3 ta’ Lulju: San Tumas

Verżjoni Vidjo: San Tumas

“Umbagħad qal lil Tumas: ‘Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen.’ Wieġeb Tumas u qallu: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi!’ Qallu Ġesù: ‘Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu.’ – Ġesù li Tumas fi Ġwanni 20:27-29.

19-04-05-011

SAN TUMAS
Appostlu
L-Ewwel Seklu

Tagħrif: San Tumas kien Lhudi, aktarx sajjied mill-Galilija. Ismu bis-sirjan ifisser Tewmi, u bil-Grieg hu Didimus. Ġesù sejjaħlu biex ikun wieħed mit-tnax-il appostlu tiegħu.

Insibu ismu erba’ darbiet fil-Vanġelu ta’ San Ġwann.

L-ewwel darba: Ġesù kien sejjer Betanja biex iqajjem lil Lazzru mill-mewt. Waqt li d-dixxipli l-oħra beżgħu u qalu lil Ġesù biex ma jmurx għax l-għedewwa tiegħu kienu ifittxuh biex joqtluh, San Tumas qabeż u qal: “Ejjew immorru aħna wkoll biex immutu miegħu” (Ġwanni 11:16).

It-tieni darba: fl-Aħħar Ċena, meta Ġesù qal: “U fejn sejjer jien, intom tafu t-triq.” Qabeż San Tumas u qallu: “Mulej, ma nafux fejn sejjer, mela kif nistgħu nafu t-triq?” Ġesù qallu: “Jiena t-triq u s-sewwa u l-ħajja” (Ġwanni 14: 4-6).

It-tielet darba: f’Ħadd il-Għid Ġesù deher lid-dixxipli waqt li kienu fiċ-ċenaklu u Tumas ma kienx magħhom. Imbagħad b’entużjażmu kbir qalulu li kienu raw lil Ġesù, iżda Tumas qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh sinjal l-imsiemer u ndaħħal sebgħi fil-marki tal-imsiemer u idi f’ġenbu, ma nemminx.” Minn hawn ġejja l-espressjoni: “Jien bħal San Tumas, irrid nara b’għajnejja u mmiss b’idejja biex nemmen.” Meta ġimgħa wara Ġesù reġa’ dehrilhom u Tumas kien magħhom, Ġesù stieden lil Tumas biex idaħħal sebgħu fil-pjagi ta’ idejh u idu fil-pjaga tal-kustat. U Tumas b’fidi qawwija qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (Ġwanni 20:28)

Ir-raba’ darba: meta Ġesù deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija, isem Tumas insibuh ma’ dawk li kienu preżenti. (Ġwanni 21:2)

Tradizzjoni qawwija tgħid li wara l-Inżul tal-Ispirtu s-Santu, San Tumas mar jipprietka l-Vanġelu lill-Parti, lill-Medi u lill-Persjani u baqa’ sejjer sa daħal fl-Indja, fil-kosta ta’ Malabar fejn illum ħafna min-nies tal-post isejħu lilhom infushom “L-Insara ta’ San Tumas.”

San Tumas miet martri bid-daqqiet ta’ lanza, fl-Indja, u jinsab midfun f’Maljapore fil-knisja kbira, San Thome, xi tlettax-il kilometru ’l bogħod minn Madras.

Ħsieb: Qari mill-Omiliji tal-Papa San Girgor il-Kbir fuq l-Evanġelji bit-titlu ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi’:

“Wieħed mit-tnax, Tumas, imlaqqam it-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Dan il-wieħed mit-Tnax kien għadu barra, u meta reġa’ daħal sema’ x’ġara imma ma riedx jemmen li qalulu. Il-Mulej reġa’ ġie, sejjaħ lid-dixxiplu li ma riedx jemmen, tah ġenbu biex imissu, wrieh idejh u, kif ħallieh jara l-marka tal-ġrieħi tiegħu, fejjaqlu l-ġerħa tiegħu, in-nuqqas ta’ fidi. X’taraw f’dan kollu, ħuti għeżież? Dak id-dixxiplu magħżul minn Kristu kien barra, ġie u sema’, sema’ u ġieħ dubju, ġieħ dubju u resaq imiss, mess u emmen. Jidhrilkom li dan kollu ġara bla ħsieb?

Le, mhux bla ħsieb, imma għax Alla stess ried hekk. Fil-ħniena kbira tiegħu, Alla mexa b’mod tal-għaġeb għax meta lil dak id-dixxiplu, li ma emminx, riedu jmiss il-ġrieħi fil-ġisem tal-Imgħallem, huwa fejjaq lilna mid-deni tan-nuqqas ta’ fidi. Tumas, li kien hekk tqil biex emmen, swielna ta’ ġid għall-fidi tagħna aktar mid-dixxipli l-oħra li emmnu; huwa emmen għax mess b’idejh stess, u bis-saħħa ta’ dan aħna wkoll nistgħu nneħħu kull dubju u nitwettqu fil-fidi. Huwa tana xhieda li Kristu qam tassew mill-imwiet sewwasew għax, billi ma emminx, resaq u mess b’idejh il-ġisem ta’ Kristu.

Mess, u qal: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi!’ Qallu Ġesù: ‘Emmint għax rajtni!’ Issa l-Appostlu Pawlu jgħid: ‘Il-fidi hija l-pedament tal-ħwejjeġ li fihom għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma jidhrux. Dawn l-kelmiet juruna ċar li l-fidi hija l-prova ta’ dawk il-ħwejjeġ li ma nistgħux naraw; għax dak li naraw ma jaqax taħt il-fidi imma taħt l-għarfa. Mela Ġesù għaliex qallu, ‘Emmint għax rajtni’ lil Tumas wara li messu? Għax Tumas ra ħaġa, u emmen oħra. Ebda bniedem li jmut ma jista’ jara lil Alla. Mela Tumas ra l-bniedem u emmen li hu Alla, bħalma stqarr u qal: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi!’ Ra u emmen, ħares lejn dak li kien bniedem tassew, u stqarr fih lil dak li ma setax jara, lil Alla.

Huwa ta’ ferħ kbir għalina l-kliem li mbagħad qallu: ‘Henjin dawk li ma rawx u emmnu. ‘Dan il-kliem qiegħed għalina b’mod speċjali, għalina li nżommu f’moħħna lil dak li ma rajniehx b’għajnejna. Iżda qiegħed għalina sakemm nuru l-fidi tagħna bl-għemil. Għax jemmen tassew min jagħmel skont ma jemmen. Għal dawk li jemmnu bil-kliem biss, Pawlu jgħid: ‘Jistqarru li jagħrfu lil Alla, biex imbagħad bl-għemil tagħhom jiċħduh.’ U Ġakbu jżid: ‘Il-fidi mingħajr l-għemil hija mejta.’ “

Filwaqt li San Tumas stqarr il-fidi tiegħu Papa Benedittu XVI jgħid: “Oħrajn jistqarru biss il-Kredu fil-Quddiesa tal-Ħadd.” M’għandniex xi ngħidu, hija ħaġa ta’ min ifaħħarha min imur il-Quddies tal-Ħadd u jistqarr il-Kredu. Iżda dal-kliem tal-Papa jfisser li n-Nisrani huwa mistenni minnu li dak li jistqarr fil-Kredu bil-fomm fil-quddiesa tal-Ħadd, irid jistqarru tul il-jiem l-oħra tal-ġimgħa. Mhux neċessarjament li jistqarru bil-fomm, imma mill-mod kif jaġixxi fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum, xogħol, dar, ħin ta’ mistrieħ, divertiment, irid jirrifletti dak li hu jistqarr fil-Kredu tiegħu.

Il-Papa Franġisku, (3 ta’ April, 2013) jgħid li:

“Għal Alla, li tiswa hi l-qalb, kemm aħna miftuħin għalih, jekk aħniex bħal tfal li jafu jafdaw. Imma dan iġegħelna nirriflettu wkoll fuq kif in-nisa, fil-Knisja u fil-mixja tal-fidi, kellhom u anki l-lum għandhom rwol partikulari li bih jiftħulna l-bibien għall-Mulej, jimxu warajh u jħabbru l-wiċċ tiegħu, għax il-ħarsa tal-fidi dejjem għandha bżonn tal-ħarsa sempliċi u profonda tal-imħabba. L-Appostli u d-dixxipli jsibuha iżjed bi tqila biex jemmnu. In-nisa le. Pietru jiġri lejn il-qabar, imma jieqaf mal-qabar vojt; Tumas irid imiss b’idejh il-ġrieħi tal-ġisem ta’ Ġesù. Anki fil-mixja tal-fidi tagħna hu importanti li nkunu nafu u nħossu li Alla jħobbna, u ma nibżgħux inħobbuh: il-fidi tiġi mistqarra bil-fomm u bil-qalb, bil-kelma u bl-imħabba.”

Jingħad li darba vapur tal-passiġġieri nqabad f’maltempata tal-biża’. Kulħadd kien imwerwer barra tifel ta’ xi sitt snin li ma waqafx jilgħab u jiġri minn naħa għal oħra. Xi ħadd staqsieh: “Ibni, maltempata bħal din, m’intix tibża’?” “Le,” wieġeb it-tifel, “missieri l-kaptan.” Fil-virtù tal-fidi jrid ikollna din l-fiduċja għamja ta’ dan it-tifel f’missieru. Nemmen mhux għax nifhem kulma nistqarr imma għax naf li dak li kellimni ma jqarraqx. Nemmen għax għalkemm naf li moħħi hu limitat u ma jiflaħx jifhem u jikkomprendi dak li hu traxxendentali, dak li hu divin, persważ li min qaluli jħobbni u mhux se jqarraq bija.

  • U int, kemm hi kbira l-fidi u l-fiduċja tiegħek fil-Mulej?

Talba: Glorjuż San Tumas, id-dulur tiegħek lejn Ġesù kien tant kbir li ma ħalliekx temmen li hu qam mill-mewt sakemm ma tarax u tmiss il-pjagi tiegħu. Imma l-imħabba tiegħek lejn Ġesù kienet daqstant qawwija li tajt ħajtek għalih. Itlob għalina biex aħna jiddispjaċina għal dnubietna li kienu l-kaġun tat-tbatija ta’ Kristu. Għinna biex nagħtu lilna nfusna għas-servizz tiegħu, ħalli naqalgħu t-titlu ta’ “imbierka,” dak li Ġesù sejjaħ lil dawk li ma rawx u emmnu fih. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://catholicexchange.com/st-thomas-the-apostle

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-thomas/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Thomas_the_Apostle

Saint Thomas movie:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

10 ta’ Ottubru: San Franġisk Borgia

Verżjoni Vidjo: San Franġisk Borgia

Illum ukoll, taħbat it-tifkira ta’ San Tumas ta’ Villanova. Din link għall-Vidjo dwaru: https://www.youtube.com/watch?v=uS4Z5KiPJEY

“Irridu nwettqu x-xogħlijiet kollha tagħna f’Alla u nirreferuhom għall-glorja tiegħu biex ikunu permanenti u stabbli.” San Franġisk Borgia

san-franc4a1isk-borgia.pngSAN FRANĠISK BORGIA
Presbiteru
1510 – 1572

Tagħrif: Kien it-tielet ġeneral tal-Ġiżwiti, pro-neputi tal-Papa Alessandro VI u tar-Re Ferdinandu l-Kattoliku u twieled f’Gandia, Spanja. Wara edukazzjoni nisranija tajba fil-familja, mar isib kenn għand zijuh, arċisqof, Saragossa, waqt rewwixta f’pajjiżu. Tħarreġ fl-istudji tal-mużika u l-armi.

Bejn l-1523 u l-1525 mar Valladolid, bħala paġġ ta’ Ġovanna, omm Karlu V. Fl-1528, l-Imperatur sejjaħlu fil-qorti tiegħu u ħajru biex jiżżewweġ. Iżżewweġ lil Leonora de Castro, id-dama preferita tal-Imperatriċi, sena wara. Sa minn dan iż-żmien il-qaddis kien magħruf għat-tjubija u għall-onestà tiegħu. Maħtur viċi-re tal-Katalonja (1539-1543) u duka ta’ Gandia rieġa b’għaqal kbir is-sudditi tiegħu sa mewt martu (1546).

Meħlus mix-xkiel tad-dinja talab lil Sant’Injazju biex jilqgħu fil-Kumpanija ta’ Ġesù. Il-Loyola laqgħu bil-ferħ; iżda qallu biex jistenna sakemm ikun ħaseb għal uliedu u għat-twaqqif ta’ kulleġġ universitarju f’Gandia, waqt li fl-istess ħin jibda l-kors tat-teoloġija f’pajjiżu. Għamel l-ewwel voti fl-1548 fil-kappella tal-kulleġġ, f’Gandia.

Libes ta’ patri u ordna saċerdot fit-23 ta’ Mejju, 1551. Beda jipprietka fil-Guipuzcoa minn belt għal oħra u jgħallem il-katekiżmu lit-tfal. L-ubbidjenza ġegħlitu jnaqqas il-mortifikazzjoni tiegħu. Ħafna bdew jieħdu l-parir tiegħu. Sant’Injazju, fl-1554, ħatru kummissarju ġenerali ta’ Spanja u tal-Portugall. Fil-1565, ġie maħtur it-tielet ġeneral tal-ordni. Matul il-ġeneralat tiegħu (1565-1572), hekk kabbar il-ħidma tal-kumpanija mad-dinja kollha, li jista’ jissejjaħ it-tieni fundatur tal-ordni.

Bena knisja għall-istudenti tal-Collegio Romano u rranġa l-programm tal-istudji tiegħu. Bena wkoll il-knisja ta’ Sant’Andrea al Quirinale, bid-dar tan-novizzjat u kabbar il-Ġermaniku li jħejji l-missjunarji għal pajjiżi protestanti. Taħtu l-ordni kiber fl-Ewropa u daħal il-Polonja. Kibru wkoll il-missjonijiet tal-Ġiżwiti u nfetħet il-missjoni ġdida fl-Indja tal-Punent. Kien meqjum ħafna mill-Papa Piju V. Fl-1571, il-Papa, bagħtu mal-Kardinal Bonelli Franza, Spanja u l-Portugall, fejn ġie milqugħ minn folol kbar li “riedu jaraw il-qaddis” u jisimgħuh jipprietka: anki r-Re Filippu laqgħu bil-ferħ, bħall-poplu.

Lura mill-vjaġġ, ħassu ħażin Ferrara u d-duka, kuġinuh, bagħtu Ruma ġo katalett. Miet Ruma jumejn wara li wasal, f’nofs il-lejl bejn it-30 ta’ Settembru u l-1 ta’ Ottubru tal-1572. Ġie kkanonizzat minn Klement X fl-1671.

Ħsieb: Aktar ma’ nħobbu lil Alla, aktar insiru qaddisin. San Franġisk Borgia jgħid li huwa t-talb li jintroduċi l-imħabba divina fil-qalb tal-bniedem; u hija l-mortifikazzjoni li tbiegħed il-qalb mid-dinja materjali, u tagħmilha kapaċi tirċievi dan in-nar qaddis. Aktar ma jkun hemm dak li huwa ta’ din id-dinja fil-qalb, inqas ikun hemm spazju għall-imħabba qaddisa: “L-Għerf ma jinstabx fl-art ta’ dawk li jgħixu fil-pjaċiri tad-dinja” (Ġob 28:12-13). Għalhekk il-qaddisin dejjem fittxew li jmewtu l-imħabba tagħhom infushom u tas-sensi tagħhom. Il-qaddisin huma ftit, imma rridu ngħixu bħal dawn il-ftit, ħalli nkunu salvati ma’ dawn il-ftit.

Dawn li ġejjin meħuda minn ‘Il-Mera tal-Azzjonijiet tan-Nisrani’ – eżerċizzji spiritwali ta’ San Franġisk Borgia, (1875):

  • Meta tkun bil-wieqfa. – Irrifletti fuq meta s-Salvatur tagħna kien quddiem l-imħallfin tiegħu.
  • Meta tkun bilqiegħda – Ftakar kif Ġesù Kristu kien bilqiegħda, filwaqt li l-Lhud umiljawh u żebilħuh bil-kliem: “Sliem, Sultan tal-Lhud!”
  • Meta tkun miexi. – Aħseb meta Ġesù Kristu kien fi triqtu lejn is-Samarija u l-Kalvarju.
  • Meta tkun għajjien. – Agħraf kif is-Salvatur tagħna, għajjien ​​mit-triq, poġġa bilqiegħda fuq ġebla biex jistrieħ.
  • Meta tivvjaġġa. – Ftakar li l-Mulej tagħna daħal f’Ġerusalemm fuq felu ta’ ħmara.
  • Meta żżur il-morda. – Aħseb kif Ġesù Kristu mhux biss żarhom b’ħafna karità, iżda wkoll ikkurhom.
  • Meta x-xogħlijiet tajba tiegħek ma jiġux apprezzati. – Ftakar kif dawk tal-Mulej tagħna ġew akkużati, minkejja li kienu kollha tajba u qaddisa, u kif gergru kontrih għax fejjaq f’jum is-Sibt.
  • Meta tingħata tweġiba b’disprezz u b’nuqqas ta’ rispett. – Aħseb dwar l-mod kif is-Salvatur tagħna ġie ttrattat fid-dar ta’ Kajfa, meta suldat qallu b’mod insolenti: “Hekk twieġbu l-qassis il-kbir?” u saħansitra tah daqqa ta’ ħarta fuq dak il-wiċċ sagru, li huwa l-mera tal-anġli u l-konsolazzjoni tal-qaddisin.
  • Meta tkun bil-ġuħ. – Ikkunsidra l-ġuħ li ġarrab Ġesù matul l-erbgħin jum li dam fid-deżert.
  • Meta tħoss il-bard – Irrifletti fuq il-kesħa li s-Salvatur tagħna ġarrab fil-Presepju ta’ Betlem, meta kien għadu tarbija, għax għażel li jitwieled fl-iktar staġun kiesaħ tas-sena, mingħajr nar, u mingħajr sodda oħra ħlief il-ftit tiben li fuqu poġġewh.
  • Meta tkun bil-għatx. – Aħseb fil-ħall li ġie ppreżentat lilu meta kien fuq is-salib, meta qal: “Għandi l-Għatx!”
  • Meta l-irqad tiegħek jiġi mfixkel. – Ftakar kif kienu qajmu lil Ġesù Kristu meta raqad fuq id-dgħajsa.
  • Meta l-ħbieb tiegħek jabbandunawk fil-mument tal-bżonn. – Ikkunsidra kif il-Mulej tagħna tħalla waħdu mid-dixxipli tiegħu fil-ħin tal-Passjoni.
  • Meta inti obbligat li tħalli lil persuni li tħobb. – Aħseb dwar is-separazzjoni ta’ Ġesù Kristu minn Ommu l-għażiża.
  • Jekk tkun insultat fil-pubbliku. – Irrifletti f’liema stat Pilatu wera lil Ġesù Kristu lin-nies, meta qallhom: “Hekk hu l-bniedem.”
  • Jekk tkun akkużat ta’ xi ħaġa, u int innoċenti. – Ftakar fix-xhieda qarrieqa u fil-kalunji li bihom akkużaw lil Ġesu’ Kristu fid-dar ta’ Kajfa.
  • Jekk tkun ikkundannat mingħajr raġuni. – Ftakar fis-sentenza inġusta li biha ikkundannaw lil Ġesù Kristu.
  • Meta tkun marid u ssofri uġigħ kbir. – Żomm quddiem għajnejk il-flaġellazzjoni, l-inkurunazzjoni bix-xewk, u l-kurċifissjoni. Ġesù kien mgħotti bil-feriti minn rasu sa saqajh; xtaq li l-ebda parti ta’  ġismu ma tkun eżentata mill-uġigħ, sabiex aħna ma nsofru xejn li huwa ma jkunx sofra qabilna, u ħalli aħna nkunu obbligati li noffru t-tbatijiet kollha tagħna lilu.
  • Fl-aħħar nett, meta tkun waslet is-siegħa tal-mewt tiegħek, abbanduna l-ispirtu tiegħek b’ħeġġa vera f’idejh, u ftakar il-kliem li Huwa qal lil Missieru meta kien qed imut: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi.” Għalhekk, filwaqt li tagħmel offerta tal-ħajja tiegħek b’kunsiderazzjoni tal-mewt tiegħu, tkun tista’ timmerita li tgħix eternament miegħu fil-glorja. Ammen.

Dan l-eżerċizzju jkun utli ħafna għal dawk li jipprattikawh bil-fedeltà u bl-imħabba. Filwaqt li dawn li semmejna jgħinu l-azzjonijiet esterni tagħna, dawn li ġejjin jistgħu jgħinu l-azzjonijiet interni tagħna:

  • Meta l-ġar tiegħek ma jagħtix kas tal-parir siewi li tkun tajtu. – Offri dan ir-rifjut lil Sidna, filwaqt li tiftakar kif il-bnedmin ftit għamlu profitt mit-tagħlim qaddis tiegħu.
  • Meta tara lil ħuk qed joffendi lil Alla, u tħossok imnikket minħabba dan. – Agħti n-niket tiegħek lil Ġesù Kristu, u rrifletti fuq kemm kien iddispjaċut meta ra li kienu qed jipprofanaw it-Tempju.
  • Jekk xi wħud mill-ħbieb tiegħek joħorġu mit-triq tal-virtù. – Aħseb dwar l-għażla ta’ Ġuda, li jabbanduna s-sors ta’ kull ġid; u pprova ħoss l-istess sentimenti li ħass Ġesù minħabba dan l-appostlu tiegħu.
  • Meta tirrifletti fuq in-numru żgħir ta’ saċerdoti mħeġġa fil-Knisja. – Ftakar kif il-Mulej tiegħek ilmenta, meta qal dawn il-kliem: “Il-ħsad, huwa kbir tassew, iżda l-ħaddiema huma ftit.” (Luqa 10:19)
  • Meta Alla jagħtik grazzja li tibki għad-dnubiet tiegħek. – Għaqqad in-niket tiegħek ma’ dak in-niket li dnubietek ikkawżaw lil Ġesù Kristu, li kien jafhom ħafna qabel ma int wettaqthom. Ingħaqad ma’ dak li Hu nnifsu sofra biex jeħles lilek. Bierku, u rringrazzjah għal eluf ta’ drabi talli kien lest li jieħu fuqu l-kastig li kien ħaqqek int għal dnubietek.
  • Meta tara li xi ħadd li ilu javvanza fit-triq tal-perfezzjoni jaqa’ fid-dnub. – Aħseb x’ħass il-Mulej meta San Pietru għażel li jiċħdu, hu li kien diġà rrikonoxxieh bħala l-Iben ta’ Alla, u rah ittrasfigurat fuq il-muntanja Tabor.
  • Meta x-Xitan jattakkak bit-tentazzjonijiet. – Ftakar f’dawk li bihom attakka lil Ġesù Kristu fid-deżert.
  • Meta tħossok iddispjaċut għax tara li l-ħżiena ma jissaportux il-kumpanija tal-ġusti. – Ikkunsidra l-fatt li s-Salvatur tagħna kien ippersegwitat minn nies li Hu  kien mela b’ħafna benefiċċji, u li lilhom wera l-akbar provi sinċieri tal-imħabba u l-karità tiegħu.
  • Meta tirrifletti fuq ir-reati ta’ xi belt, jew ta’ nazzjon sħiħ. – Għaqqad is-sogħba tiegħek ma’ dik tal-Mulej meta beka fuq il-qerda ta’ Ġerusalemm.
  • Meta ssir taf b’xi ħadd li waqa’ fl-infedeltà jew fid-dubju. – Ħossok imnikket għal dan, u aħseb fl-istess ħin fid-dispjaċir li ħass Ġesù Kristu meta ra li d-dixxipli tiegħu, minħabba n-nuqqas ta’ fidi, ma rnexxilhomx ikeċċu xitan, u għalhekk qallhom dan il-kliem: “Kemm se ndum nissaportikom?”
  • Meta l-ħżiena jinsulentaw lill-ġusti. – Ftakar fl-insulti li s-Salvatur tagħna ġarrab fuq is-salib, meta qalu fuqu dan il-kliem: “Salva oħrajn, lilu nnifsu ma jistax isalva.”
  • Meta tara xi ħadd li jkun għex ħajja ħażina qed imut. – Aħseb b’dispjaċir dwar dak li ħass il-Mulej tagħna meta qies kif ftit nies se japprofittaw mill-mewt tiegħu u mit-tixrid ta’ Demmu għalihom.
  • Meta t-talb tiegħek ikun akkumpanjat minn nixfa u deżolazzjoni. – Ftakar f’dak li għadda minnu Ġesù Kristu, meta lil Missieru qallu: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex abbandunajtni?”
  • Meta tisma’ lil xi ħadd jidgħi b’Alla. – Immaġina n-niket kbir li ħass Sidna bil-ħsieb li Ismu qaddis, kien se jissemma fid-dagħa mill-bnedmin.
  • Meta tħoss ruħek separata minn Alla, u tixxennaq biex terġa’ tingħaqad miegħu bil-karità, u biex tiġi meħlusa mill-perikli ta’ dan l-istat. – Ikkunsidra dak li sofra f’Qalbu Ġesù, meta fil-karità infinita Tiegħu talab għalina lill-Missier Etern tiegħu, biex inkunu dejjem magħqudin miegħu, meta qal dawn il-kliem mill-isbaħ: “Nitlob li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina.” (Ġwanni 17:21)

Talba: Mulej Ġesù Kristu, eżempju u premju ta’ dawk li huma verament umli: kif int għoġbok ittella’ fil-glorja lil San Franġisk Borgia li stmerr l-unuri tad-dinja biex jaħdem biss għall-glorja tiegħek, agħtina li b’talbu aħna wkoll nimxu fuq il-passi tiegħek sa ma naslu ngawduk fis-sema flimkien miegħu.  Ammen.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-francis-borgia-389

Alternative Reading: https://www.ignatianspirituality.com/ignatian-voices/16th-and-17th-century-ignatian-voices/st-francis-borgia-sj

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Francis_Borgia,_4th_Duke_of_Gand%C3%ADa

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started