30 ta’ Ġunju: L-Ewwel Martri ta’ Ruma

Verżjoni Vidjo: L-Ewwel Martri ta’ Ruma

Kotra bla qjies ta’ martri baqgħu magħquda bejniethom fl-imħabba bħal aħwa, għax kellhom spirtu wieħed u fidi waħda. Ħabbew lil Kristu f’ħajjithom, u saru jixbhuh f’mewthom għalhekk isaltnu miegħu għal dejjem.” – Żewġ antifoni mil-Liturġija tas-Sigħat tat-Tifkira tal-Ewwel Martri ta’ Ruma.

PP-EarlyPersecutionOfChristians_JS_0027.jpgL-EWWEL MARTRI TA’ RUMA
? – 64

Tagħrif: Fis-sena 64, Ruma ġiet maħkuma u meqruda minn nirien kbar. L-Imperatur Neruni li kien qed jiġi akkużat li hu kien il-kawża tagħhom, malizzjożament tefa’ l-ħtija fuq il-komunità Nisranija ta’ Ruma, u fetaħ persekuzzjoni l-iktar ħarxa kontriha, li fiha San Pietru u San Pawl flimkien ma’ bosta Nsara, nisa u rġiel, żgħażagħ u xjuħ, u tfal subien u bniet, sofrew il-martirju.

Uħud mill-Insara mietu maħruqin, oħrajn mikulin mill-annimali selvaġġi, oħrajn mis-swat li qalgħu, u oħrajn mit-turmenti u mill-kefrijiet oħra bla ħniena.

Il-Papa San Klement f’ittra li kiteb faħħar il-qlubija u l-paċenzja ta’ dawk l-irġiel u n-nisa li hu kien jafhom personalment, u li għoddhom bħala l-fundaturi tal-Knisja ta’ Ruma.

Din kienet l-ewwel persekuzzjoni maġġuri kontra l-Knisja. Warajha kien hemm oħrajn, kważi waħda wara l-oħra.

Fis-sena 313, Kostantinu l-Kbir, bil-famuż Editt ta’ Milan ta l-libertà lir-Reliġjon Nisranija. B’hekk l-Insara setgħu jipprattikaw il-kult tagħhom bla ebda xkiel. Hekk tista’ tgħid intemmet persekuzzjoni kontinwa ta’ 250 sena. Hekk bdiet ħajja ġdida għall-Knisja, perjodu ta’ paċi. Imbagħad l-Imperatur Teodosju, fis-sena 381, ipproklama l-Kristjaneżmu bħala r-Reliġjon tal-Istat.

Ħsieb: L-għada tal-festa tal-martirju tal-Appostli Pietru u Pawlu, il-Knisja tfakkar il-martirju ta’ għadd kbir ta’ Nsara li mietu qabilhom fil-belt eterna. L-għadd ta’ Insara li mietu martri f’Ruma fl-ewwel snin tal-era nisranija Alla biss jafu. Ta’ min isemmi li l-ewwel 31 Papa kienu lkoll martri. Jissemmew biss uħud minnhom li baqgħu magħrufin ħafna, imma ħafna oħrajn, irġiel u nisa, lanqas biss nafu isimhom, imma xorta waħda huma martri li biċ-ċarċir ta’ demmhom urew l-imħabba u l-fidi tagħhom fi Kristu li għalih taw ħajjithom kif għamel għalihom Kristu stess meta miet għalihom fuq is-salib biex jifdihom.

Ġesù jwiddeb: “Min ifittex li jsalva ħajtu, jitlifha, iżda min jitlifha minħabba fija, isalva.” Kristu joffri ħajtu b’sagrifiċċju biex jiftaħ il-bieb tal-ħajja ta’ dejjem għalina l-bnedmin. Għalhekk, biex nirbħu l-ħajja ta’ dejjem, jeħtiġilna niċċaħħdu minn dik tad-dinja. Imissna mmutu ma’ Kristu, biex inqumu miegħu: dan ifisser li kuljum nitgħabbew bit-tbatija u ċ-ċaħda sa ma jkollna l-almu tal-martri u biċ-ċarċir ta’ demmna nkunu xhieda għat-tagħlim tiegħu.

Il-fidi u l-grazzja tat lil dawn il-martri l-qawwa biex jirbħu l-ġibdiet tal-laħam u tad-demm. Ma abbandunawx lil uliedhom, iżda ħallewhom f’idejn Alla u f’idejn nieshom. Qatt ma nitilfu dak li għandna meta nħalluh biex nobdu ’l Alla.

X’kienet tkun id-dinja mingħajr Ġesù ta’ Nazaret? Anke l-filosfu u l-istoriku Franċiż Ernest Renan, kritiku qawwi tal-Knisja, jagħraf li “jekk tneħħi l-isem ta’ Ġesù mid-dinja tkun bħal ċaqlaqt il-pedamenti.”

Imma l-mistoqsija l-aktar importanti hija din: “Xi nkun jien mingħajr Ġesù ta’ Nazaret?” Huwa dan is-sentiment qawwi li qanqal lill-Appostli u wassalhom biex jaslu sat-trufijiet tad-dinja. Ħadd qatt ma tkellem bħalu dan il-bniedem, għaliex ingħata għal kollox għall-oħrajn sa ma sar xejn. Ħadd ma ordna bħalu lill-baħar u lir-riħ biex jisktu jew lill-ispirti ħżiena li jitturmentaw lill-bnedmin biex iħalluhom fis-sliem.

Il-qaddisin, bħal f’leħħa ta’ berqa, iltaqgħu mal-persuna ta’ Kristu. L-Appostli Pietru u Ġwanni, quddiem it-tribunal li seta’ jikkundannahom, mingħajr biża’ qalu: “Din hi l-ġebla li intom il-bennejja warrabtu, u li saret il-ġebla tax-xewka. F’ħadd ħliefha ma hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema ma hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi” (Atti 4: 11-12).

Santa Tereża Beneditta tas-Salib (Edith Stein) tgħid: “Is-salib irid ikun bħal bandiera li nimxu warajha mgħobbija bit-twegħir kollu tal-ħajja. U mis-salib irid joħroġ l-għerf l-aktar siewi: l-għerf tas-salib.”

Talba: O Alla, int ikkonsagrajt bid-demm tal-martri l-ewwel ġmiegħi kotrana tal-Knisja ta’ Ruma; agħtina li nitwettqu bil-qawwa u l-ħila li dawn il-martri qalbiena wrew fit-taqbida, u li nifirħu dejjem bir-rebħa qaddisa tagħhom. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/first-martyrs-of-the-church-of-rome

Alternative Reading: https://mycatholic.life/saints/saints-of-the-liturgical-year/june-30-first-martyrs-of-the-church-of-rome/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/First_Martyrs_of_the_Church_of_Rome

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut mill-fuljett Signum Fidei.

15 ta’ Mejju: San Pietru u Santa Dijonisja

Verżjoni Vidjo: San Pietru u Santa Dijonisja

“Grazzi, O Mulej Ġesù għaliex lili tajtni l-paċenzja u għamiltni rebbieħ fuq dan it-tirann!” – San Pietru ftit qabel ma miet.

pls-Saints-Peter-and-DionysiaSAN PIETRU U SANTA DIJONISJA
Martri

Tagħrif: Fil-persekuzzjoni fi żmien il-ħakma ta’ Deċjanu, id-demm kristjan kien qed jinxtered f’Lampsacus, belt fl-Asja Minuri fit-Turkija tallum. San Pietru kien wieħed minn tal-ewwel li ġew ikkundannati sabiex imut f’isem Kristu u għalkemm kien għadu żgħir fl-età, laqa’ dawn it-turmenti bil-ferħ.

Ġie marbut bil-ktajjen ma’ rota u kissrulu għadmu. Hu min-naħa ‘l-oħra, għolla ħarstu u qal: “Grazzi, O Mulej Ġesù għaliex lili tajtni l-paċenzja u għamiltni rebbieħ fuq dan it-tirann!” Meta l-kmandant ra li din it-tortura kienet għalxejn, ordna li jaqtgħulu rasu.

Ftit wara fl-istess belt, il-verġni Dijonisja ħadet il-kuruna li tilef l-appostlu Nikomakus. L-istorja tiegħu tgħallem li dawk li jitilfu lil Kristu flok ma jbatu għalih, jitilfu kollox. Bil-ftit saħħa li kien għad fadallu waqt it-tortura għajjat: “Jien qatt ma kont Nisrani. Jien nissagrifika għall-allat!” Għal dan il-kliem, Nikomakus ġie meħlus u fil-fatt vera offra sagrifiċċju lill-allat. Dak il-ħin stess huwa ġie ppossessat mix-xitan u ftit tal-ħin wara miet.

“Ja raġel imdejjaq!” għajtet Dijonisja, “għalfejn bżajt li tbati ftit? Minflok, issa ser tbati għall-eternità.” Minħabba f’dan, ġiet arrestata iżda bis-saħħa tal-Anġlu Kustodju tagħha, hi ġiet meħlusa mill-ħabs.

Iżda x-xewqa tagħha li tfittex tmur il-Ġenna tiltaqa’ ma’ Ġesù tant kienet kbira li nxteħtet fuq l-iġsma tal-martri, tgħajjat: “Nippreferi mmut ħalli ngħix magħkom għal dejjem fil-Ġenna.” U Kristu, Sid il-verġni u martri, wettqilha xewqitha.

Ħsieb: Illum għad għandna martri għal Kristu? Skont il-Papa Franġisku, hemm aktar Insara ppersegwitati llum milli kien hemm fl-ewwel sekli tal-Knisja. Dan qalu t-Tnejn, 30 ta’ Ġunju, 2014 fl-omelija tiegħu f’quddiesa f’Santa Marta. Hu spjegaha b’dan il-mod:

“Filwaqt li l-Knisja tfakkar lill-qaddisin martri tal-bidu, fil-bidu tal-quddiesa ntemmu li l-Mulej ‘saqqa bid-demm tal-martri l-ewwel żerriegħa tal-Knisja.’ Qed nitkellmu dwar it-tkabbir ta’ pjanta, u dan ifakkarna dak li kien jgħid Ġesù: ‘Is-Saltna tas-sema hi bħal dak il-bniedem li tefa’ ż-żerriegħa mbagħad telaq lura lejn daru, u, rieqed jew imqajjem, iż-żerriegħa tikber u twarrad mingħajr ma jkun jaf kif hu.’ Din iż-żerriegħa hi l-Kelma t’Alla li tikber u ssir is-Saltna t’Alla, issir Knisja bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu u bix-xhieda tal-Insara.

Nafu li mingħajr l-Ispirtu ma jistax ikun hemm tkabbir; Hu jagħmel il-Knisja, Hu jgħinha tikber, Hu jlaqqa’ flimkien il-komunità tal-Knisja. Imma hi meħtieġa wkoll ix-xhieda tal-Insara. U meta din ix-xhieda tasal fl-aħħar, meta ċ-ċirkostanzi storiċi jitolbu minna xhieda qawwija, hemmhekk insibu l-martri, l-akbar xhieda. U dik il-Knisja tissaqqa’ bid-demm tal-martri. Dan hu s-sabiħ tal-martirju. Jibda bix-xhieda, jum wara ieħor, u jista’ jintemm bħalma ntemm Ġesù, l-ewwel martri, l-ewwel xhud, ix-xhud fidil: bid-demm.

Iżda hemm kundizzjoni biex din ix-xhieda tkun waħda vera, żied il-Papa, trid tkun mingħajr kundizzjonijiet. Smajna fl-Evanġelju li dak ir-raġel ried imur wara l-Mulej, imma jagħmillu kundizzjoni: ried imur isellem ‘il-missieru u jidfnu…… Il-Mulej iwaqqfu: ‘Le!’ Ix-xhieda hija mingħajr kundizzjonijiet, trid tkun soda, deċiża, irid ikollha l-lingwaġġ tant qawwi li jgħidilna bih Ġesù: ‘il-lingwaġġ tagħkom irid ikun iva, iva,le, le. Dan hu l-lingwaġġ tax-xhieda.’

Illum, inħarsu lejn din il-Knisja li qed tikber imsoqqija bid-demm tal-martri. Imma hu xieraq ukoll, li llum naħsbu f’tant martri ta’ żmienna, tant martri li jagħtu ħajjithom għall-fidi. Hu minnu li kien hemm ħafna Nsara ppersegwitati fi żmien l-imperaturi tal-bidu, imma llum mhumiex b’anqas.

Illum hemm tant martri fil-Knisja, tant Insara ppersegwitati. Niftakru fil-Lvant Nofsani, l-Insara jkollhom jaħarbu mill-persekuzzjonijiet, tant Insara maqtulin mill-persekuturi. Anki dawk l-Insara li jitkeċċew ‘il barra b’mod aktar diplomatiku, bl-ingwanti bojod: anki dik hi persekuzzjoni.

Illum hemm ħafna aktar xhieda, aktar martri fil-Knisja milli kien hemm fl-ewwel sekli. Ejjew ma ninsewx lil dwar dawn ħutna li jgħixu fil-persekuzzjoni, li jbatu, u li b’demmhom isaqqu u jkabbru ż-żerriegħa ta’ tant Knejjes żgħar li jinbtu kuljum. Nitolbu għalihom u għalina.”

  • U int, titlob għal dawn ħutna ppersegwitati minħabba twemminhom biex jaffaċċjaw dan kollu bil-kuraġġ kif għamlu San Pietru u Santa Dijonisja u biex qatt ma jaslu biex jiċħdu l-fidi tagħhom minħabba l-istess persekuzzjonijiet bħalma għamel Nikomakus?

Talba: Mulej, nirringrazzjak għal tant xhieda bħal San Pietru u Santa Dijonisja li demmhom saqqa ż-żerriegħa ta’ tant Insara oħra, fosthom aħna, li kellhom jirċievu l-fidi mogħtija lilna mill-appostli qalbiena tiegħek tal-ewwel żminijiet. Agħtina llum, għat-talb tal-martri tiegħek, li ma nintelqux fil-fidi tagħna, li ma nillaxkawx u ma ninġarrux mill-kurrenti li qed ikażbru l-liġi u t-tagħlim tiegħek, imma li nibqgħu sodi u nagħtu xhieda tat-twemmin tagħna anki jekk niġu ppersegwitati. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://sanctoral.com/en/saints/saints_peter_andrew_paul_dionysia.html

Alternative Reading: https://www.goarch.org/chapel/saints?contentid=59

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Peter,_Andrew,_Paul,_and_Denise

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

30 ta’ Novembru: San Andrija

Verżjoni Vidjo: San Andrija

“Huwa u jdur ma’ xatt il-baħar tal-Galilija lemaħ żewġt aħwa, Xmun jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, qegħdin jixħtu x-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U qalilhom: ‘Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.” U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh.’ – Ġesù f’Mattew 4:18-20

img-Saint-Andrew-the-Apostle2SAN ANDRIJA
Appostlu
L-ewwel Seklu

Tagħrif: San Andrija, bħal missieru Ġona, u ħuh San Pietru, kien sajjied, minn Betsajda. Il-familja tiegħu kellha dar f’Kafarnahum, fejn Ġesù ġieli mar.

Għall-ewwel kien dixxiplu ta’ San Ġwann il-Battista, u l-ewwel darba li ra ‘l Ġesù kien f’Betsajda, meta kien ma’ San Ġwann li kien qiegħed jgħammed. Dak il-ħin li kien għaddej Ġesù, San Ġwann qal: “Hekk hu l-Ħaruf t’Alla.”

San Andrija flimkien ma’ dixxiplu ieħor, mar ħdejn Ġesù, u Ġesù staqsieh x’kellu bżonn. Hu wieġbu li xtaq ikun jaf fejn joqgħod, u Ġesù qallu: “Ejja, u ara.” Imbagħad, San Andrija u sieħbu qattgħu l-kumplament tal-jum ma’ Ġesù.

L-għada mar sab lil ħuh, Xmun, u qallu: “Sibna l-Messija,” u ġabu għand Ġesù li bidillu ismu f’Pietru.

Hekk iż-żewġ aħwa saru dixxipli ta’ Ġesù, iżda ma qagħdux kontinwament miegħu, għax ġieli marru d-dar.

Darba waħda Ġesù ltaqa’ magħhom it-tnejn waqt li kienu qed jistadu u qalilhom: “Ejjew, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.” Marru, u minn dakinhar baqgħu dejjem ma’ Ġesù.

Ftit qabel il-Passjoni, meta Ġesù kien f’Betanja fid-dar ta’ Lażżru, xi Griegi ltaqgħu ma’ Filippu u qalulu li xtaqu jaraw lil Ġesù. Filippu qal b’dan lil Indri u flimkien marru jgħidu lil Ġesù. (Ġwanni 12:20)

Darb’oħra meta Ġesù xabba’ bl-ikel ħamest elef ruħ, kien San Andrija li qal lil Ġesù li kien hemm tifel li kellu ħames ħobżiet u żewġ ħutiet. (Ġwanni 6:9)

Wara l-mewt ta’ Ġesù, San Andrija mar jipprietka l-Vanġelu fil-Ġreċja, u fit-Turkija, u x’aktarx fil-Polonja u fir-Russja.

Sofra l-martirju f’Akajja, fiż-żmien il-persekuzzjoni ta’ Neruni. Ġie marbut ma’ salib forma ta’ X biex idum iktar ma jmut. Infatti miet wara jumejn.

Ġismu ttieħed f’Kostantinopli fis-sena 357, u mqiegħed fil-knisja tal-Appostli, mibnija minn Kostantinu l-Kbir.

Ħsieb: Dan li ġej hu qari mill-Omeliji tal-Isqof San Ġwann Kriżostmu dwar San Andrija:

“Indrì baqa’ ma’ Ġesù u tgħallem ħafna ħwejjeġ mingħandu. Huwa ma marx jaħbi dan it-teżor, iżda ħaffef u ġera lejn ħuh biex dan jaqsam miegħu fil-ġid. Qisu tajjeb x’qallu lil ħuh: ‘Sibna l-Messija,’ jiġifieri ‘l Kristu. Qegħdin taraw kif urieh dak li laħaq tgħallem f’qasir żmien? B’hekk l-Evanġelista ried ifissrilna x’qawwa kellu l-Imgħallem biex ġagħalhom jifhmu min kien, u x’ħerqa u ħrara kellhom huma biex minnufih taw widen għal li kien qalilhom. Il-kliem ta’ Indrì jixhed ix-xewqa kbira tiegħu biex ifittex ixandar ġrajja bħal din. Jurina wkoll kemm kien iridlu ġid lil ħuh, x’rabta ta’ mħabba u ġibda mill-qalb kellu għalih, u kemm kienu jfittxu jgħinu lil xulxin fil-ħajja tar-ruħ.

Innutaw ukoll kif Pietru mill-ewwel jurina kemm kien jadatta ruħu u joqgħod malajr għal dak li jisma’. Ma qagħadx jitnikker, iżda mar minnufih ma’ ħuh. ‘Dan ħadu għand Ġesù,’ qalilna l-Evanġelista. B’danakollu ma għandniex nikkundannawh talli qagħad hekk malajr għall-kliem ta’ ħuh bħallikieku bela’ kollox bla ma qagħad jistħarreġ xejn. Għax jista’ jkun li ħuh bosta drabi kien qagħad ifissirlu kollox bir-reqqa; tabilħaqq, l-Evanġelisti dejjem jiġbru fil-qosor ir-rakkonti tagħhom kollha. Terġa’ mbagħad Ġwanni ma qalx li Pietru emmen minnufih, iżda li Indrì ħadu għand Ġesù biex jitilqu f’idejh ħalli jikseb it-tagħrif kollu mingħandu stess. U għandu mnejn li Indrì kellu wkoll min jgħinu f’din il-ħaġa, għax diġà kien hemm dixxiplu ieħor miegħu.

Meta Ġwanni l-Battista qal ‘Dan hu l-Ħaruf,’ u, ‘Dan hu li jgħammed bl-Ispirtu,’ huwa ħalla f’idejn Kristu biex ifisser dan it-tagħlim b’mod aktar ċar. Iżjed u iżjed għamel hekk Indrì, għax ra li l-ħila dgħajfa tiegħu ma kinitx biżżejjed biex ifisser kollox lil ħuh, u għalhekk ħadu għand l-istess għajn tad-dawl, u Pietru tant feraħ u ħaffef biex imur miegħu li anqas minuta waħda ma qagħad jitnikker.

Wara li San Andrija kien iltaqa’ ma’ Ġesù, mar ġab lil ħuh ukoll, (u wara, min jaf kemm nies saru jafu, u jħobbu lil Ġesù permezz tiegħu).

  • X’qed nagħmlu aħna biex l-ewwelnett aħna stess insiru nafu aħjar u nħobbu iktar lil Ġesù, u biex ukoll narawh iktar magħruf u maħbub mill-oħrajn?”

Talba: Miċ-ċokon tagħna, Mulej, nitolbu l-kobor tiegħek biex l-appostlu Sant’Andrija, li fil-Knisja tiegħek kien predikatur u mexxej, jidħol dejjem għalina quddiemek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/saint-andrew-apostle.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-andrew-apostle-403

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Andrew_the_Apostle

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis/a huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Design a site like this with WordPress.com
Get started