdid kattoliku f’art twelidu, u rnexxielu jġib mill-ġdid fi ħdan il-Knisja mas-70,000 li kienu ħallewha. Dan għamlu bil-prietki, id-djalogi, u billi kien jikteb leaflets, iqabbad xi nies biex jikkupjawhom u wara jqassmuhom bl-idejn lill-familji fid-djar.

Fl-1602, sar Isqof ta’ Ġinevra, meta kellu 35 sena. Kien kontinwament jivjaġġa u jipprietka, u bil-mod ta’ ħajja li kien jgħix, bla ebda vanitajiet jew storbju fi lbiesu jew imġibtu, ġibed għal ħajja aktar reliġjuża d-djoċesi kollha tiegħu. B’mod speċjali ddedika ruħu għas-sagrament tal-qrar, u bid-direzzjoni tiegħu kien jgħin lin-nobbli u l-bdiewa li kienu jfittxuh għall-maħfra u għall-pariri.

Fl-1610, flimkien ma Santa Ġovanna Franġiska ta’ Chantal, waqqaf il-Komunità tas-Sorijiet tal-Viżitazzjoni. Kien ħabib kbir ta’ San Vinċenz de Paul, l-appostlu tal-karità, u bħalu kien bniedem ta’ qalb tajba u umli. Kien spiss juża dak il-proverbju: “Iktar taqbad dubbien b’qatra għasel, milli b’barmil ħall.”

Minkejja l-ħafna xogħol pastorali, sab ħin biex jikteb diversi kotba. Il-kapolavur tiegħu huwa l-ktieb ‘Daħla għall-Ħajja Devota’ li tiegħu ġa ħarġu aktar minn 400 edizzjoni tiegħu. Warajh jiġi l-ktieb ‘Trattat fuq l-Imħabba ta’ Alla’ li dam jiktbu għaxar snin. Għandu wkoll mal-1,000 ittra u l-ktieb Konferenzi, taħdidiet li kien jagħti lis-Sorijiet tal-Viżitazzjoni. Diversi kongregazzjonijiet reliġjużi twaqqfu taħt il-patroċinju tiegħu fosthom is-Salesjani ta’ San Ġwann Bosco. Il-Papa Ġwanni XXIII kien iżomm lil S. Franġisk de Sales bħala mudell tul ħajtu kollha.

Miet ta’ 55, wara attakk ta’ puplesija, f’Lyons, fit-28 ta’ Diċembru 1622 waqt li kien qed jivvjaġġa lura wara laqgħa li kellu mar-Re Lwiġi XIII f’Avignon fejn iddiskuta miegħu dwar ċerti privileġġi għall-parti Franċiża tad-djoċesi tiegħu. Ġismu ġie midfun f’Annecy fl-24 ta’ Jannar, 1623.

Il-beatifikazzjoni tiegħu fi żmien sena kienet l-ewwel beatifikazzjoni li saret f’San Pietro. Iddikjarah qaddis Alessandru VII fl-1665, u dikjarat duttur tal-Knisja fl-1877. Il-Papa Piju XI iddikjarah Patrun tal-Ġurnalisti, tal-Kittieba u tal-Istampa Kattolika. F’Malta, id-Direzzjoni ta'”Il-Leħen” kull sena tieħu inizjattiva biex f’dan il-jum l-Arċisqof iqaddes għal dawk kollha li għandhom sehem fil-qasam tal-istampa u x-xandir.

Ħsieb: Dan li ġej huwa diskors ta’ Fr Charles Tabone O.P., delegat tal-Arċisqof għall-Mezzi tal-Komunikazzjoni Soċjali, f’omelija tiegħu fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Franġisk de Sales:

“Għaliex San Franġisk de Sales hu l-patrun tal-ġurnalisti? Għax daħal għal avventura straordinarja għal dak iż-żmien. Bħala saċerdot, b’inizjattiva proprja, mar l-Isvizzera fejn fi żmien ir-Riforma Protestanta kienet territorju kalvinista u jikkalkulaw li madwar 60,000 ruħ daru għall-kalviniżmu. Jiġifieri dawn kienu Kattoliċi u saru protestanti. U San Franġisk de Sales ħa b’impenn personali li jmur jipprietka ħalli lil dawn ir-riformisti jġibhom lura lejn il-fidi Kattolika.

Għamel tliet snin jipprietka. Kien persistenti u kien imur iħabbat bieb, bieb, biex iressaqhom lura lejn il-fidi Kattolika. Għamel tliet snin li matulhom kulħadd kien isabbatlu l-bieb ma’ wiċċu sakemm ġietu l-idea li l-prietki tiegħu jiktibhom, jikkupjahom b’idu u jitfagħhom taħt il-bibien ta’ dawk in-nies. Għalhekk hu l-protettur tal-ġurnalisti, għax uża mezz, il-kitba, biex jasal fejn jixtieq. Qablu għamilha San Pawl u l-appostli li kitbu ittri. San Pawl kien jikteb ittri ċirkolari li oriġinarjament kienu indirizzati lil xi knisja partikolari iżda tant kien ikollhom tagħlim sabiħ li kienu jduru minn knisja għal oħra. U kulħadd kien jieħu t-tagħlim li kien ixandar San Pawl.

San Franġisk de Sales għamel l-istess u r-riżultat kien li f’qasir żmien, wara dawk it-tliet snin iħabbat il-bibien, ikkonvertew 40,000 ruħ. X’kien l-iskop ta’ San Franġisk de Sales li juża dan il-mezz biex jasal għand dawn in-nies? Ried jerġa’ iġibhom fi ħdan il-Knisja Kattolika. Kien juri lill-bnedmin il-ħlewwa tal-imħabba ta’ Alla. Jiġifieri l-iskop tiegħu kien li jagħmel il-ġid lill-bniedem. Ikun għajb għall-ġurnaliżmu jekk ma jkollux l-iskop li jagħmel il-ġid lill-bniedem.

Dak il-ġurnaliżmu li b’xi mod jagħmel ħsara lill-bniedem hu aljenat u aljenanti. Aljenat ifisser li tilef l-iskop oriġinali tiegħu. Jien nikkomunika mhux sempliċiment biex int ikollok informazzjoni u taqta’ l-kurżità bħalma qed jiġri daż-żmien bil-facebook. Il-komunikazzjoni trid twassal għal relazzjoni li permezz tagħha nagħmlu l-ġid lil xulxin.

Il-komunikazzjoni u r-relazzjoni huma magħquda b’mod inseparabbli. Ma tistax tifridhom. Għalhekk dik il-komunikazzjoni li ma twassalx biex tibni relazzjoni, biex tgħaqqad, titlef l-iskop tagħha. Komunikazzjoni li tifred, li flok paċi u mħabba tiżra’ l-mibgħeda u l-gwerra, hi aljenata. U jekk dan it-tip ta’ ġurnaliżmu jippropaga l-firda u l-mibgħeda hu wkoll aljenanti għax iqiegħed lil ħaddieħor fl-aljenazzjoni.

Min fejn ġej li l-komunikazzjoni trid twassal għar-relazzjoni fejn aħna nagħmlu l-ġid lil xulxin? Ġej minn Alla nnifsu. Għalhekk il-ġurnalist Kattoliku bilfors irid ikun hekk. Jien ngħid li mhemmx għalfejn tkun Kattoliku biex tkun ġurnalist ta’ din il-kwalità. Ta’ din il-filosofija. Iżda aħna li aħna Kattoliċi, li nemmnu f’Alla, aktar nifhmu għaliex irridu nkunu hekk.

Mill-komunikazzjoni jrid joħroġ il-paċi. Mill-paċi trid toħroġ il-ġustizzja bejn il-bnedmin. Jalla San Franġisk de Sales li hu l-protettur tal-ġurnalisti u ta’ kull min jaħdem fil-media jgħin mhux biss lilna l-Insara iżda lil kulħadd ħalli nwasslu l-messaġġ biex il-komunikazzjoni ma tkunx aljenata u aljenanti. Tkun iffokata biex tassew tagħmel il-ġid lil ħaddieħor kif inhu l-veru skop tagħha.”

Forsi qed tgħid: “Imma jien ma naħdimx fil-media!” Imma forsi għandek facebook u dak li timposta fih, jistgħu qed jarawh bosta nies. Kemm tista’ għalhekk tagħmel ġid, jekk trid, anki b’sempliċi ‘share‘ ta’ xi post tajjeb li bih tista’ tressaq in-nies eqreb ta’ Alla. Jew tistħi turi xi post ta’ dan it-tip quddiem ħbiebek? Ftakar li Hu ma staħax bla ħwejjeġ u msammar mas-salib għalik, għax ħabbek, għax ried isalvak!

Talba: O Alla, int ridt li l-isqof San Franġisk de Sales isir kollox għal kulħadd għas-salvazzjoni tal-erwieħ; fil-ħniena tiegħek, agħtina li nitgħallmu mill-eżempju tiegħu biex, fis-servizz tagħna l-bnedmin, dejjem nuru magħhom il-ħlewwa ta’ mħabbtek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/01/st-francis-de-sales.html

Alternative Reading: http://donboscowest.org/saints/francisdesales

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Francis_de_Sales

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei. Il-Ħsieb huwa diskors ta’ Fr. Charles Tabone O.P., delegat tal-Arċisqof għall-Mezzi tal-Komunikazzjoni Soċjali, f’omelija tiegħu fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Franġisk de Sales.

24 ta’ Settembru: Beata Marija Columba Gabriella Sagheddu

Verżjoni Vidjo: Beata Marija Columba Gabriella Sagheddu

Ir-rieda ta’ Alla, hi x’inhi: din hija l-ferħ tiegħi, il-kuntentizza tiegħi u l-paċi tiegħi.” – Beata Marija Columba Gabriella Sagheddu

300px-Maria_Gabriella_Sagheddu_01

BEATA MARIJA GABRIELLA SAGHEDDU
Reliġjuża
1914 – 1939

Tagħrif: Marija Sagheddu – l-isem Gabriella żdied wara li daħlet reliġjuża – twieldet f’Sardinja, fis-17 ta’ Marzu 1914, il-ħames minn tmien ulied li sfaw orfni minn missierhom f’età żgħira. Kellha tfulija sempliċi ħafna. Meta ommha ħajritha tidħol fl-Azzjoni Kattolika, Marija għall-ewwel ma riditx għax dehrilha li kienet għadha mhix ippreparata tagħmel id-dmirijiet tagħha sewwa, iżda mbagħad daħlet b’ruħha u ġisimha.

F’Marija kienu jidhru l-karatteristiċi ta’ fedeltà, sens kbir ta’ dover, qawwa ta’ karattru u safa intransiġenti – kif ukoll dawk ftit u xejn negattivi: ras iebsa u xi ftit vjolenti. Ma kinetx tfajla li minn ċkunitha wriet sinjali ta’ qdusija. Wara l-mewt t’oħtha ż-żgħira, Marija ta’ 18-il sena, iltaqgħet mal-Mulej f’ċirkustanzi li ma tantx nafu fuqhom – nafu biss li ta’ din l-età ħajjitha nbidlet għal kollox, u tat lilha nfisha għal ħajja ta’ talb u għall-prattika sħiħa tar-reliġjon, kif ukoll iddedikat ruħha għall-ħidma ta’ karità. Bdiet tgħallem il-katekiżmu lit-tfal u tassisti lill-anzjani tal-villaġġ tagħha.

Ta’ 21 sena, bl-għajnuna tal-kappillan, iddeċidiet li tikkonsagra lilha nfisha kollha kemm hi ’l Alla u tingħaqad mas-sorijiet Trappisti fil-monasteru ta’ Grottaferrata, qrib Ruma. Fi tmiem Settembru, 1935 sellmet għall-aħħar darba lil pajjiżha u lil niesha. Fit-13 ta’ April, 1936 ħadet il-libsa reliġjuża u fil-31 t’Ottubru tal-istess sena pprofessat bl-isem ta’ Marija Gabriella.

Żewġ elementi li nsibu jaħkmu l-ħajja ġdida ta’ Gabriella fil-ħajja monastika: l-ewwel kien li tħossha li għandha trodd ħajr lil Alla għall-ħniena li wera magħha li sejħilha biex tkun kollha kemm hi tiegħu. Kienet tħobb ixxebbah lilha nnfisha mal-Iben il-Ħali li reġa’ lura f’dar missieru. It-tieni element kien ix-xewqa li twieġeb għal din il-grazzja li taha Alla bil-ħeġġa kollha tagħha biex, dak li beda Alla magħha, jiġi mitmum sal-aħħar.

F’jum il-professjoni, li ħabat nhar il-festa ta’ Kristu Re, għamlet “l-offerta żgħira” tagħha: “Mulej, agħmel minni dak li trid.” U kien propju l-Mulej li aktar ’il quddiem wassalha biex toffri ħajjitha għall-Għaqda bejn il-Knejjes. Ta’ 24 sena ħassitha mqanqla mill-kliem tal-ittra ta’ Father Paul Couturier, l-Appostlu tal-Ekumeniżmu, fl-ittra li kiteb lil Madre Badessa u talbet biex toffri ħajjitha biex isseħħ l-Għaqda bejn il-Knejjes Insara. Il-Badessa la wieġbet iva lanqas le, iżda talbitha biex taħsibha sew u wara titkellem mal-kappillan. Dan qabel mat-talba. Saret l-offerta u ġiet aċċettata.

Ftit jiem wara, f’Marija Gabriella bdew jidhru l-ewwel sintomi tal-marda avvanzata tat-tuberkolożi li kellha twassalha sal-qabar wara 15-il xahar ta’ tbatijiet. L-agunija tagħha ntemmet fit-23 ta’ April, 1939. Kien it-Tieni Ħadd fuq l-Għid, il-Ħadd tar-Ragħaj Divin. Nhar it-Tlieta 25 ta’ Jannar, 1983, fl-okkażjoni ta’ għeluq l-Ottava ta’ Talb għall-Għaqda tal-Knejjes, il-Papa San Ġwanni Pawlu II, fil-Bażilika ta’ San Pawl Barra s-Swar, iddikjaraha Beata. Il-Papa sejjaħ lil din il-Beata ġdida: “Gabriella tal-Unità.”

Ħsieb: “Fis-sempliċità tal-qalb jiena noffrilek kollox bil-ferħ o Mulej. Il-Mulej li poġġieni f’din it-triq, jiftakar iqawwini fil-battalja. Għall-ħniena tiegħu jiena nafdalu l-fraġilità tiegħi. Rajt quddiemi salib kbir … intbaħt li s-sagrifiċċju tiegħi ma kien xejn meta mqabbel ma’ Tiegħu. Jien offrejt lili nnifsi kollni kemm jien u m’iniex ser nerġa’ lura mill-kelma li tajt. Ir-rieda t’Alla, tkun xi tkun, din hija l-ferħ tiegħi, il-kuntentizza tiegħi, il-paċi tiegħi. Qatt mhu se nkun nista’ nirringrazzjah biżżejjed. Ma nistax ngħid ħlief dan il-kliem: ‘Alla Tiegħi, il-Glorja Tiegħek!’ ~ Beata Marija Gabriella

Il-Ġimgħa ta’ Talb għall‑Għaqda fost l‑Insara hija osservata minn Jannar 18 sa 25 ta’ Jannar. Matul din il‑ġimgħa, il‑Knejjes Insara differenti jingħaqdu għal talb ekumeniku, anki hawn Malta.

Għalkemm Marija Gabriella ma kinitx magħrufa tul ħajjitha, Alla għażel li jonora lil din ir-ruħ umli wara mewtha. Wara li bosta sorijiet, li għexu magħha fil-kunvent, irrappurtaw messaġġi li rċevew fil-ħolm minn Suor Marija Gabriella u raw sinjali oħra minn naħa tas-Sema, il-badessa ħadet l-inizjattiva li tippubblika l-bijografija tagħha. Fi ftit snin, viżitaturi ta’ denominazzjonijiet varji kienu diġà qed jagħmlu pellegrinaġġi għall-qabar tagħha. Meta l-qabar ta’ Marija nfetaħ fl-1957, il-ġisem u l-ilbies tagħha nstabu inkorrotti – stat naturali mhux spjegabbli għal xi ħadd li miet bit-tuberkolożi.

Hija pjuttost sorprendenti li xi ħadd li ma għamel xejn ħlief talab sar Patrun tal-Knisja għall-Ekumeniżmu. Imma dak li hu l-aktar sorprendenti huwa li f’Sardinja fejn trabbiet, hija qatt ma ltaqat ma’ Nisrani mhux Kattoliku. Hi taf biss li xi Kristjani kienu separati mill-Knisja Kattolika, u li dan inikket il-Qalb ta’ Ġesù.

Aħna jinteressana minn dak li jnikket il-Qalb ta’ Ġesù? In-niket tiegħu nistgħu ngħidu li hu n-niket tagħna wkoll? Qed nagħmlu jew nixtiequ nagħmlu xi ħaġa dwaru? Nistgħu infarrġu lil Ġesù b’xi mod? Qed jiġuk f’moħħok xi modi ta’ kif tista’ tfarrġu? Iva, nistgħu infarrġuh u nistgħu ukoll, bil-ħajja tagħna, hi ta’ liema stat hi, nagħmlu xi ħaġa. Immorru jew le għas-servizz ta’ talb organizzat matul il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara, il-ħajja ta’ Marija Gabriella tfakkarna li għandna nitolbu kontinwament għall-għaqda mill-ġdid fost l-Insara kollha. U minbarra t-talb, forsi l-Mulej qed isejħilna biex bħal Marija noffru wkoll is-sofferenzi personali tagħna, huma ta’ liema għamla huma, kemm jekk huma fiżiċi, mentali, emozzjonali, spiritwali, eċċ… – kollox jgħodd – jekk noffruh bi mħabba bħala talba lil Alla li hu mnikket.

Talba: Beata Marija Gabriella, inti mmaturajt u kbirt fil-fidi Kattolika; itlob għaż-żgħażagħ Insara kollha, ħalli jżommu l-fidi li jkunu rċevew fit-tfulija tagħhom u jservu lill-Mulej meta adulti.

Għalkemm int sofrejt ħafna mit-tuberkolożi li ħaditlek ħajtek fl-età ta’ 25 sena, bqajt paċenzjuża mqawwija mill-grazzja ta’ Alla; itlob għall-morda u l-moribondi kollha, ħalli jagħrfu li jistgħu joffru t-tbatija tagħhom lil Alla għas-salvazzjoni tal-erwieħ.

Li n-nies kollha jistgħu jkunu ħaġa waħda fi Kristu kienet għal qalbek ħafna, tant li tajt ħajtek għaliha; itlob li nkunu nistgħu naraw l-għaqda tal-knejjes kollha taħt Ragħaj wieħed. Ammen.

English Version: https://catholicsaints.info/blessed-maria-gabriella-sagheddu/

Alternative reading: http://communio.stblogs.org/index.php/2016/04/blessed-maria-gabriella-sagheddu/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maria_Gabriella_Sagheddu

Nota: It-Tagħrif dwar il-beata tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started