Qaddej ta’ Alla Patri Avertan Fenech

Verżjoni Vidjo: Qaddej ta’ Alla Patri Avertan Fenech

00c2ba72d98cc86d3f2b417d54625b9aca07d47f-1485151229-58859bfd-360x251PATRI AVERTAN FENECH
Karmelitan
1871 – 1943

Tagħrif: Patri Avertan Fenech huwa wild ewlieni u waħdieni ta’ Duminku Fenech u Marija nee’ Attard. Huwa twieled nhar l-10 ta’ Lulju 1871 il-Mosta u ġie mgħammed l-għada fil-Knisja Parrokkjali u semmewh Lwiġi għal San Alwiġi Gonzaga li bħalu kellu jispikka għall-virtù tas-safa.

Mid-dar huwa tgħallem jitlob u jikber fil-fidi. Il-familja għalkemm fqira kienet għanja fil-ħajja tal-fidi. Missieru kien jaqta’ l-ġebel f’barriera u ommu kienet seftura mas-sinjuri Grech Mifsud. Dawn is-sinjuri kellhom dar il-Belt biswit is-santwarju tal-Karmnu u aktarx li minn hemm huwa wiret l-imħabba lejn il-Madonna tal-Karmnu.

Lwiġi kellu karattru sensibbli, u galbat, dejjem jilqgħek bit-tbissima fuq wiċċu. Imġibtu ma’ sħabu kienet eżemplari u kien juri li miġbud għall-ħajja tat-talb u l-virtù, hekk li l-Arċipriet tal-Mosta għażel li jagħmillu l-Preċett qabel il-Griżma, ħaġa rarissima, dak iż-żmien. Iktar ma beda jikber, kompliet tikber miegħu s-sejħa għall-ħajja reliġjuża Karmelitana u meta lill-ġenituri wriehom din ix-xewqa huma bagħtuh jistudja l-Latin u t-Taljan għand qassis in-Naxxar.

Fis-6 ta’ Frar 1888 il-Vigarju Provinċjali Patri Lwiġi Malfatti laqgħu fin-novizzjat il-belt u sena wara pprofessa fl-oratorju tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt. Imbagħad nhar is-27 ta’ Frar 1892 ipprofessa solenni fl-oratorju tan-Novizzjat fil-Belt. Wara dan huwa kompla l-formazzjoni fil-kunvent il-ġdid ta’ San Ġiljan u kellu b’surmast lil Patri Francesco Raiti li iktar tard ġie magħżul isqof ta’ Trapani.

Fl-1896 ġie magħżul bħala prefett tal-kjeriċi minħabba l-ħajja virtuża u integra tiegħu u fil-5 ta’ Lulju 1896 ġie ordnat saċerdot mill-Isqof ta’ Għawdex Giovanni Camilleri OSA u ċċelebra l-Ewwel Quddiesa Solenni fis-Santwarju tal-Karmnu fil-Belt Valletta. Mal-ordinazzjoni ntefa’ għall-ministeru tal-qrar u d-direzzjoni spiritwali. Ukoll l-imġiba tiegħu kemm waqt it-talb u l-quddiesa kif ukoll fil-komportament tal-ħajja ta’ kuljum u fir-relazzjoni ma’ ħutu fil-komunità kienet ta’ edifikazzjoni u ammirazzjoni speċjalment għax kien jgħix tassew kontinwament fil-preżenza ta’ Alla.

Il-modestja, l-umità, il-faqar u s-safa tiegħu kienu jqanqlu lin-nies jersqu għandu għall-qrar u d-direzzjoni spiritwali, fosthom Dun Mikiel Gonzi, li iktar ’il quddiem sar Arċisqof ta’ Malta, u li kien lettur is-Seminarju, kif ukoll is-seminaristi. Mons. Ġużeppi de Piro stqarr mal-isqof li s-seminaristi kienu jmorru jqerru għand dan il-patri Karmelitan ta’ fama qaddisa flok għand il-konfessur tas-seminarju.

Il-ħajja ta’ reliġjuż tassew u kif għandu jkun qanqlet lis-superjuri tiegħu biex iqegħduh l-ewwel bħala viċi-surmast u mbagħad bħala surmast tan-novizzi. Huwa dam 26 sena jaqdi dan il-ministeru b’dedikazzjoni u b’eżempju kbir għal dawk li għaddew minn taħt idejh. Minnu tgħallmu jaħarbu l-għażż, jgħixu ħajja ta’ talb u osservanza reliġjuża tar-Regola, fl-ubbidjenza, fil-faqar evanġeliku u fis-safa u qadi tal-poplu ta’ Alla skont l-ispirtu u l-kariżma tal-Karmelu. F’dan ir-rwol tiegħu Patri Avertan ġibed l-ammirazzjoni ta’ bosta fi żmien l-epidemija tal-Ispanjola fil-kura personali li kien jieħu tan-novizzi milquta minn din l-epidemija, b’riskju wkoll għal ħajtu.

Patri Avertan qeda diversi uffiċċji fosthom bħala delegat provinċjali għall-Kapitlu Ġenerali f’Ruma fl-1919 fejn ħalla impressjoni fuq il-Pirjol Ġenerali u fuq il-kapitulari minn madwar id-dinja, għall-umiltà, l-ispirtu ta’ talb u l-manswetudni tiegħu. Kulħadd kien iżommu b’qaddis, kemm ħutu r-reliġjużi kif ukoll in-nies li kienu jfittxuh għall-qrar u d-direzzjoni spiritwali. Kien ta’ edifikazzjoni fis-sabar qalb it-tiġrib u offra lilu nnifsu għall-konverżjoni tal-midinbin.

Il-qdusija u l-virtujiet tiegħu spikkaw l-iktar fi żmien il-mard kawża ta’ attakk qawwi ta’ puplesija fl-1932 li ħallih b’ġismu nofsu paralizzat u b’fommu mbikkem. Is-sodda tal-mard u s-siġġu tar-roti li fuqhom dam għal 11 -il sena u nofs saru issa mhux biss is-salib tiegħu imma wkoll il-pulptu li minn fuqhom kien iwassal il-Vanġelu. Patri Avertan qatt ma kien predikatur. Leħnu ma kienx jagħtih, imma dejjem ipprietka bl-eżempju ta’ ħajtu u issa f’dan il-mument spikka bl-eżempju ta’ virtù u l-għaqda ma’ Alla f’rassenjazzjoni serena mar-rieda ta’ Alla. Qatt ma naqas mit-tbissima lil min kien iżuru, qatt ma lmenta fuq nuqqas ta’ ikel kemm minħabba l-għaks tal-gwerra kif ukoll għax ma setax jiekol ikel solidu.

Fil-kunvent minkejja li ppruvaw jieħdu ħsiebu kif setgħu kien hemm skarsità fl-ikel u anke fil-kumdità. Il-kunvent ġie trasformat f’uffiċini tas-Servizzi Ċivili bil-ħaddiema tad-Dockyard, il-patrijiet ukoll kienu jsostnu b’karità r-refuġjati tal-gwerra. Nieqes minn kollox issa kien tassew jixbah lill-kurċifiss li lejh kien iħares u lilu kien juri meta kienu jitħassruh. F’din il-qagħda huwa tassew kif jgħid San Pawl kien qed jgħix ‘il-ħajja moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla.’ Xewqa waħda żamm, dik li jfieq ħalli jqaddes! F’wieħed mill-irtiri tiegħu kiteb hekk:

“Aħna riżoluti, o Ġesù, li nirrinunzjaw kollox għal imħabbtek u, mgħannqin mas-salib tiegħek irridu ngħixu u mmutu bħalek, privi mill-ħwejjeġ żejda tad-dinja u ma nixtiequx ħlief dawk tas-Sema. Din hija l-unika xewqa tagħna, li nisperaw li tistħoqqilna dik il-ġurnata li niġu ngawduk għall-eternità ġewwa l-ġenna kif inti wegħedtna. Hekk Ikun.” Il-marda tiegħu kellha tkun għalih il-martirju li hu ġarr b’qalb sħiħa.

Miet fl-1 Novembru, 1943 għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu. Il-konfessur tiegħu Patri Ġerardu Paris, Dumnikan xehed li qatt ma dineb gravement. Bosta xtaqu jaraw il-ġisem mejjet ta’ Patri Avertan fiċ-ċella tiegħu fejn in-nies setgħu jagħtuh l-aħħar tislima. Ġie midfun fil-kripta taħt il-knisja. Ma’ mewtu xterdet il-fama tal-qdusija. Fil-gazzetti xterdet l-aħbar li miet reliġjuż qaddis. Il-qabar tiegħu sar ċentru ta’ pellegrinaġġi u fil-25 sena mill-mewt tiegħu l-Arċisqof Mikiel Gonzi mexxa l-eżumazzjoni tal-fdalijiet tiegħu li tqegħdu f’qabar ġdid fil-kannierja.

Fl-2014 f’għeluq is-70 sena minn mewtu l-fdalijiet indifnu fil-kappella tal-Madonna tar-Rocca tal-Karmnu tal-Imdina. Bosta huma dawk li jiġu jżuru qabru u ċ-ċella tiegħu , jitolbu u jirreferu grazzji maqlugħa bl-interċessjoni tiegħu. Illum Patri Avertan huwa mudell għar-reliġjużi kollha fl-għażla ta’ Alla fl-ewwel post ta’ ħajjitna. Lil ħutu Karmelitani jfakkarhom dejjem fil-primat tal-kontemplazzjoni u quddiem l-Insara jiddi bħala xempju tas-safa tal-qalb. Bħala saċerdot ifakkar u jqanqal bl-eżempju ta’ ħajtu lis-saċerdoti biex jingħataw għall-qrar u d-direzzjoni spiritwali. Fl-aħħar nett f’dinja u kultura li tiddiskuti dwar jaqbilx li bi “ħniena” nagħtu l-mewt lil min jinsab f’mard terminali Patri Avertan jiddi bħala mudell u xempju tad-dinjità u l-valur tal-bniedem ukoll f’dawn il-kundizzjonijiet.

‘Mitlubin mill-Postulaturiċi tal-Kawża tal-Beatifikazzjoni u Kanonizzazzjoni tal-istess Patri Avertan Fenech, Karmelitan, biex tinfetaħ din il-kawża, skont in-Normi tal-Kongregazzjoni tal-Qaddisin, qed nippubblikaw dan l-Editt biex nitolbu lil kull min għandu xi kitba ta’ Patri Avertan Fenech, Karmelitan jgħaddiha fil-Kanċellerija tat-Tribunal Metropolitan fil-Kurja Arċiveskovili, Valletta. B’kitba nifhmu mhux biss dik stampata iżda wkoll manuskritti, id-djarji, ittri u kull kitba oħra privata ta’ dan il-Qaddej ta’ Alla. Dawk li jixtiequ li jżommu l-oriġinal jistgħu jippreżentaw kopja li, wara li tkun verifikata ma’ l-oriġinal, tiġi awtentikata mill-Kanċellier ta’ l-istess Tribunal.

Nordnaw li dan l-Editt jitwaħħal fil-bieb tal-Kurja għal xahrejn u jitwaħħal fin-notice boards tal-parroċċi għall-istess żmien. Mogħti mill-Kurja Tagħna fil-Furjana, illum 9 ta’ Jannar, 2017, festa tal-Magħmudija tal-Mulej.’

Il‑Ħamis 2 ta’ Frar, 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna fetaħ il‑proċess tal‑kawża għall‑Qdusija ta’ Patri Avertan Fenech, fil‑Knisja tal‑Madonna tal‑Karmnu, l‑Imdina. Wara, fl‑istess Knisja huwa bierek ix‑xemgħat u ta bidu għall‑purċissjoni lejn il‑Katidral biex ikompli l‑Quddiesa Pontifikali li saret fil‑festa tal‑Preżentazzjoni tal‑Mulej fit‑Tempju, filwaqt li ċċelebra Jum il‑Ħajja Kkonsagrata.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Katidral tal-Imdina

‘ “Meta għalqilhom iż-żmien għat-tisfija tagħhom” ‘ (Luqa 2:21). L-Evanġelju tal-lum jibda b’din l-espressjoni li għall-familja Lhudija kienet tfisser li mit-twelid tat-tarbija kienu għaddew erbgħin jum skont il-liġi ta’ Mosè. Il-familja ta’ Ġesù, Ġużeppi u Marija hija sottomessa għal-liġi bħal kull familja Lhudija oħra, sottomessa għal-liġi ta’ Mose. Ġesù ta’ erbgħin jum jittieħed Ġerusalemm u jidħol għall-ewwel darba fit-Tempju. Daħal diversi drabi oħra matul ħajtu fuq din l-art. Daħal biex ikeċċi l-bejjiegħa tat-tempju, daħal biex jgħid li huwa d-dawl tad-dinja. Illum ma jgħidhiex hu din il-kelma, imma jgħidha Xmun, dan ‘ir-raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Israel li l-Ispirtu s-Santu kien fuqu’ (v. 25).

Aħna u nibdew il-kawża tal-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla Patri Avertan Fenech, inħarsu lejh bħala eżempju sabiħ ta’ kif il-persuna kkonsagrata tista’ tkun, fil-każ tiegħu, ‘raġel ġust u tajjeb li jistenna l-faraġ ta Israel u li l-Ispirtu kien fuqu.’ Anke lil Patri Avertan, bħalma ngħata lil Xmun, ingħata d-don sabiħ li huwa u jistenna l-faraġ tal-Mulej, ikun mnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu tal-Mulej u jagħraf il-preżenza tal-Mulej.

Jiena nixtieq insellmilkom, għeżież reliġjużi rġiel, għeżież reliġjużi nisa, membri tal-Istituti sekulari u tal-Ordo Virginum f’dan il-jum li l-Knisja tixtieq ikun ukoll iddedikat għalikom u l-awgurju, it-talba li nagħmlilkom huwa li fuq l-eżempju ta’ tant qaddisin ikkonsagrati lill-Mulej, intom tistennew b’ħerqa ‘l-faraġ ta’ Israel,’ intom tkunu doċli għal dak li jnebbaħ fikom, fil-qalb tagħkom, fil-kuxjenza tagħkom l-Ispirtu qaddis tal-Mulej.

Illum aħna nilqgħu lil Ġesù bħalma laqgħu f’dirgħajh Xmun bħala s-salvazzjoni li ħejja l-Mulej għall-popli kollha: ‘id-dawl biex idawwal il-ġnus u l-glorja tal-poplu ta’ Iżrael’ (v. 32). Salvazzjoni, dawl, glorja. Jekk aħna rridu nikkolegaw dan il-mument ta’ dawl, ta’ glorja, ta’ salvazzjoni fil-ħajja ta’ Ġesù, inħarsu lejn it-Trasfigurazzjoni fejn is-Salvatur ukoll jidher ukoll bħala dawl: ‘wiċċu sar jiddi bħax-xemx’ (Mattew 17:2) u jiddi fil-glorja tiegħu. Mhux ta’ b’xejn insejħulu wkoll fis-sbuħija tat-Tabor, bħala ‘is-Salvatur.’

Hemm ukoll kelma oħra fuq Ġesù li l-persuna kkonsagrata ma tistax taħrab minnha. Xmun iħares lejn omm it-tarbija, berikhom u qal lil Marija: ‘ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Israel; se jkun sinjal li jmeruh’ (Luqa 2:34) signum contradictionis. Il-persuna kkonsagrata, in-Nisrani mpenjat ikolli ngħid ukoll, ma jistax jevita din il-liġi, din il-providenza li jkun sinjal li jmeruh. L-ewwel nett għaliex il-ħajja tan-Nisrani imma b’mod speċjali l-ħajja tal-persuna kkonsagrata hija kontra l-kurrent u allura hemm din it-tensjoni kontinwa bejn l-ideali li huma espressi fl-ubbidjenza, fil-faqar, fil-kastità, u l-kontro-valuri ta’ dinja li tfittex l-awtonomija, li tfittex il-flus u l-pjaċir. It-talba tagħna hija li l-Mulej li jżurna meta jżurna, isibna bħal Xmun, persuni ġusti, twajba, mimlija tama għax kontinwament qegħdin fit-tensjoni li nistennew il-‘faraġ ta’ Iżrael’ mhux il-faraġ tad-dinja imma l-faraġ li jagħtina l-Mulej stess.

‘Nagħtikom il-paċi tiegħi, mhux bħalma tagħtihulkom id-dinja, il-paċi tiegħi’ (Ġw 14, 27). Meta aħna nitkellmu fuq il-paċi li jkun hemm fil-qalb, mhux qed nitkellmu fuq xi ħaġa li nħoss, għalkemm il-paċi b’mod speċjali fl-esperjenza tat-talb, hija wkoll sensibbli, imma hija xi ħaġa iżjed profonda, hija don tal-Mulej. Il-kriterju tal-paċi huwa l-kriterju ta’ min ir-rieda tiegħu hija marbuta mar-rieda ta’ Ġesù li fit-tribunal tal-kuxjenza tiegħu li huwa t-tribunal tal-verità, iħossu – mhux bil-ħass tas-sentimenti – imma bil-persważjoni li jagħti l-Ispirtu s-Santu, verament f’paċi ma’ Alla. Nistaqsu lilna nfusna: ‘aħna qegħdin f’paċi ma’ Alla?’ San Ġorġ Preca kien iħobb isemmi u jgħid: ‘Alla tagħna hu Alla tal-paċi’ u t-tislima tiegħu bħala rxoxt, bħala rebbieħ fuq il-mewt, hija ‘il-paċi magħkom.’

Għalhekk jiena nitlob anke bl-interċessjoni tal-qaddej ta’ Alla, Patri Avertan, bl-interċessjoni ta’ tant erwieħ ikkonsagrati li telqu qabilna bis-sinjal tal-fidi, biex aħna nkunu preżenza ta’ paċi vera fil-komunitajiet tagħna, bejnietna, u fis-soċjetà. Il-paċi ta’ min jistenna bil-ġustizzja u bit-tjieba, il-faraġ li jagħti l-Mulej, il-paċi ta’ min it-tama tiegħu fil-Mulej, il-paċi ta’ min iħobb bi mħabba tant kbira li jaf iħaddan saħansitra min għamel il-ħsara jew min iweġġgħu.

Niftakru llum ukoll mhux biss fi Xmun, imma ukoll fil-mara anzjana, qaddisa: f’Anna bint Fanwel li ‘kienet imdaħħla fiż-żmien’ – bħal ħafna membri tal-ħajja kkonsagrata llum, mhux bilfors kienu miżżewġin bħalha, imma din ‘għamlet seba’ snin miżżewġa, imbagħad baqgħet armla. Sakemm kellha erbgħa u tmenin sena’ – u qed nara xi wħud li jfakkruni f’din l-età – ‘ma kinetx titwarrab mit-tempju, lejl u nhar kienet taqdi fis-sawm u t-talb’ (Luqa 2:37). Kemm hu ritratt sabiħ ta’ Anna, bint Fanwel, li kienet għaddiet minn diversi mħabbiet, kellha wkoll it-togħma tal-imħabba miżżewġa, imma mbagħad minħabba li sfat armla żagħżugħa, sabet ukoll l-imħabba fit-tempju, ‘lejl u nhar kienet taqdi fis-sawm u fit-talb.’

Kemm hi ħaġa sabiħa li din il-preżenza tkun ukoll preżenza fekonda fil-Knisja, il-preżenza ta’ nisa ferħana bl-għotja tagħhom li lejl u nhar jaqdu lill-Mulej ‘fis-sawm u t-talb.’ Hi wkoll bdiet tfaħħar l’Alla u ‘titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm’ (v.38). Anna hija dik li tintgħażel biex tibda titkellem dwar it-tarbija. Xmun jagħraf it-tarbija, li hija l-Messija, is-salvazzjoni, id-dawl u l-glorja, jagħti l-profezija lil ommu u lil żewġha Ġużeppi, imma hija Anna magħżula biex ‘titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm.’ Tgħiduli: ‘mhux bilfors la mara?’ Mhux bilfors, imma l-mara, fost dawn iż-żewġ profeti, hija magħżula biex tkun l-evanġelista li twassal l-aħbar it-tajba ma’ kull min kien qiegħed jistenna.

Il-poplu tagħna huwa għatxan għal din l-Aħbar it-Tajba. Għandu bżonn nisa li filwaqt li jgħaddu ħajjithom fit-tempju ‘lejl u nhar fis-sawm u fit-talb’ isibu wkoll il-ħin, il-ferħ li jitkellmu fuq Ġesù ma’ min forsi qiegħed jistennih, jixxennaq għalih mingħajr ma jaf. Kemm nies għandhom kull ma jridu u qishom m’għandhom xejn. Kemm nies li jagħmlu l-esperjenzi tal-kontro-valuri tal-awtonomija, tar-rikezza u tal-pjaċiri tad-dinja, iħossu vojt kbir fil-qalb tagħhom. Forsi warrbu lil Ġesù għax jiddejqu jersqu lejh, forsi għax ħassew u jħossu li aħna se nikkundannawhom, li m’hemmx post għalihom fit-Tempju u hemm bżonn isibu min, li t-tempju jafu sew, li ‘fis-sawm u fit-talb’ waslu f’intimità ma’ Alla li hu imħabba u jisimgħuh jitkellem fuq it-tarbija ta’ Betlehem.

Nitolbu l-interċessjoni ta’ Patri Avertan u ta’ tant erwieħ oħra kkonsagrati għall-vokazzjonijiet. Ikun futur fqir għal Malta jekk ikollha tiftaqar mill-preżenza tar-reliġjużi, tal-Istituti Sekulari u tal-Verġni kkonsagrati. Din il-kelma ta’ tjubija, din il-kelma profetika, intom tafu li għandna bżonnha, intom tafu wkoll li hemm urġenza li din ngħadduha minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Nitolbu lil Sid il-ħsad biex mhux biss jibgħat ħaddiema, imma wkoll profeti fl-għalqa tiegħu. Nitolbu llum lill-Madonna fil-misteru tal-ferħ tal-preżentazzjoni ta’ Binha fit-tempju hi li ma kellhiex l-opportunità li toffri l-offerta tas-sinjuri. M’offrietx ħaruf, imma offriet, għax dak l-unika offerta li jsemmi San Luqa, żewġt bċieċen. Infatti hemm ikonografija ħelwa ta’ San Ġużepp bil-gaġġa biż-żewġ bċieċen jew gamiem. Imma fl-istess ħin kienet għanja ħafna għax lit-tempju tagħti żewġ għasafar u f’idejha kienet qed tħaddan l-Ħaruf ta’ Alla. Ma kellhiex bżonn iġġib ħaruf magħha dik li kellha fi ħdanha lill-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja. U dik li fl-għajnejn tad-dinja, il-mara tal-mastrudaxxa kienet fqira, kienet għanja imma għaliex kellha fi ħdanha l-ħaruf ta’ Alla, kienet ukoll imnebbħa permezz ta’ Xmun bit-tbatija li kellha tgħaddi minnha. Dan ukoll huwa allura mument ta’ dulur. Intom tafu, li fid-devozzjoni popolari dan l-episodju għandu żewġt uċuħ: misteru tal-ferħ u wieħed mid-duluri ta’ Marija Santissima, meta Xmun jgħidilha: ‘u inti, sejf jinfidlek ruħek’ (v. 35).

Ejjew ningħaqdu magħha fil-ferħ tagħha u fid-dulur tagħha u nafdaw lill-Knisja f’Malta f’idejn ta’ San Ġużepp li ma jitkellimx, imma sema’ kollox u kellu ħarsa qalila lejn Xmun x’ħin beda jisma’ bis-sejf, imma mbagħad irrealizza li hu kellu wkoll jitgħallem li din it-tarbija mħabbra fil-ħolm lilu u li hu kellu jsemmih Ġesù, mhux kellu jkun salvazzjoni, dawl, u glorja imma wkoll ħaruf tas-sagrifiċċju, sinjal li jmeruh. Jalla aħna wkoll ikollna l-kuraġġ nilqgħu lil Ġesù fid-dawl tiegħu u fis-salib tiegħu biex hekk aħna wkoll bħal tant qaddisin qabilna, inkunu nies ġusti u twajba li ‘jistennew il-faraġ ta’ Iżrael u l-Ispirtu s-Santu ikun fuqna.’ “

Links about Patri Avertan Fenech:  

  1. http://www.bambinanaxxar.org/2017/01/ftu-tal-kawza-gall-beatifikazzjoni-u.html
  2. https://laikosorg.files.wordpress.com/2018/04/avvizcc87.pdf
  3. https://laikosblog.org/2017/10/14/il-beatifikazzjoni-u-l-kanonizzazzjoni-ta-patri-avertan-fenech/
  4. https://www.facebook.com/avertanfenech/
  5. http://thechurchinmalta.org/mt/posts/66234/ftuh-tal-kawza-ghall-beatifikazzjoni-u-ghall-kanonizzazzjoni-ta-patri-avertan-fenech-1871-1943-
  6. https://www.tvm.com.mt/en/news/beatification-process-starts-of-patri-avertan-fenech/
  7. http://www.independent.com.mt/articles/2016-12-11/newspaper-letters/The-Carmelite-Fr-Avertan-Fenech-who-lived-a-life-of-prayer-1871-1943-6736167741
  8. http://netnews.com.mt/2017/10/14/tinghalaq-l-inkjesta-djocesana-ghall-kawza-tal-beatifikazzjoni-u-l-kanonizzazzjoni-ta-patri-avertan-fenech/
  9. http://thechurchinmalta.org/mt/posts/73344/ritratti-l-gheluq-tal-process-djocesan-ghallkawza-talbeatifikazzjoni-ta-patri-avertan-fenech-
  10. https://www.facebook.com/karmelitani/photos/a.1699048750340715/2611791175733130
  11. https://www.facebook.com/karmelitani/photos/a.1699048750340715/3040112506234326/

Nota: It-Tagħrif dwar il-Qaddej ta’ Alla Patri Avertan Fenech huwa meħud mis-sit tal-Parroċċa ta’ Marija Bambina tan-Naxxar.

1 ta’ Lulju: Beatu Nazju Falzon

Verżjoni Vidjo: Beatu Nazju Falzon

Fl-imġiba tiegħu magħhom (in-nies tas-Servizzi Ingliżi), li ftit biss minnhom kienu Kattoliċi, għex minn qabel l-ispirtu ekumeniku ta’ rispett u djalogu, li llum aħna midħla tiegħu imma li dak iż-żmien ma kienx daqshekk mifrux.” – Il-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Beatu Nazju Falzon f’Jum il-Beatifikazzjoni tiegħu.

bienheureux-ignace-nazju-falzon-1813-1865BEATU NAZJU FALZON
Kjeriku
1813 – 1865

Nazju Falzon twieled fl-1 ta’ Lulju, 1813 fil-belt Valletta, minn ġenituri magħrufa għall-onestà u t-tjubija tagħhom. Missieru kien l-Avukat Ġużeppi Falzon li wara laħaq imħallef; u ommu, is-Sinjura Marija Tereża Debono. Nazju ġie mgħammed l-għada li twieled, fil-Knisja ta’ San Duminku tal-Belt.

Kien tifel intelliġenti u mexa ħafna ’l quddiem fl-iskola, mhux biss fi grad elementari u sekondarju, iżda wkoll fl-università fejn studja kemm il-liġi kif ukoll it-teoloġija. Meta kellu 21 sena kien diġà kiseb lawrja ta’ avukat u oħra fit-teoloġija.

Minħabba l-umiltà tiegħu, Nazju ma riedx isir saċerdot u ħa biss l-ordnijiet minuri fl-1831. Kellu żewġ ħutu saċerdoti Mons. Kalċidon u Mons. Franġisk, kamrier sigriet tal-Papa.

Il-fidi kbira tiegħu kienet tidher fil-qima li kellu lejn Ġesù fl-Ewkaristija. Anke meta kellu l-istudju u l-eżamijiet qatt ma ħalla l-quddiesa u t-tqarbina ta’ kuljum. Kien iżur diversi knejjes fl-istess jum biex jinviżta lil Ġesù Sagramentat u skont ix-xhieda ta’ Patri Franġiskan, Nazju ġieli dam tliet sigħat għarkupptejh quddiem it-tabernaklu.

Nazju Falzon f’ħajtu għamel ħafna karità moħbija; ġieli bagħat il-flus lil xi familji u foqra u dejjem iwissihom biex ma jgħidu lil ħadd. Iżda wara mewtu xandru ma’ kullimkien il-ġenerożità tiegħu.

Il-karità spiritwali li kellu l-Beatu Falzon dehret fuq kollox fit-tagħlim tad-duttrina li kien jagħti mhux biss lit-tfal, iżda wkoll lill-kbar: mas-suldati u mal-baħrin Ingliżi, Nazju wettaq appostolat ta’ konverżjonijiet, wassalhom biex jaċċettaw il-Fidi Nisranija. Flimkien ma’ ħuh Mons. Kalċidon, wassal għall-konverżjoni iktar minn 600 żagħżugħ u raġel, kemm Protestanti kif ukoll xi Lhud u Għarab.

Ħadem ħafna wkoll għall-vokazzjonijiet, kien devot kbir tal-Imqaddsa Verġni Marija u sa mewtu, minn mindu kellu 7 snin ħa d-drawwa li jirreċita 15-il posta tar-Rużarju ta’ kuljum. Kien jitkellem bl-ikbar ħeġġa fuq il-qawwa tar-Rużarju Mqaddes. Kellu wkoll devozzjoni tal-ħames salmi, barra milli kien jgħid kuljum l-uffiċċju ż-żgħir tal-Madonna.

Huwa miet fl-1 ta’ Lulju, 1865 proprju dakinhar li għalaq 52 sena. Xħin qam filgħodu, ħassu ma jiflaħx, għalhekk qal lil ħuh, “Għażiż ħija, ser nitolbok, li llum ma tħallinix.” Wara li għamel xi ħin jitlob, assistit minn ħuh, ħalla din d-dinja u ngħaqad m’Alla għal dejjem.

Ġie bbeatifikat f’Malta nhar id-9 ta’ Mejju tas-sena 2001, mill- Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II fl-għeluq tal-pellegrinaġġ ġubilari tiegħu fuq il-passi ta’ San Pawl, li ħadu wkoll fil-Greċja u s-Sirja.

Ħsieb: Dan hu kliem il-Papa San Ġwanni Pawlu II dwar il-Beatu Nazju Falzon:

“Il-Qaddej ta’ Alla Nazju Falzon ukoll kellu ħerqa biex jipprietka l-Evanġelju u jgħallem il-fidi Kattolika. Huwa wkoll uża t-talenti u t-taħriġ intellettwali tiegħu għas-servizz tal-ħidma kateketika. L-Appostlu Pawlu kiteb li ‘kull wieħed għandu jagħti skont ma jidhirlu hu minn rajh, mhux fuq il-qalb jew bilfors; għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.’ (2 Korintin 9:7) Il-Beatu Nazju kien wieħed li ta bil-bosta u bil-qalb; u n-nies raw fih mhux biss enerġija bla tarf imma wkoll paċi profonda u mħabba. Ċaħad is-suċċess tad-dinja li kien imħejji għalih mit-trobbija tiegħu biex jaqdi l-ġid spiritwali ta’ oħrajn, inklużi l-ħafna suldati u baħrin Ingliżi li kienu stazzjonati Malta dak iż-żmien. Fl-imġiba tiegħu magħhom, li ftit biss minnhom kienu Kattoliċi, għex minn qabel l-ispirtu ekumeniku ta’ rispett u djalogu, li llum aħna midħla tiegħu imma li dak iż-żmien ma kienx daqshekk mifrux.

Nazju Falzon ħa l-qawwa u l-ispirazzjoni mill-Ewkaristija, mit-talb quddiem it-Tabernaklu, mid-devozzjoni lejn Marija u lejn ir-Rużarju, u mill-imitazzjoni ta’ San Ġużepp. Dawn huma għejun ta’ grazzja minn fejn l-insara kollha jistgħu jixorbu. Il-qdusija u l-ħeġġa għas-saltna ta’ Alla jitkattru speċjalment fejn il-parroċċi u l-komunitajiet iħeġġu t-talb u d-devozzjoni lejn is-Sagrament Imqaddes. Inħeġġiġkom, mela, biex tgħożżu t-tradizzjonijiet tagħkom Maltin ta’ qima, filwaqt li ssaffuhom fejn meħtieġ u ssaħħuhom b’tagħlim u katekeżi sodi. M’hemmx triq oħra aħjar biex tqimu l-memorja tal-Beatu Nazju Falzon.”

Fil-Volum “Positio Super Virtutibus” li fih inġabru d-dokumenti kollha fuq il-ħajja tal-Beatu Nazju Falzon biex beda l-proċess tal-Kanonizzazzjoni, insibu fatt ħelu dwar vokazzjoni ta’ Patri Franġiskan Konventwal. Fi żmien Nazju, pajjiżna kien kolonja Ingliża u għalhekk il-portijiet Maltin kienu mimlija suldati u baħrin Ingliżi. Fi żmien il-Gwerra tal-Krimea (1853-1856) ħafna reġimenti, kienu stazzjonati f’Malta. Fil-Port il-Kbir kont tara ankrati vapuri tal-flotta Ingliża, bid-duħħan ħiereġ miċ-ċmieni sofor tagħhom dejjem lesti biex isalpaw għal xi destinazzjoni ġdida.

Il-Beatu Nazju Falzon li kien imdawwar minn mijiet ta’ suldati u baħrin Ingliżi li ta’ kuljum kienu jimlew it-toroq tal-Belt xtaq li jkun ta’ ġid għalihom. Kellu bħal don speċjali kif kien jitħabbeb magħhom u kien jistidinhom għal-laqgħat tad-duttrina. Għall-ewwel kien jiġborhom fid-dar tiegħu fi Triq id-Dejqa l-Belt. Dawn kienu jkunu fil-maġġoranza tagħhom Kattoliċi Irlandiżi. Magħhom kien ikun hemm oħrajn li kienu jitħajru jitgħammdu. Oħrajn kienu jmorru biex jiftħu qalbhom miegħu. Mhux biss, iżda ħafna drabi kien isir jaf personalment il-familja tagħhom, b’mod speċjali ta’ dawk li kienu stazzjonati f’Malta u kien jieħu ħsiebhom spiritwalment.

Il-familja Doyle ta’ nazzjonalità Irlandiża kienet għadha kemm waslet Malta minn Korfu u ġiet togħqod f’Tas-Sliema. Mill-ewwel saret midħla tal-Beatu Falzon u flimkien ma’ wliedhom kienu jmorru l-Belt biex jgħidu r-rużarju fil-laqgħat li l-Beatu kien jagħmel fil-Knisja tal-Ġiżwiti.

Darba wieħed mit-tfal tal-Familja Doyle, li kien jismu Frederick, kellem lill-Beatu Falzon biex jieħu parir dwar il-vokazzjoni reliġjuża tiegħu. Hu xtaq isir Franġiskan. Nazju Falzon kien ilu jsegwi liż-żagħżugħ b’interess kbir. Jum fost l-oħrajn ħadu fil-kunvent ta’ San Franġisk fi Triq Irjali (illum Triq ir-Repubblika), il-Belt Valletta. Hemm sab lill-Majjistru Patri Pawl Anton Sillato (1803-1877), Superjur tal-Franġiskani Konventwali ta’ Malta, saċerdot bravu u ta’ ħajja qaddisa. Patri Sillato kien magħruf sew fost il-Kleru kollu ta’ Malta, minħabba li f’dak iż-żmien kien id-Direttur Spiritwali tas-¬Seminarju tal-Isqof, fi Triq San Kalċidon, il-Furjana. Il-Beatu Nazju Falzon ħalla liż-żagħżugħ f’idejh u Patri Sillato bi mħabba kbira laqa’ lil Frederick Doyle fil-kunvent.

Kien is-sajf tas-sena 1853. Patri Sillato avviċina lill-ġenituri taż-żagħżugħ, Patrick u Jane Doyle, u wara ftit taż-żmien it-tifel tagħhom Frederick daħal mal-Patrijiet ta’ San Franġisk ta’ Putirjal il-Belt. Frederick Doyle twieled Longford, fl-Irlanda, fl-4 ta’ Frar 1641. Fit-30 ta’ Diċembru, 1853 libes l-abitu Franġiskan għall-ewwel darba fil-knisja ta’ San Franġisk il-Belt. Tawh l-isem ta’ Fra Frederick Bonaventure. Ftit wara mar Sqallija u beda l-istudju tal-Letteratura fis-Seminarju tal-Franġiskani f’Messina. Imbagħad wara sentejn is-Superjuri bagħtuh fil-Kunvent ta’ Santi Appostoli f’Ruma fejn għamel is-sena tan-Novizzjat. Fis-17 ta’ Settembru 1857, festa tal-Pjagi ta’ San Franġisk għamel il-Professjoni Solenni.

Fra Frederick Bonaventure kompla l-istudju tal-filosofija f’Recanati fil-Provinċja tal-Marche fl-Italja. Kien żmien meta l-Ordni tal-Franġiskani Konventwali kien qiegħed ifittex jiftaħ dar ġdida fl-Istati Uniti tal-Amerika. Għalhekk fis-sena 1858, Fra Frederick Bonaventure ntgħażel biex imur l-Amerika mal-ewwel grupp ta’ patrijiet. Kien għadu student. Fl-Istati Uniti studja t-teoloġija u kien ordnat Saċerdot.

Patri Frederick Bonaventure Doyle ħadem fost l-emigranti Irlandiżi fi New York. Fis-sena 1865 reġa’ lura fl-Italja u kien konfessur għal-lingwa Ingliża fis-Santwarju ta’ Loreto. U mbagħad fis-sena 1870 sar penitenzier appostoliku fil-Bażilka ta’ San Pietru fil-Vatikan. Fis-sena 1876 irċieva l-Lawrja fit-Teoloġija.

Matul dan iż-żmien kien qiegħed iħossu muġugħ u marid ħafna. Is-saħħa baqgħet dejjem tonqsu u għalhekk fuq il-parir tat-tobba reġa’ lura lejn l-Amerika fil-25 ta’ Ottubru, 1878. Patri Doyle waqt il-marda twila tiegħu kien ta’ eżempju għal kulħadd. Il-bidu tal-vokazzjoni reliġjuża kienet ir-reċita tar-rużarju ta’ kuljum fil-¬knisja tal-Ġiżwiti flimkien mas-suldati u sa l-aħħar nifs ta’ ħajtu baqa’ devot tal-Madonna, kif għallmu jagħmel dejjem il-Beatu Nazju Falzon.

Patri Frederick Bonaventure Doyle miet fil-Kunvent ta’ St. Joseph, 702 Columbia Street, Utica, New York, fis-sena 1885.

Ejjew inroddu ħajr minn qalbna lil Alla l-Missier, li fil-ħniena kbira tiegħu, għoġbu jagħżel lil dan ħuna, Malti bħalna u Belti, biex ikun eżempju ta’ qdusija u ta’ impenn fit-tixrid tat-tagħlim tal-Bxara t-Tajba lil ħutu Maltin u lill-barranin.

U int, issib il-qawwa u l-ispirazzjoni tiegħek:

  • mill-Ewkaristija, mit-talb quddiem it-Tabernaklu?
  • mid-devozzjoni lejn Marija u lejn ir-Rużarju?
  • u mill-imitazzjoni ta’ San Ġużepp?

Talba: Mulej, Alla tagħna, int fil-kobor tal-ħniena tiegħek, tagħżel minn fostna bnedmin bħalna biex iservuna u jgħinuna niksbu u nżommu d-don tal-fidi u tal-paċi tiegħek. Aħna niżżukħajr għall-grazzja li għoġbok tagħżel minn fostna lil ħuna l-Beatu Nazju Falzon, li bit-tagħlim u l-ħidma tiegħu kien ta’ għajnuna għall-Maltin u s-suldati ta’ żmienu; bit-talb tiegħu, ħa jkun illum ta’ konfort għalina u għal kull min jersaq lejh. Nitolbuk li jekk hi r-rieda tiegħek, jiġi magħdud fost il-qaddisin tiegħek. Ammen.  

English Version: https://catholicsaints.info/blessed-nazju-falzon/

Alternative Reading: http://ginadwithsaints.blogspot.com/2011/07/day-300-blessed-nazju-falzon.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Nazju_Falzon

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Parti mill-Ħsieb huwa kitba ta’ P. Arthur Joseph Saliba OFMConv.

21 ta’ Ottubru: Santa Ursula

Verżjoni Vidjo: Santa Ursula

“Lilkom kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi imma min jibqa’ jżomm sħiħ sal‑aħħar, dan isalva”. – Ġesù  f’Mattew 10:22

st_ursula_foto_400SANTA URSULA
Verġni u Martri
975 – ?

Tagħrif: Santa Ursula kienet bint ta’ Re Kattoliku tas-Seklu 4 bl-isem ta’ Kristjan fil-Gran Brittanja. Hija kienet tifla sabiħa, intelliġenti, spuntanja u taf tmur man-nies. Ursula kienet tifla spiritwali u ta’ età bikrija kkonsagrat lili nnifisha lil Alla u ddeċidiet li tibqa’ verġni minħabba l-imħabba tagħha lejn Kristu.

F’dak iż-żmien, il-bniet żgħażagħ ma kinux jagħżlu huma stess l-irġiel li jkunu jixtiequ jiżżewġu, imma kienu l-ġenituri tagħhom li jagħżlu għalihom. Kien hemm re ta’ tribu qawwija, li talab lill-missier Ursula biex hi tiżżewweġ lil ibnu Ethereus. Il-re pagan bagħat ambaxxaturi lil missierha b’offerti ta’ somom kbar ta’ flus u wegħdiet oħra jekk dan iż-żwieġ iseħħ. Madankollu, żiedu theddid terribbli ta’ x’jista’ jiġri jekk iż-żwieġ ma jsirx. Missier Ursula ġie maħkum mill-biża’ għal tliet raġunijiet: kien jibża’ mir-reazzjoni vjolenti tar-re; kien jaf li x’aktarx Ursula ma kinitx ser taqbel ma’ dan iż-żwieġ; kemm hu kif ukoll Ursula kienu jippreferu żwieġ Kristjan.

Imma b’sorpriża kbira għal missierha, Ursula, ispirata minn Alla, qablet ma’ dan iż-żwieġ, iżda b’ċerti kundizzjonijiet biss.

  • Kellhom jitqegħdu għad-dispożizzjoni tagħha għaxar tfajliet.
  • Kull tfajla kellha tkun akkumpanjata minn elf tfajla oħra.
  • Ir-rejiet kellhom jipprovdu vapuri għall-vjaġġ.
  • Ursula kellha tingħata tliet snin biex tiddedika ruħha lil Alla.
  • Il-prinċep li kien se jsir żewġha kellu jingħata istruzzjonijiet biex imbagħad jitgħammed u jsir Kristjan.

Ursula fil-fatt ħasbet li l-proposti kienu se jiġu rtirati minħabba dawn il-kundizzjonijiet – iżda għall-kuntrarju, ir-re aċċetta t-talbiet ta’ Ursula u riedhom jiġu mwettqa minnufih.

Missier Ursula stieden ukoll grupp ta’ żgħażagħ biex jakkumpanjawha u ż-żgħażagħ bdew jaslu mid-direzzjonijiet kollha biex jingħaqdu magħha tul dan il-vjaġġ. Matul il-vjaġġ, Ursula kkonvertit il-bniet kollha għall-Kristjaneżmu u dawn  waslu f’Kolonja, il-Ġermanja. Hawnhekk anġlu deher lil Ursula u qalilha li hi u l-kumpanni kollha tagħha kienu se jirritornaw f’dan il-post u jirbħu l-kuruna tal-martirju.

Huma komplew il-vjaġġ tagħhom lejn Ruma u l-Papa Cyriacus kien kuntent li jarahom peress li huwa stess kien mill-Gran Brittanja u kien jaf lil ħafna mill-kumpanni li kienu qed jivjaġġaw ma’ Ursula. Dak il-lejl il-Papa rċieva messaġġ mingħand anġlu, li hu wkoll, flimkien ma’ Ursula u l-kumpanni tagħha, kien se jikseb il-kuruna tal-martirju. Ftit jiem wara, il-Papa talab biex jingħaqad mal-grupp ta’ Ursula. Huwa poġġa lil Papa ieħor minfloku bl-isem ta’ Ametos. Il-Papa Cyriacus, Ursula u l-kumpanni tagħha bdew ir-ritoron tagħhom lejn il-Kolonja.

Il-Huns kienu jibżgħu li l-Kristjaneżmu kien se jsir popolari u li ħafna nies isiru Kristjani. Huma ġabru armata u ppjanaw li joqtlu lil Ursula u lill-kumpanni tagħha meta dawn jaslu l-Kolonja.

Lura fil-Gran Brittanja, Etherius li issa sar re ngħata messaġġ minn anġlu li Ursula kienet għaddejja lejn il-Kolonja mal-Papa u mal-ħbieb tagħha u li għandu jmur malajr u jingħaqad magħhom. Huwa wkoll kien se jsir martri. Etherius telaq għall-Ġermanja u ltaqa’ ma’ Ursula u mal-kumpanni tagħha f’Kolonja.

Meta Ursula u l-kumpanni tagħha waslu f’Kolonja ltaqgħu mal-Huns li kienu biss interessati fin-nisa għall-pjaċir. Ursula u t-tfajliet kollha li kienu magħha rreżistew din il-vjolazzjoni. Ġulju, mexxej tal-Huns, ta struzzjonijiet lill-armata tiegħu biex joqtolhom kollha, inklużi Etherius u l-Papa Cyriacus. Ġulju ddeċieda li ma joqtolx lil Ursula għax hu ħaseb li kienet tant sabiħa li ried jiżżewwiġha. Ursula rrifjutat b’mod sod il-proposta tiegħu għax riedet iżżomm il-wegħda li kienet għamlet lil Alla biex tibqa’ verġni. Ġulju tant irrabja li waddbilha vleġġa, li laqtitha f’qalbha u qatlitha. U hekk Ursula u l-kumpanni tagħha ħadu l-martirju fil-Kolonja.

Angela Merici (ara Angela Merici) waqqfet l-Ursulini fl-1535 fl-Italja. Dak iż-żmien l-istorja ta’ Ursula kienet popolari ħafna u n-nies kollha kienu familjari magħha u kienu jitolbuha. Angela kienet qed tistieden nisa żgħażagħ biex jgħixu ħajja ta’ verġinità u biex ikunu ta’ servizz għal ħaddieħor. Hija għażlet lil Ursula bħala mudell għaliha nnfisha u għall-kumpanni tagħha u hekk sal-lum baqgħu magħrufa bħala Ursulini.

Devozzjoni lejn Santa Ursula fil-gżejjer tagħna
Ta’ min jinnota li fil-gżejjer tagħna, id-devozzjoni lejn din il-Prinċipessa kienet fil-quċċata tagħha matul il-Medju Evu. Ħafna talbu lilha għall-protezzjoni matul il-gwerra, oħrajn għall-mewt fil-paċi. (Litaniae Ursulanae pro felici morte). Kienet meqjusa bħala l-qaddisa patruna tal-għalliema u n-negozjanti tad-drapp. Is-snin bejn is-sekli 12 u 15 raw it-twelid tal-kommunitajiet u l-kongregazzjonijiet reliġjużi taħt il-patrunanza tagħha.

Id-devozzjoni Maltija tmur lura għas-seklu 15. Kien hemm diversi knejjes u kappelli ddedikati lilha, inkluża waħda li nbniet fl-1467 minn Randino u Pawla Vella. Fl-1646, insibu kuntratt li jsemmi Ġnien ta’ Santa Ursula. Post ieħor iddedikat lil Santa Ursula huwa altar fil-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù fil-Belt Valletta.

L-Għawdxin, min-naħa l-oħra, iqisu lil Santa Ursula bħala ko-patrona tal-gżira ċkejkna tagħhom flimkien ma’ San Ġorġ. Id-devozzjoni tmur lura għall-1614. Il-ġurnata ddedikata lill-patruna ġiet ikkunsidrata bħala ġurnata ta’ festa. Id-devozzjoni Għawdxija tista’ tidher anki f’testmenti bħal dik ta’ Dianora Vella li talbet li tvalja tiġi mogħtija lill-altar tagħha. Saret ukoll purċissjoni ad unur tagħha f’azzjoni ta’ ħajr meta l-gżira ġiet meħlusa minn traġedji li setgħu ġew ikkawżati mit-terremot tal-1693. Fl-1698, il-kleru wiegħed li din il-purċissjoni kienet se tibqa’ ssir kull sena.

Ħsieb: Dan li ġej huwa diskors tal-Arċisqof Charles J. Scicluna fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Ursula 2016:

“Aħna u niċċelebraw il‑martri, bħalma qegħdin niċċelebraw illum lil Santa Ursula, ma niqfux nitolbu għad‑don tal‑qawwa, li jagħtik il‑ħeġġa u l‑għerf spiritwali li permezz tagħhom tagħżel it‑tajjeb u tevita l‑ħażin, anzi twarrbu.

Il‑Mulej jitkellem dwar il‑firda li jista’ jkun hemm saħansitra bejn il‑familji minħabba l‑Kelma tiegħu: ‘għad jerħukom f’idejn il‑qrati, jagħtukom is‑swat fis‑sinagogi tagħhom, itellgħukom quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija.’ Għalkemm dan kollu jsir b’għan persekutorju, il‑Mulej jgħid: “biex tagħtu xhieda quddiemhom u quddiem il‑pagani” (Mattew 10:17‑18).

In‑Nisrani m’għandux jippretendi ħajja komda għax il‑Mulej ma wegħedniex ħajja komda u l‑esperjenza tad‑dixxipli qatt ma kienet hekk. Iva, wegħedna li minkejja l‑persekuzzjoni, minkejja li nħossuna li aħna limitati, li ħaddieħor jimxi f’karriera, fin‑negozju, fl‑għana, fil‑poter, u inti għax inti dixxiplu, le. L‑effett tax‑xhieda tiegħek mhix fil‑kontroll tiegħek, m’għandek l‑ebda dritt, lanqas mir‑rieda tiegħek, imma mill‑pjan ikbar u mill‑providenza ħafna ikbar tal‑Mulej. Din hija dejjem providenza ta’ ħniena, ta’ mħabba u għalhekk providenza ta’ libertà.

‘Lilkom kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi imma min jibqa’ jżomm sħiħ sal‑aħħar, dan isalva’ (Mattew 10:22). Il‑Mulej jitlob minna l‑paċenzja tal‑perseveranza. Ħafna drabi t‑tentazzjoni tan‑Nisrani li jkun iġġieled u jirritorna d‑dar mimli feriti tat‑taqbida, hija li jaqta’ qalbu, ‘dan it‑taħbit kollu għalfejn?’ Il‑Mulej jitlobna l‑perseveranza li nżommu sħiħ sal‑aħħar. Is-salvazzjoni, għal min iżomm sħiħ sal‑aħħar, hija esperjenza li tibda minn din id‑dinja, mhix xi ħaġa utopika li ssibha ’l quddiem. Aħna ma nwiegħdux affarijiet li ma nkunux diġà bdejna ngħixuhom minn hawn. Min irid jemmen fil‑ġenna, jobdi lil Ġesù u jibda jkollu esperjenza tagħha minn hawn, u tgħiduli: ‘kif se tkun din? Il‑paċi fil‑qalb tiegħek’ Tgħidli: ‘imma jiena f’kompromess mal‑ħażen.’ Itlob maħfra, patti għal dnubietek u dik il‑paċi li tħoss meta tkun irrikonċiljat mal‑Mulej, hija l‑anti-camera tal‑esperjenza tal‑ġenna.

Fil‑każ ta’ Santa Ursula aħna qegħdin ukoll nirringrazzjaw lill‑Mulej għad‑don tal‑verġinità. Fit‑talba tal‑Knisja spiss jissemma d‑don tas‑safa. Is‑safa hija vokazzjoni għal kulħadd: għall‑miżżewġin u għal min mhux miżżewweġ. Hija r‑rispett fundamentali tal‑ġisem ta’ kull wieħed u waħda minna, kemm f’atteġġjament personali kif ukoll fl‑atteġġjament tal‑proxxmu, għax lill‑proxxmu aħna rridu nuruh l‑imħabba. Fiż‑żwieġ, ir‑raġel juri l‑imħabba lejn martu, u martu lejn żewġha, dik ukoll hija esperjenza ta’ safa għax is‑safa mhix li l‑lingwaġġ sesswali jieqaf imma li jkun approprjat ‑ kollox f’waqtu u f’ħinu. Iż‑żwieġ huwa mbierek, huwa safi.

Inħoss li din, hija s-sejħa li l-Mulej qed jagħmel lil kulħadd. Illum dan hu l‑għan tagħna, li nitolbu maħfra lill‑Mulej f’kull mument ta’ ħajjitna u hekk inkunu nistgħu nimitaw is‑safa tal‑martri. Mhux għax ma nitolbux, imma għaliex kull meta nitolbu, nirrealizaw li għandna bżonn nersqu lejn il‑maħfra li jagħti l‑Mulej. Irridu niċċelebraw is‑safa tal‑verġni li kienet safa indivisa: l‑imħabba ta’ Ġesù l‑għarus tagħhom, imħabba esklussiva. Ursula ħabbet lil Ġesù u fil‑proxxmu tagħha rat lilu.

Hija sejħa ta’ kull Nisrani għax is‑safa tal‑qalb mhix kwistjoni biss tas‑sitt kmandament imma fuq kollox hija tal‑ikbar kmandament: “ħobb lil Alla bil‑qalb tiegħek kollha, b’moħħok, bl‑ispirtu, bir‑ruħ tiegħek, u lil għajrek bħalek innifsek.” Is‑safa tal‑qalb hija li jiena f’ħija nara l‑ikona ta’ Ġesù, l‑immaġini tal‑Imgħallem, mhux xi ħadd li jiena nisfrutta, jew inkella ninqeda bih fl-aspett soċjali, f’kull aspett u f’kull livell. Dik hija s‑safa, is‑safa tal‑qalb li għandna bżonn nimitaw aħna u nagħtu unur lill‑martri verġni flimkien mad‑don tal‑qawwa. Il‑mewt tal‑martri hi meqjusa, għal min ma jemminx, bħall-qerda, kif naqraw fil-Ktieb tal-Għerf, “qishom sfaw fix-xejn għax twarrbu mid-dnub, iżda huma jinsabu fis‑sliem.” “Il‑martirju” kif iħobb jgħid il‑Papa Franġisku, “huwa karatteristika tal‑Knisja u tax‑xhieda tagħha.” Wara kollox il‑kelma ‘xhieda’ bil‑Grieg tfisser ‘martus.’ Il‑kelma martri tfisser xhud.

Aħna rridu nsellmu llum waqt li nfakkru lil Sant’Ursula, lil tant Insara li huma persegwitati mingħajr ma jinqatlu għax huma diskriminati, għax huma mhumiex vantaġġjati bħal ħaddieor, għax il‑metodi tagħhom huma antikwati, huma l‑martri tal‑lum. Niftakru wkoll f’dawk minn sħabna Kattoliċi u Nsara li qegħdin jinqatlu għall‑Isem ta’ Ġesù, mhux il-bieraħ, imma llum stess. Insellmu lil dawn ħutna li ġew insejħa għal din l‑għotja totali bħal dak is‑saċerdot Franċiż li spiċċa b’għonqu mħanxar għarrkubbtejh quddiem l‑artal. Dawn huma ġrajjiet tal‑lum, mhux tal‑bieraħ!

Aħna u niċċelebraw il‑martri tal‑bieraħ, niftakru fil‑martri tal‑lum mhux biex naqtgħu qalbna, imma biex nagħmlu kuraġġ għaliex il‑kelma tal‑appostlu Missierna tibqa’ vera u mhix marbuta. “Jekk Alla huwa magħna. min jista’ jkun kontra tagħna?” (Rumani 8:31). “La ż‑żmien ta’ issa u la ta’ li ġej, la s‑setgħat, la l‑għoli u lanqas il‑fond, u l‑ebda ħlieqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill‑imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù” (Rumani 8:38‑39).”

  • Inti qed tgħixha s-safa li l-Mulej jixtieq jara fik?
  • Tħobb kif iħobb Kristu?
  • Kif qed taġixxi meta tiltaqa’ mal-iebes u l-kuntrarju propju għax qed tipprova tgħix ta’ nisrani/ja?
  • X’jiswa għalik, li tagħmel dak li taf li jogħġob lil Alla jew li ma tagħmilx dak li taf li ma jogħġbux, jew li tagħmel dak li jaħsbu l-bnedmin ta’ bla fidi?

Talba: O Alla, li tajt il-grazzja lil dawn il-verġni kkonsagrati lilek, tal-kuraġġ biex jiffaċċjaw, flimkien ma’ Ursula bħala l-mexxej tagħhom, ġlieda mill-isbaħ li permezz tagħha, bil-palma tal-martirju, huma laħqu l-glorja tas-sema fejn illum jikkontemplawk, agħmel li bit-talb tagħhom għalina aħna wkoll naslu biex nitgħaxxqu bil-glorja tiegħek fis-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.historic-uk.com/HistoryUK/HistoryofEngland/Saint-Ursula-the-11000-British-Virgins/

Alternative Reading: http://osueast.org/st-ursulas-feast-day-october-21st/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Ursula

.

Design a site like this with WordPress.com
Get started