16 ta’ Ottubru: Santa Margerita Marija Alacoque

Verżjoni Vidjo: Santa Margerita Marija Alacoque 

“Ara din il-Qalb li tant ħabbet il-bnedmin u li hi maħbuba ftit minnhom. Jien inwiegħed li niftaħ qalbi u nxerred l-imħabba abbundanti fuq dawk kollha li jonorawha jew iqimuha.” – Kelmiet Ġesù nnifsu lil Santa Margerita Marija Alacoque.

NW-866_1_12x16__48935__44399__87874__43020.1500645678

SANTA MARGERITA MARIJA ALACOQUE
Verġni
1647 – 1690

Tagħrif: Santa Margerita Marija twieldet fid-Djoċesi ta’ Autun, Franza, fl-1647. Meta kellha tmien snin tilfet lil missierha.

Kien għad għandha ħdax-il sena meta bdiet issofri ħafna bir-rewmatiżmu, u meta tnejn minn ħutha bdew jitrattaw ħażin lilha u lil ommha, hi bdiet issib ħafna faraġ f’Ġesù Sagrament.

Minn kmieni wriet devozzjoni speċjali lejn Ġesù Ewkaristija. Irrifjutat proposti għaż-żwieġ, u fl-1671, meta kellha 24 sena, daħlet soru tal-Viżitazzjoni f’Paray-le-Monial, u għamlet avvanzi tal-għaġeb fit-triq tal-perfezzjoni. Hija talbet lill-majjistra tan-novizzi tgħidilha x’kellha tagħmel biex timmedita. Il-majjistra weġbitha biex tpoġġi lilha nnifisha quddiem Alla bħala tila vojta.

Sa minn mindu kellha 20 sena Margerita esperjenzat dehriet ta’ Kristu, u fis-27 ta’ Diċembru 1673, kellha bidu għal serje ta’ rivelazzjonijiet li kellhom ikomplu għas-sena u nofs ta’ wara. Fihom, il-Mulej urieha mħabbtu lejn id-dinja. F’dawn ir-rivelazzjonijiet Kristu għarrafha li hu kien għażilha bħala strument biex ixxerred id-devozzjoni lejn il-Qalb Imqaddsa tiegħu; għarrafha wkoll b’devozzjoni ġdida fil-Knisja li kellha tkun magħrufa bħala tad-Disa’ Ġimgħat u wkoll l-Ora Santa. Talabha wkoll li fil-Knisja titwaqqaf il-festa tal-Qalb Imqaddsa tiegħu fil-jum tal-Ġimgħa li jiġi fuq l-Ottava ta’ Corpus Christi.

Is-superjura tagħha, Madre de Saumaise, ħaditha kontra tagħha fl-isforzi tagħha biex timxi fuq l-istruzzjonijiet li hija kienet irċeviet fir-rivelazzjonijiet. Imma mbagħad aċċettat. Anki fost sħabha, ħafna ma setgħux iniżżluha li kellha dehriet ta’ Kristu. Margerita sabet appoġġ kbir fil-persuna ta’ San Klawdju la Colombière, SJ (ara San Klawdju la Colombière, SJ) li għal xi żmien kien il-konfessur tal-komunità.

Bil-għajnuna ta’ San Klawdju de la Colombiere SJ li ddikjara li r-rivelazzjonijiet kienu ġenwini, Santa Margerita Marija bdiet dawn id-devozzjoni u bl-isforzi tagħha ġiet imwaqqfa l-festa tal-Qalb ta’ Ġesù.

L-oppożizzjoni fil-komunità waqfet meta fl-1683 ġiet eletta superjura l-Madre Mélin li għażlet lil Margerita bħala l-assistenta tagħha. Hi mbagħad saret majjistra tan-novizzi.

Hi rat ukoll, fl-1686 – erba’ snin qabel mietet – il-kunvent jibda josserva privatament il-festa tal-Qalb ta’ Ġesù; u sentejn wara nbniet kappella f’Paray-le-Monial iddedikata lill-Qalb ta’ Ġesù. Malajr l-osservanza tal-festa bdiet tixtered fil-kunventi l-oħra tas-Sorijiet Viżitandini.

Margerita Alacoque mietet ta’ 43 sena f’Paray-le-Monial fis-17 ta’ Ottubru 1690, u ġiet ikkanonizzata fl-1920 mill-Papa Benedittu XV. Ġisimha jinsab taħt l-artal tal-Kappella tal-kunvent ta’ Paray. Id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù ġiet uffiċjalment rikonoxxuta 75 sena wara mewtha fl-1765 minn Klement XIII.

ĦsiebGħandna d-drawwa sabiħa li x-xahar ta’ Ġunju nqisuh bħala xahar iddedikat lill-Qalb ta’ Ġesù. Diversi parroċċi jorganizzaw mumenti ta’ talb u adorazzjonijiet u ħafna minna nieħdu sehem f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet. Imma xi jfisser li tkun devot lejn il-Qalb ta’ Ġesù? Min fejn u meta beda dan il-kult lejn il-Qalb ta’ Ġesù?

Sa minn żmien San Bernard u l-iskola ta’ spiritwalità taċ-Ċisterċensi naraw żvilupp tal-kult lejn l-umanità ta’ Kristu. Dan kien bejn is-sekli ħdax u tnax. Din il-qima tinbena fuq il-kliem ta’ San Ġwann f’Kap 19 vers 37 li jaqra “Huma għad iħarsu lejn min nifdu.” Fl-1765, il-Knisja bdiet tiċċelebra l-festa tal-Qalb ta’ Ġesù u, għalhekk, din il-qima saret aktar popolari. Id-devozzjonijiet ewlenin, partikularment l-adorazzjoni riparatriċi, is-Siegħa Qaddisa (ora santa), u l-ewwel Ġimgħa tax-xahar bdew f’dan iż-żmien.

Fl-1928, il-Papa Piju XI fl-Enċiklika Miserentissimus Redemptor (Ir-Redentur l-aktar Ħanin) afferma l-pożizzjoni tal-Knisja dwar dan il-kult bl-esperjenzi mistiċi ta’ San Ġwann Eudes (1601-1680) u Santa Margerita Marija Alacoque (1647-1690). Aktar tard, fl-1956, il-Papa Piju XII fl-ittra Enċiklika tiegħu Haurietis Aquas tana d-duttrina uffiċċjali tal-Knisja dwar il-qima lejn il-Qalb ta’ Ġesù.

Santa Margerita Marija Alacoque hi meqjusa bħala l-persunaġġ l-aktar importanti fl-istorja riċenti tal-qima lejn il-Qalb ta’ Ġesù. Kellha diversi esperjenzi mistiċi u rivelazzjonijiet. M’hemm xejn x’jindika li din is-soru kellha għarfien ta’ din id-devozzjoni qabel ma kellha dawn l-esperjenzi. Hija ġiet iddikjarata beata fl-1864 mill-Papa Piju IX u qaddisa fl-1920 mill-Papa Benedittu XV. Bla dubju dawn iż-żewġ mumenti fl-istorja tal-Knisja ħallew effett fuq Madre Margarita De Brincat (1862-1952) – fundatriċi tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù.

Fil-ħafna esperjenzi li Santa Margerita Marija Alacoque kellha, Ġesù għamel tnax–il wegħda lil dawk li huma tassew devoti tal-Qalb Imqaddsa tiegħu:

  1. Jiena nagħtihom il-grazzji kollha li jkollhom bżonn fil-ħajja tagħhom.
  2. Jiena nġibilhom il-paċi fid-dar tagħhom.
  3. Jiena nfarraġhom fid-dwejjaq kollha tagħhom.
  4. Jiena nkun ir-refuġju tagħhom waqt il-ħajja, u fuq kollox waqt il-mewt.
  5. Jiena nxerred barka kbira fuq kulma jagħmlu.
  6. Il-midinbin isibu f’qalbi ħniena bla tarf.
  7. Erwieħ berdin jitħeġġu bl-imħabba.
  8. Erwieħ devoti jitilgħu fi qdusija akbar.
  9. Jiena nbierek id-dar fejn ix-xbieha tal-Qalb Tiegħi hija esposta u meqjuma.
  10. Jiena nagħti l-grazzja lill-qassisin li jikkonvertu l-qlub iebsin tal-midinbin kbar.
  11. Min ixerred din id-devozzjoni jkollu ismu miktub f’Qalbi u minn hemm ma jitħassar qatt.
  12. Lil dawk kollha illi jitqarbnu fl-ewwel Ġimgħa tax-xahar għal disa’ darbiet wara xulxin, jien, nagħtihom il-grazzja tal-indiema waqt il-mewt, li ma jmutux imbegħdin minni, li jirċievu s-sagramenti, u fil-mewt qalbi tkun il-port tas-salvazzjoni tagħhom.

Kieku din l-aħħar wegħda hekk kbira ma ħarġitx minn fomm l-Iben t’Alla konna naqtgħu qalbna, għax hi ħaġa kbira li b’disa’ tqarbiniet, wieħed bħal ikollu jedd għall-ġenna. Imma l-Papa Benedittu xandarha hu wkoll u għamel qaddisa lil Santa Margerita Marija Alacoque. Nemmen li ħafna adulti jippratikaw din id-devozzjoni, pero mhux biżżejjed, jeħtieġ li ngħallmu lil uliedna ukoll biex jipprattikaw din id-devozzjoni u nkunu devoti lejn l-Ewkaristija u l-grazzji li Ġesù għoġbu jagħtina għax għandu mħabba kbira lejna.

It-teoloġi jgħidu li wieħed jista’ jemmen, jew ma jemminx ir-rivelazzjonijiet privati. Bix-xjenza ma nistgħux nippruvawhom. Imma nistgħu niddubitaw il-messaġġ ta’ din il-Qaddisa li Alla jħobbna bi mħabba tal-ġenn? L-imħabba titħallas bl-imħabba. Hekk qed inħallsuh aħna lil Alla? Jew bl-ingratitudni li qed jagħmlu ħafna, kif ilmenta Ġesù mal-Qaddisa?

Imma kif tkun devot tal-Qalb ta’ Ġesù? Ir-risposta sempliċi hi li tħobb kif iħobb Ġesù u dan nistgħu inkunu nafuh mill-Vanġelu. Din it-talba, ispirata minn Fr Pedro Arrupe SJ, li kien Superjur Ġenerali tal-Ġiżwiti; għandha tagħtik dawl ġdid dwar kif ħabb Ġesù; kemm kien uman fl-imħabba Divina tiegħu:

“Agħmel Mulej li nħoss bl-istess sentimenti ta’ Qalbek. Għallimni kif kont iġġib ruħek mad-dixxipli tiegħek, l-aktar dawk viċin tiegħek, bħal Pietru u Ġuda… kif ħsiltilhom saqajhom! Fakkarni kif ġibt ruħek mal-midinbin, mat-tfal, mal-Fariżej, ma’ Pilatu u ma’ Erodi. Għallimni nagħder lil min qed ibati, lill-foqra, lill-għomja, lill-magħtubin, lill-lebbrużi. Urini kif kont taqsam man-nies dak li kien l-aktar għal qalbek… meta ħariġlek id-dmugħ jew meta ħassejtek imnikket u mdejjaq. Int ma żammejtx lura milli twissi lil min ma kienx jimxi sew iżda t-tjubija tiegħek kienet tiġbed il-follol.

Tassew li kont iebes miegħek innifsek meta għext imċaħħad minn ħafna ħwejjeġ u ħdimt bla waqfien, iżda mal-oħrajn kont kollok tjubija u ħerqan biex taqdihom. Qalbek kienet tistrieħ fl-intimità ma’ Missierek fit-talb… ta’ spiss tul il-lejl kollu. Biddilt il-ħajja ta’ dawk li ltaqgħu miegħek. Kif jista’ xi ħadd jinsa l-impatt li kellek fuq Marija Maddalena jew fuq il-ħalliel it-tajjeb waqt li kont imdendel fuq is-salib, bla ma ħaqqek. Ġesù iġbidni lejn Qalbek, minfuda bi mħabba għall-bnedmin…għalija. Fil-pjagi tiegħek aħbini sabiex imġedded mill-Ispirtu Tiegħek, inkun xhud tal-Imħabba Tiegħek f’dak kollu li jinqala’ f’ħajti.”

Ngħidu li meta tkun taf persuna tibda tħobbha aktar, u aktar ma tħobbha tkun trid issir taf iktar dwarha. Il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù tistedinna biex insiru nafuh u nħobbuh aktar, biex wara inxandruh mal-oħrajn.

Talba: O Alla ta’ dejjem li tista kollox, ħares lejn il-Qalb tal-maħbub Iben tiegħek u lejn it-tifħir u t-tpattija li jagħtik f’isem il-midinbin, u lilhom, waqt li jitolbu l-ħniena tiegħek, agħtihom il-maħfra fl-isem tal-istess Ibnek Ġesù Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF  jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/st-margaret-mary-alacoque.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-margaret-mary-alacoque/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Margaret_Mary_Alacoque

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut. Parti mill-ħsieb huwa meħud minn artiklu ta’ Joseph u Melissa Anne D’Emanuele.

Venerabbli Margerita De Brincat

Verżjoni Vidjo: Venerabbli Margerita De Brincat

mmargeritaMARGERITA MARIJA DE BRINCAT
Konfundatriċi
1862 – 1952

Tagħrif: Madre Margerita De Brincat twieldet fit-28 ta’ Novembru, 1862 fir-raħal Għawdxi ta’ Kerċem. Fl-1877 daħlet f’assoċjazzjoni li kienet tissejjaħ it-Tnax-il Stilla tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù u fl-1880 din l-assoċjazzjoni nbidlet f’kongregazzjoni.

Hija laħqet is-Segretarja Ġenerali tal-kongregazzjoni li ntant kienet ngħatat l-approvazzjoni tad-Djoċesi Maltija biex tibdel isimha għal dik ta’ Sorijiet Franġiskani tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù.

Hija damet madwar 50 sena taħdem mas-Sorjiet Franġiskani li fihom fetħet skejjel u djar għaż-żgħażagħ. Kien bis-saħħa tagħha li ħidma simili saret f’Corfu, Sqallija, Ruma u l-Etijopja.

Mietet fit-22 ta’ Jannar 1952 fid-dar tas-Sorijiet Franġiskani fir-Rabat, Għawdex. Illum il-kongregazzjoni li waqqfet taħdem f’diversi pajjiżi fosthom fl-Afrika, il-Brażil u l-Pakistan.

Kuruna ta’ tnax-il kewkba
II-Kongregazzjoni kellha l-bidu tagħha fir-Rabat Għawdex fl-4 ta’ Jannar 1874 meta lis-Sinjorina Karmela Xerri, mir-Rabat, ġieha f’idejha ktieb ta’ Don Olmi li hi stess tat lil sħabha biex jaqrawh, Dan il-ktieb jismu: “Kuruna ta’ tnax-il kewkba” ad unur tat-tnax-il kewkba li jdawwru l-Qalb Santissma ta’ Ġesù. Dan il-ktieb jistieden lill-verġni biex jagħtu ruħhom b’riparazzjcni għall-offiżi li jsiru lil din il-Qalb.

Il-qari ta’ dan il-ktieb kellu effett kbir fuq xi xebbiet li bdew jinġabru fid-dar tal-imsemmija Sinjorina Xerri, biex jagħtu bidu għal dan x-xogħol ta’ riparazzjoni. Billi ma setgħux ikomplu dawn il laqgħat weħidhom talbu lil Arċipriet ta’ San Ġorġ, Dun Feliċ Refalo, biex jaħseb jinforma Assoċjazzjoni. Bil-permess tal-Isqof Pietru Pace ġie mogħti lilhom bħala Direttur tat-“Tnax-il kewkba,” il-Viċi Parroku Dun Ġużepp Diacono, magħruf għat-tjubija u għaż-żelu mhux komuni tiegħu. Dan it-twajjeb Saċerdot twieled ix-Xagħra, Għawdex, fit-15 ta’ Awwissu, 1866 u miet fit-22 ta’ Ġunju, 1924. Il-laqgħat ta’ kull xahar baqgħu jsiru fid-dar tas-Sinjorina Xerri, sakemm inkriet dar fi Strada “Għajn Qatet” u ġie mogħti l-isem “Dar tal-Karità.”

Il-Għan Qaddis
Il-fini tal-Assoċjazzjoni f’din id-dar kien li jagħmlu ġid liż-żgħażagħ speċjalment lit-tfal l-iżjed fqar. Għaldaqstant l-Assoċjati taw bidu għall-programm tal-ħajja tagħhom. Wara li kienu jispiċċaw il-prattiki tagħhom ta’ pietà, kienu jiġbru t-tfal, bi preferenza l-iktar fqar, u kienu jagħtuhom lezzjonijiet ta’ Katekiżmu, ta’ skola u ta’ xogħol tad-dar. Filgħaxija, kienu jieħdu t-tfal fil-knisja ta’ San Franġisk biex jagħmlu vista lil Ġesù Sagramentat u wara kienu jwassluhom sad-dar tagħhom.

Fit-18 ta’ Ottubru 1880, dawn il-Kongregati ħadu l-abitu tat-Terz Ordni ta’ San Franġisk minn idejn il-Fundatur tagħhom Dun Ġużepp Diacono.

L-Isqof Pietru Pace, fit-13 ta’ Ottubru 1883 aċċetta l-Kongregazzjoni l-ġdida bħala Istitut Djoċesan u ta lill-Ewwel Sorijiet ir-Regola tat-Terz Ordni ta’ San Franġisk biex josservawha.

Dawn l-ewwel Terzjarji Franġiskani kienu jgħixu fl-ikbar faqar. Biex ikollhom in-neċessarju għall-ħajja kienu jaħdmu minn filgħodu sa filgħaxija, jgħallmu l-bizzilla, u jżommu skola ta’ tfal żgħar subien u bniet. Hekk kienu utli għall-proxxmu, mhux biss bl-eżempju ta’ ħajja qaddisa u fervoruża li kienu jgħaddu, iżda anki bl-opri, għall-vantaġġ tax-xbejbiet speċjalment fqar. Meta xi waħda minn dawn kienet tmut jew toħroġ, il-post tagħha kien jiġi okkupat biex in-numru ta’ din l-Assoċjazzjoni jibqa’ dejjem tnax.

Madre Margerita: Konfundatriċi
Hawn l-istorja hija mżejna bid-dehra tax-xbejba Virginja Debrincat li twieldet f’Kerċem fit-28 ta’ Novembru, 1862. Din ix-xebba kienet mogħtija għat-tjieba u għall-ħajja moħbija u kienet għamlet vot tal-verġinità ta’ 14-il sena. Ġiet aċċettata bħala postulanta fil-5 ta’ Frar 1881. Fil-20 ta’ Frar, 1881 libset il-libsa ta’ San Franġisk minn idejn il-Fundatur, Dun Ġużepp Diacono u ħadet l-isem ta’ Maestra Virġinja: ‘il quddiem Swor Marija Margerita tal-Qalb ta’ Ġesù.

Sentejn wara l-fundazzjoni, il-Fundatur Diacono ħalla t-tmexxija tal-Kongregazzjoni li kienet għadha fil-bidu tagħha minħabba xogħol gravi ieħor li afdalu l-Isqof, u Madre Margerita b’ispirazzjoni divina, ħadet f’idejha t-tmexxija tal-Kongregazzjoni. L-Isqof Pietru Pace għenha ħafna u ta lill-Istitut l-ewwel Kostituzzjoni skont ir-Regola tas-Sorijiet Terzjarji Regolari ta’ San Franġisk.

Din il-Madre, membru tal-Komunità li qegħdin insemmu, bħala soru professa, bħala Superjura Lokali, bħala Madre Ġenerali, u bħala Konfundatriċi mexxiet għal snin twal il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Franġiskani ta’ Malta. Illum dan l-isem tas-Sorijiet Franġiskani ta’ Malta, b’lndult tas-Sagra Kongregazzjoni tar-Reliġjużi, ġie mibdul f’dak tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù.

L-iskop tal-Kongregazzjoni hu l-qdusija tal-membri permezz tal-osservanza fidila tal-voti tal-Ubbidjenza, Kastità u Povertà skont ir-Regola tat-Terz Ordni ta’ San Franġisk u tal-Kostituzzjonijiet Propri.

L-iskop speċjali ta’ din il-Kongregazzjoni hu l-qdusija tal-proxxmu permezz tat-tagħlim u tal-edukazzjoni Nisranija u ċivili tat-tfal bniet u subien u tax-xebbiet speċjalment fqar, kif ukoll l-eżerċizzju tal-karità lejn il-morda. Għalhekk, is-Sorijiet jeżerċitaw l-attività tagħhom fi skejjel primarji, sekondarji, u f’oħrajn għat-tfal żgħar, f’orfanatrofji, ospizji, sptarijiet, ambulatorji u f’opri oħra bħal dawn. Kull fejn ikunu, jagħtu importanza kbira lill-Katekiżmu.

Il-Konfundatriċi waqqfet l-ispirtu tal-Istitut fuq il-faqar, fuq l-umiltà, u fuq is-sempliċità Franġiskana. L-abitu ta’ kulur qastni, il-kurdun tas-suf abjad, u l-velu li jilbsu s-Sorijiet ifissru s-sempliċità Franġiskana. Il-ferħ Franġiskan hu d-distintiv tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù.

Jinfirxu mad-dinja
Ta’ min isemmi l-ewwel fondazzjoni li Madre Margerita tal-Qalb ta’ Ġesù, għat-talb tal-Isqof Pietru Pace, li waqqfet f’Korfù fl-1907. L-iskop kien li jassistu kolonja Maltija ta’ emigranti li kienu marru hemm minn żmien qabel. Il-missjoni tas-Sorijiet kienet li jieħdu kura tat-tagħlim tal-Katekiżmu, jiġbru l-Maltin għall-Quddiesa tal-Ħadd, għall-Qrar u għat-Tqarbin billi javżawhom ġurnata qabel. Barra dan, l-unika skola kattolika f’Korfù hija f’idejn l-istess Sorijiet. Għandhom ukoll ospizju għax-xjuħ nisa, li hu wkoll l-uniku ospizju kattoliku.

Hi ta’ importanza kbira d-dar li nfetfiet f’Ruma fl-10 ta’ Mejju, 1927. F’din id-dar, imkabbra u miżjuda, hemm skola materna, skola elementari, orfanatrofju tal-bniet u subien, ospizju għax-xjuħ nisa, tagħlim tal-Katekiżmu tal-Parroċċa kollha.

L-attività tas-Sorijiet Franġiskani titnissel u tissaħħaħ mill-imħabba dedikata. Mis-sigħat ta’ talb fil-Kappella, is-soru ġġorr lil Kristu magħha fix-xogħol u fl-appostolat tagħha.

Fl-aħħar 40 sena, il-Kongregazzjoni ħadet żvilupp kbir u barra djar f’Għawdex u f’Malta għandha wkoll djar fl-Italja, fil-Greċja, fl-Ingilterra, fl-Etjopja, fil-Pakistan, fil-Brażil, fl-Awstralja, fl-Amerka u f’Ġerusalemm.

Iż-żerriegħa ċkejkna mixħuta mill-Fundatur Dun Ġużepp Diacono u kkultivata mill-Konfundatriċi qaddisa Madre Margerita tal-Qalb ta’ Ġesù, kibret u tat frott viżibbli u ta’ ġid kbir lill-Knisja. Kollox ikun għall-ikbar glorja t’Alla.

Venerabbli
Nhar it-Tlieta 21 ta’ Jannar, 2014, kummissjoni ta’ Kardinali u Isqfijiet fi ħdan il-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin iltaqgħet f’sessjoni ordinarja biex tat ġudizzju dwar jekk il-Papa għandux jiddikjara lill-Qaddejja ta’ Alla Madre Margerita De Brincat, bint id-Djoċesi ta’ Għawdex, bħala Venerabbli. Din is-sessjoni tmexxiet mill-Kardinal James M. Harvey u għaliha kien preżenti l-Postulatur tal-Kawża, Patri Gianni Califano OFM.

Il-vot tal-lum dwar il-virtujiet erojċi ta’ Madre Margerita sar fuq il-proposti mogħtija minn kummissjoni ta’ disa’ konsulturi teologi f’April li għadda. L-eżitu tal-vot kien wieħed pożittiv, u għalhekk il-pass li jmiss issa hu li l-Kongregazzjoni tressaq ir-riżultat tal-vot tagħha quddiem il-Papa Franġisku biex, fuq parir tal-istess Kongregazzjoni, jiffirma d-Digriet uffiċjali li bih jiddikjara lil Madre Margerita De Brincat bħala Venerabbli. F’dak l-istadju, ikun jonqos biss l-approvazzjoni ta’ miraklu bl-interċessjoni tal-Venerabbli De Brincat biex hi tiġi ddikjarata Beata.

F’Velja ta’ Talb li nżammet fil-21 ta’ Jannar, 2014 fil-Knisja tas-Sorijiet fi Triq Palma, il-Belt Victoria, fejn hemm il-Casa Madre li fiha għexet għal tant snin u mietet Madre Margerita, u fejn tinsab midfuna, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech sejħilha “vulkan li jarmi enerġija umana u evanġelika.”  Hu żied jgħid li dan hu “jum storiku għall-Knisja f’Għawdex” għaliex għall-ewwel darba fl-istorja, bint id-Djoċesi ta’ Għawdex tinsab daqshekk qrib il-glorja tal-altari.

Links about Margerita De Brincat:

  1. https://fcjmalta.com/mother-margherita-debrincat/
  2. https://www.findagrave.com/memorial/29612709/margherita-de_brincat
  3. http://gozodiocese.org/2013/08/28/madre-margherita-de-brincat-taghrif-mill-kongregazzjoni-tal-kawzi-tal-qaddisin/
  4. https://mt.wikipedia.org/wiki/Madre_Maria_Debrincat
  5. http://www.stfrancis.edu.mt/foundress.php
  6. https://www.mmargherita.org/school-information/history-present/biographical-profile/
  7. http://stfrancisschoolbkara.com/history.html
  8. https://www.timesofmalta.com/articles/view/20120129/life-features/Mother-Margherita-Debrincat-in-love-with-love-as-a-way-of-life.404592
  9. https://timesofmalta.com/articles/view/mother-margherita-de-brincat.298119
  10. http://gozonews.com/43437/madre-margerita-de-brincat-to-be-proclaimed-venerable/
  11. https://gozo.news/43552/pope-francis-decrees-madre-margerita-de-brincat-as-venerable/
  12. https://medjugorjemalta.blogspot.com/2014/01/papa-frangisku-jagraf-il-virtujiet.html
  13. http://www.franccj.com/franccj/en/2016/07/16/la-nostra-storia/
  14. http://www.franccj.com/franccj/blog/2016/05/14/malta-4-luglio-2014-madre-margherita-de-brincat-e-venerabile/
  15. https://www.velar.it/libro/madre-margherita-de-brincat/

Nota: It-Tagħrif dwar il-Venerabbli Margerita De Brincat huwa meħud mis-sit tal-MUSEUM ta’ San Ġiljan u mis-sit tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Qaddejja ta’ Alla Madre Marija Tereża Nuzzo

Verżjoni Vidjo: Qaddejja ta’ Alla Madre Marija Tereża Nuzzo

NImage_870_312x312_00312210338381MARIJA TEREŻA NUZZO
Fundatriċi
1851 – 1923

Tagħrif: Imwielda l-Belt fit-12 ta’ Mejju, 1851, Marija Tereża Nuzzo trabbiet f’ambjent reliġjuż ħafna tant li missierha kien jingħalaq ta’ kuljum fil-kamra tiegħu, min-nofs in-nhar sat-3.00 p.m., biex jitlob quddiem il-kurċifiss.

Kienet ix-xewqa tagħha li twaqqaf kongregazzjoni reliġjuża ġdida bil-għan li tgħin fl-edukazzjoni akkademika u spiritwali tat-tfal u x-xewqa tagħha nqatgħet fl-1903 meta ngħatat dar fil-Ħamrun. Fl-istess sena waqqfet il-Kongregazzjoni tal-Ulied tal-Qalb ta’ Ġesù u kienet maħtura l-ewwel Superjura Ġenerali. Erba’ snin wara fetħet dar fiż-Żejtun u fl-1913 oħra fil-Marsa.

Fl-1918 Madre Nuzzo kienet akkużata inġustament li kienet tħalli lis-sorijiet tagħha neqsin mill-ikel u wara investigazzjoni ordnata mill-Arċisqof Mauro Caruana, kienet imneħħija mill-uffiċċju ta’ Madre Ġenerali u l-Kongregazzjoni kellha titmexxa mis-sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù.

Waqt li kienet ipprojbita milli tiltaqa’ u titkellem saħansitra man-novizzi tal-Kongregazzjoni, Nuzzo kienet tgħaddi l-jiem titlob u ssewwi l-ħwejjeġ tas-sorijiet. Baqgħet issofri fis-skiet sakemm mietet fis-17 ta’ April, 1923. Illum minbarra disat idjar f’Malta, il-Kongregazzjoni tagħha għandha djar fl-Italja, l-Irlanda, il-Kenja, il-Libja, it-Tuneżija u l-Indja.

Links about Marija Tereża Nuzzo:  

  1. https://en.wikipedia.org/wiki/Madre_Teresa_Nuzzo
  2. http://sacredheartnuzzo.org/our-foundress
  3. http://www.en.teresanuzzo.tripod.com/id2.html
  4. http://www.independent.com.mt/articles/2011-05-01/letters/maria-teresa-nuzzo-a-humble-servant-of-god-291570/
  5. http://theresanuzzoschool.com/our-history/
  6. http://fionavella.com/features/tag/maria-teresa-nuzzo/
  7. https://www.facebook.com/pages/category/Public-Figure/Teresa-Nuzzo-185016469394/
  8. https://www.timesofmalta.com/articles/view/20030504/education/god-will-make-a-way-at-theresa-nuzzo-school.150960
  9. https://books.google.com.mt/books/about/Mother_Maria_Teresa_Nuzzo_1851_1923.html?id=pSEmtwAACAAJ&redir_esc=y
  10. https://wirtizzejtunartikli.files.wordpress.com/2012/06/ulied-il-qalb-ta-gesu_kns_2008.pdf
  11. https://newsbook.com.mt/pass-importanti-fil-kawza-ta-kanonizzazzjoni-ta-madre-teresa-nuzzo/
  12. https://laikosblog.org/2023/04/17/twieldet-mill-gdid-bil-qawwa-tal-ispirtu-ta-alla/

Nota: It-Tagħrif dwar il-Qaddejja ta’ Alla Madre Marija Tereża Nuzzo meħud mis-sit tal-MUSEUM ta’ San Ġiljan.

15 ta’ Frar: San Klawdju de la Colombière

Verżjoni Vidjo: San Klawdju de la Colombière

“Ma nistgħux nunuraw lil Alla billi nippretendu affarijiet kbar mingħandu. Il-fiduċja tagħna Fih hija l-virtù li tagħtih l-akbar unur.” – San Klawdju de la Colombière

cce4af31aa067194e85aec358d6cbf49SAN KLAWDJU DE LA COLOMBIÈRE
Saċerdot
1641 – 1682

Tagħrif: San Klawdju De La Colombière nistgħu nsejħulu l-Appostlu tal-Qalb ta’ Ġesù flimkien ma’ Santa Margerita M. Alacoque li tagħha kien direttur spiritwali.

Klawdju twieled ftit ’il bogħod minn Lyon (Franza) fl-1641. It-tifel kiber fl-għożża ta’ familja tassew Nisranija. Kmieni bagħtuh jistudja f’kulleġġ tal-Ġiżwiti.

Ma kienx differenti mit-tfal tamparu: delikat f’persuntu iżda ferrieħi, studjuż imma wkoll ċajtier. Ma kienx jonqos li jitħallat ma’ sħabu f’dak li hu sports tal-kulleġġ.

Ta’ 17-il sena ngħaqad mal-Kumpanija ta’ Ġesù. Ġie ordnat saċerdot f’Pariġi ta’ 28 sena, fl-1669. Għallem fi skola tal-Ġiżwiti u kien predikatur f’Lyon.

Ta’ 33 sena ħa l-voti solenni u xahrejn wara, fi Frar 1675, sar superjur ta’ komunità żgħira f’Paray-le-Monial. B’kollox dam hemm 18-il xahar biss, iżda dan kien żmien biżżejjed biex jagħti lil Santa Margarita Marija Alacoque, f’kunvent tal-viżitazzjoni fil-qrib, id-direzzjoni spiritwali u l-inkoraġġiment li kellha bżonn. Hu l-aktar li jibqa’ mfakkar għal din il-missjoni tiegħu li sawret it-tifsira ta’ ħajtu.

F’Ottubru 1676, kien mibgħut Londra bħala predikatur tal-qorti ta’ Maria Beatrice d’Este, mart Ġakbu d-Duka ta’ York li ’l quddiem sar ir-Re Ġakbu II. Hawn beda jxerred kemm jista’ d-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù. Jibqa’ msemmi għall-fiduċja sħiħa li kellu f’Alla anki meta l-affarijiet ma kinux jidhru sejrin tajjeb. Diversi talbiet tiegħu jixhdu tajjeb dan.

Wara sentejn f’Londra, Klawdju kien akkużat falzament li kien qed jipprieTka kontra Charles II, u l-Parlament (magħmul minn protestanti) f’Novembru 1678 tefgħu lil Klawdju l-ħabs. Minkejja li ma nstabx ħati tal-akkużi li nġiebu kontrieh, hu xorta waħda kien imkeċċi mill-Ingilterra u ordnat jirritorna fi Franza, saħħtu mkissra għall-aħħar.

Sas-sena 1681, il-qaddis kien id-direttur tal-istudenti Ġiżwiti f’Lyon. Imbagħad kien mibgħut mill-ġdid f’Paray-le-Monial fejn saħħtu tant marret lura li miet nhar il-15 ta’ Frar 1682, ta’ 41 sena.

Klawdju De La Colombière kien dikjarat beatu minn Piju XI fis-16 ta’ Ġunju 1928, u l-Papa San Ġwanni Pawlu II iddikjarah qaddis f’April, 1992.

Ħsieb: Fil-jum tal-bieraħ, ta’ San Valentinu jew Jum il-Maħbubin, iċċelebrajna l-imħabba! Żgur li rajna ħafna qlub ħomor ma’ kullimkien biex idaħħluna fl-atmosfera. Illum fil-festa ta’ San Klawdju de la Colimbiere, li flimkien ma’ Santa Margarita Marija Alacoque (ara Santa Margarita Marija Alacoque u dettali dwar il-Messaġġi li rċeviet mingħand Ġesu’) waqqfu d-devozzjoni lejn il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, niftakru f’din imħabbtu safja u qaddisa. Qalb li tingħata lil kull wieħed u waħda minna u li tixxennaq biex tidħol f’relazzjoni ma’ kull qalb, għax dak li ngħidu bil-Malti, ‘Kull qalb trid oħra,’ japplika wkoll għal Ġesù.

Il-Papa Franġisku, fl-Angelus tad-9 ta’ Ġunju 2013 jgħid hekk dwar il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù.

“Id-devozzjoni popolari tagħti ħafna importanza lis-simboli, u l-Qalb ta’ Ġesù hu l-aqwa simbolu tal-ħniena ta’ Alla; imma mhux simbolu figurattiv, huma simbolu reali, veru, li juri ċ-ċentru, l-għajn li minnha gelglet is-salvazzjoni għall-ġens uman kollu.

Fl-evanġelji nsibu numru ta’ riferimenti għall-Qalb ta’ Ġesù, per eżempju fis-silta fejn Kristu stess jgħid: ‘Ejjew għandi, intom ilkoll li intom għajjenin u mgħakksin, u jien inserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli.’ (Mattew 11:28-29). Silta fundamentali oħra hi r-rakkont tal-mewt ta’ Kristu skont Ġwanni. Dan l-evanġelista fil-fatt jixhed dak li ra fuq il-Kalvarju, jiġifieri li suldat, meta Ġesù kien diġà mejjet, itih daqqa ta’ lanza f’ġenbu u minn dik il-ferita joħorġu demm u ilma (Ġwanni 19:33-34). Ġwanni għaraf f’dan is-sinjal, li jidher komuni, it-twettiq tal-profeziji: mill-Qalb ta’ Ġesù, Ħaruf maqtul fuq is-salib, igelglu il-maħfra u l-ħajja għall-bnedmin kollha.

Imma l-ħniena ta’ Ġesù mhix biss sentiment, hija qawwa li tagħti l-ħajja, li tqajjem lill-bniedem! Dak li jħoss Ġesù għalina, hi l-imħabba ta’ Alla għall-bniedem, il-ħniena tiegħu, jiġifieri l-imġiba ta’ Alla meta jmiss mal-miżerja tagħna, man-nuqqasijiet tagħna, it-tbatija tagħna, id-dwejjaq tagħna. 

Ejjew naħsbu fuq din il-ħaġa sabiħa: il-ħniena ta’ Alla tagħti l-ħajja lill-bniedem, tqajjmu mill-mewt. Il-Mulej dejjem iħares lejna bil-ħniena; ejjew dan ma ninsewhx, iħares lejna dejjem bil-ħniena, jistenniena bil-ħniena. Ejjew ma nibżgħux nersqu lejh! Għandu qalb mimlija ħniena! Jekk aħna nuruh il-feriti li għandna minn ġewwa, dnubietna, Hu dejjem jaħfrilna. Hija biss ħniena! Ejjew immorru għand Ġesù!”

Wara Santa Margarita Marija Alacoque u San Klawdju de la Colombière, aktar riċenti bejn l-1905 u l-1938, għexet Santa Fawstina Kowalska (ara Santa Fawstina Kowalska u dettalji dwar id-Djarju u l-Messaġġ tal-Ħniena), magħrufa bħala l-Appostlu tal-Ħniena Divina li bid-Djarju li l-Mulej riedha tikteb u bil-Festa tal-Ħniena li permezz tagħha ġiet introdotta fil-Knisja, għandna enfasi kbira fuq din il-Ħniena ħierġa minn din il-Qalb ta’ Alla magħmul bniedem.

  • Int tagħraf din it-tip ta’ mħabba safja u ħanina fil-Persuna ta’ Ġesù  li dejjem lest biex iħaddnek miegħu, għamilt x’għamilt f’ħajtek, u permezz tas-Sagramenti tal-Qrar u t-Tqarbin jagħtik il-vera ħajja Fih?

Talba: Mulej, jien qiegħed fid-dinja biex nuri l-ħniena Tiegħek waqt li xi nies jigglorifikawk billi juru l-qawwa tal-grazzja Tiegħek, bil-fedeltà dejjiema lejk. Jiena nigglorifikak billi nuri kemm Inti ħanin lejn il-midinbin. Nuri li l-ħniena Tiegħek hija bla tarf, u li ebda midneb, kbira kemm hi kbira l-offiża, m’ għandu jaqta’ qalbu mill-maħfra. Jekk jien inqastek sew, Redentur tiegħi, tħallinix noffendik iżjed billi naħseb li m’għandekx ħniena biżżejjed biex taħfirli. Ammen. (Talba ta’ San Klawdju de la Colombière)

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/02/st-claude-de-la-colombiere.html

Alternative Reading: https://www.jesuits.global/saint-blessed/saint-claude-la-colombiere/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Claude_de_la_Colombi%C3%A8re

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

6 ta’ Jannar: Santa Raffaela Marija Porras

Verżjoni Vidjo: Santa Raffaela Marija Porras

“Alla jridni naċċetta kull ma qed inġarrab bħallikieku hu stess qed jikkmandani biex nagħmilhom.” – Santa Raffaela Marija Porras

Pintura-realizada-copiando-una-foto-hecha-a-la-santaSANTA RAFFAELA MARIJA PORRAS
Fundatriċi tas-Sorijiet
1850 – 1925

Tagħrif: Twieldet f’Goroba (Spanja), fl-1 ta’ Marzu, 1850. Missierha kien sindku u miet meta Raffaela kellha 4 snin. Ommha mietet meta Raffaela kellha 19-il sena. Oħtha Dolores, li kienet akbar minn Raffaela, iddeċidiet biex flimkien ma’ oħtha jidħlu sorijiet.

L-isqof ta’ Cardoba ma kienx kuntent bis-sorijiet tal-kunvent, li magħhom daħlu Dolores u Raffaela. Is-sorijiet kollha, minbarra ż-żewġ aħwa, ħallew il-kunvent u ħallew lil Dolores u Raffaela responsabbli. Is-16-il novizza kienu taħt ir-responsabbilità ta’ Raffaela. Fr. Ortiz, li kien responsabbli minn dan il-kunvent, ħadhom f’post ieħor, u talab lill-awtoritajiet tal-Knisja biex jirrikonoxxu s-soċjetà l-ġdida.

Patri Ġiżwita, Cotanilla, ħadhom Madrid; Swor Raffaela għamlet il-voti solenni u fl-1886. Is-soċjetà bdiet tissemma’ bl-isem tas-Sorijiet Riparatriċi tal-Qalb ta’ Ġesù. Is-soċjetà nxterdet mal-Ingilterra u l-Amerika. Fetħu skejjel u organizzaw irtiri. Ġara li bejn iż-żewġ aħwa beda xi nuqqas ta’ ftehim, u għalhekk il-Vatikan ħatar lil Dolores bħala superjura.

Bl-umiltà kollha Raffaela aċċettat din il-bidla u għaddiet l-aħħar 32 sena f’xogħol tal-kunvent, f’Ruma. Raffaela kienet kitbet: “Alla jridni naċċetta kull ma qed inġarrab bħallikieku hu stess qed jikkmandani biex nagħmilhom.”

Mietet nhar l-Epifanija fl-1925. Il-Papa Pawlu VI kkanonizzaha fl-1977.

Ħsieb: Sfortunatament, kien hemm differenzi qawwija ta’ opinjoni dwar l-amministrazzjoni bejn Madre Raffaela u “oħtha l-kbira” Dolores, imsejħa Maria-del-Pilar. Fl-1893, Raffaela irriżenjat minn superjura, u Maria-del-Pilar ġiet eletta biex tissostitwixxi l-fundatriċi. Għas-sentejn li ġejjin, Madre Raffaela kienet prattikament injorata mill-komunità reliġjuża kollha tagħha li tagħha hija l-Fundatriċi. Imkeċċija u mibgħuta f’waħda mid-djar tagħhom f’Ruma, hija ġiet assenjatha ix-xogħol tad-dar. Xogħol tad-dar għal tliet deċennji u aktar!

Issa, ħadd minna ma jħobb jiġi mwarrab jew maqtgħuh ‘il barra, speċjalment jekk m’hemmx raġuni ġusta għal trattament bħal dan. Jekk l-oħrajn jiddependu minna, aħna ġeneralment obbligati li nitolbu ġustizzja minn dawk li jkunu għamlulna l-ħsara, jew inkella nfittxu mpjieg ieħor fejn aħna ningħataw dak li hu dovut lilna.

Madre Raffaela għażlet li tgħix din il-kwarantina krudili li imponew fuqha bħala s-salib speċjali tagħha. Kien dan l-att erojku u “martirju kontinwu u fit-tul” li għamilha qaddisa. “Nara b’mod ċar,” qalet, “li Alla jridni nissottometti ruħi għal dak kollu li jiġrili daqs li kieku rajt Lilu stess jikkmandani biex nagħmel dan.”

Ġesù għamililna ċara li: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum, u jimxi warajja.” (Mattew 16:24) Din l-opportunità.  Huwa qiegħed jagħtiha lilna wkoll, fuq platt tal-fidda: li ngħaqqdu t-tbatija tagħna ma’ Tiegħu għas-salvazzjoni tad-dinja.

F’Raffaela Porras, għal dawk minna li huma vittmi ta’ kwalunkwe tip ta’ inġustizzja, għandhom Patruna li tista’ tifhimhom sew għax iġġarbet bħalhom. Raffaela mhux biss ħafret lil min għamel din l-inġustizzja kiefra magħha, imma wkoll għexet b’umiltà u rassenjazzjoni kbira din l-umiljazzjoni għal bosta snin, bl-iskop li ssalva ħafna erwieħ bl-offerta ta’ tbatijietha.

  • Li kieku int kif kont taġixxi?
  • Kont taħfer u tilqa’ l-umiljazzjonijiet għall-imħabba t’Alla kif huwa laqa’ l-passjoni umiljanti tiegħu bħala r-rieda tal-Missier biex isalvana?
  • Kont minflok tiddeċiedi li toffri t-tbatijiet tiegħek, magħqudin ma’ dawk ta’ Ġesù, bħala talba biex issalva ħafna erwieħ?

Fit-tbatija l-bniedem idur fuq Alla u jistaqsi: “Imma għaliex jien? X’għamilt ħażin?” Meta niftakru li Ġesù aċċetta li jieħu fuqu dnubietna u jpatti għalihom bit-tbatija li kellu jgħaddi minnha, għandna nieqfu u nirriflettu… Ġesù, li kien bla dnub, patta għalina, imma lill-Missier ma staqsiehx: ‘Għalfejn JIEN?’ Min iħobb, jaf ibati bla ma jitlef il-paċi tal-qalb, għax jagħraf f’kull tip ta’ tbatija, valur imprezzabbli.

Talba: O Mulej, Raffaela Porras żammet il-ħarsa tagħha fuq il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, u Hu għamilha ta’ qalb ħelwa u umli bħalu. Agħtina li għat-talb tagħha u fuq l-eżempju ta’ ħajjitha, aħna wkoll nagħrfu lill-bnedmin kollha bħala wliedek, u naħdmu biex huma jesperjenzaw imħabbtek f’ħajjithom, akkost li nbatu biex niksbu dan. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://aciengland.org/saint-raphaela-mary-and-mother-pilar-life/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Rafaela_Porras_Ayll%C3%B3n

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

22 ta’ Diċembru: Santa Franġiska Saveria Cabrini

Verżjoni Vidjo: Santa Franġiska Saveria Cabrini

“Afdaw f’Alla dejjem u tkunu xhieda ta’ għeġubijiet.” ~ Santa Franġiska Saveria Cabrini

20140404cnsbr4812_0SANTA FRANĠISKA SAVERIA CABRINI
1850 – 1917

Tagħrif: Franġiska twieldet f’Sant’Angelo Lodigiano, qrib Milan; kienet l-iżgħar fost 13 -il aħwa ta’ familja ta’ bdiewa. Minn kmieni kienet mimlija b’żelu missjunarju għax fil-familja kienu jinqraw l-Annali tal-Propagazzjoni tal-Fidi. Hija kisbet ċertifikat ta’ għalliema u applikat biex tidħol soru f’żewġ ordnijiet reliġjużi differenti li kellhom djar fil-missjoni iżda d-darbtejn ġiet irrifjutata billi kienet tidher ta’ saħħa dgħajfa.

Ix-xewqa tagħha kienet li tmur missjunarja fiċ-Ċina. Kontra qalbha, fuq talba tal-isqof tagħha, hija pprovat issalva orfanatrofju f’Codogno u tagħmel l-istaff tiegħu komunità reliġjuża, iżda wara 6 snin ta’ xogħol iebes, din il-ħidma ma rnexxietx.

Fl-1880, meta kellha 30 sena, Franġiska b’7 sħabha mill-orfanatrofju bdiet il-komunità tagħha tas-Sorijiet Missjunarji tal-Qalb ta’ Ġesù bl-iskop li jmorru missjunarji fiċ-Ċina.

L-isqof ta’ Piacenza, il-Beatu Giovanni Battista Scalabrini, issuġġerielha li tmur taħdem fost l-immigranti Taljani, speċjalment fl-Istati Uniti, bħalma ġa kienet qiegħda tagħmel il-kongregazzjoni tiegħu ta’ San Karlu; iżda qalb Madre Cabrini kienet aktar miġbuda lejn iċ-Ċina.

Dik il-ħabta eluf kbar ta’ Taljani kienu emigraw lejn l-Amerika fejn ma kienu popolari xejn; ħafna minnhom bla sengħa u bla ma jafu kelma bl-Ingliż, u spiss kienu jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet fejn kienu jiġu sfruttati. Madre Franġiska talbet il-parir tal-Papa Ljun XIII, li bla tlaqliq qalilha: “Mhux lejn il-Lvant, iżda lejn il-Punent.” Hija obdiet mill-ewwel u flimkien ma sitt sorijiet tagħha waslet fi New York fl-1889, fejn ma damitx ma waqqfet l-ewwel dar u orfanatrofju.

L-ilsien Ingliż sabitu tqil, kif ukoll ħassitha stramba meta kellha tiltaqa’ mal-Protestanti, imma ma kinitx bniedma taqta’ qalbha. Minkejja li għall-bidu kienet tibża’ tivvjaġġa fuq il-baħar, hi qasmet l-Atlantiku tletin darba. Matul 28 sena rnexxielha twaqqaf diversi skejjel, djar għall-iltiema, kif ukoll erba’ sptarijiet fosthom il-famuż Columbus Hospital ġo New York.

Madre Cabrini daħħlet ukoll is-sorijiet tagħha f’diversi pajjiżi fl-Ewropa barra mill-Italja, fosthom Franza, Spanja u l-Ingilterra, kif ukoll fl-Amerika t’Isfel bħall-Brażil, l-Arġentina u n-Nikaragwa. Xtaqet tasal anki sal-Alaska.

Madre Cabrini mietet għal għarrieda waħedha f’wieħed mill-isptarijiet tagħha f’Chicago waqt li kienet tħejji r-rigali tal-Milied għal 500 tifel u tifla, nhar it-22 ta’ Diċembru, 1917 meta kellha 67 sena. Ġiet ibbeatifikata 21 sena wara mewtha (13.11.1938) u ddikjarata qaddisa 8 snin wara (7.7.1946), l-ewwel ċittadina tal-Istati Uniti li ġiet ikkanonizzata. Fl-1950, il-Papa Piju XII ħatarha Patruna tal-emigranti.

Ħsieb: Inebbħuna l-kelmiet ta’ San Ġwanni Pawlu II:

“Jekk il-‘ħolma’ ta’ dinja fil-paċi tkun maqsuma bejn ħafna, jekk nagħtu valur lill-kontribut tal-immigranti u r-rifuġjati, l-umanità tista’ ssir dejjem iżjed familja ta’ kulħadd u artna ‘dar komuni’ tassew.”

Ħafna fl-istorja emmnu f’din il-“ħolma”, u dak li wettqu hu xhieda li m’aħniex nitkellmu dwar utopja li ma tistax isseħħ. Fost dawn ta’ min isemmi lil Santa Franġiska Saverja Cabrini, li fis-sena 2017 ħabat iċ-ċentinarju tat-twelid tagħha għas-Sema. Illum, ħafna komunitajiet ekkleżjali jiċċelebraw it-tifkira tagħha. Din il-mara ċkejkna imma kbira, li kkonsagrat ħajjitha għall-qadi tal-immigranti, biex imbagħad saret il-Patruna tagħhom mis-Sema, għallmitna kif nistgħu nilqgħu, nipproteġu, nippromovu u nintegraw lil dawn ħutna.

Il-Papa Franġisku fil-messaġġ tiegħu ta’ Jum il-Paċi tal-1 ta’ Jannar 2018, qal hekk:

“Bi spirtu ta’ ħniena, ejjew inħaddnu magħna lil dawk kollha li qed jaħarbu mill-gwerra u mill-ġuħ jew huma mġiegħla jħallu artijiethom minħabba f’diskriminazzjonijiet, persekuzzjonijiet, faqar u taħsir ambjentali. Aħna nafu li mhux biżżejjed li niftħu qlubna għat-tbatijiet tal-oħrajn. Irid isir wisq aktar qabel ma’ ħutna jistgħu jerġgħu lura jgħixu fil-paċi f’dar żgura.

Li nilqgħu lill-oħrajn jitlob minna mpenn konkret, katina ta’ għajnuniet u ta’ għemejjel ta’ tjieba, attenzjoni li tishar u tifhem, it-trattament responsabbli ta’ sitwazzjonijiet ġodda kumplessi li, xi drabi, jiżdiedu ma’ għadd ta’ problemi oħra li diġà jeżistu, kif ukoll tar-riżorsi dejjem limitati. Bil-prattika tal-virtù tal-prudenza, min jiggverna jista’ jagħraf jilqa’, jippromovi, jipproteġi u jintegra, waqt li jistabbilixxi miżuri prattiċi, u “jgħinhom isiru membri ġodda ta’ pajjiżhom fil-limiti tal-ġid komuni mifhum sewwa.” Huma għandhom responsabbiltà preċiża lejn il-komunitajiet tagħhom, li għandhom jiżgurawlhom id-drittijiet ġusti u l-iżvilupp armoniku tagħhom, biex ma jkunux bħall-bennej iblah li qies ħażin u ma rnexxilux iwettaq sal-aħħar it-torri li kien beda jibni.

L-għerf tal-fidi jagħtina din il-ħarsa, li kapaċi tintebaħ li lkoll nagħmlu ‘parti minn familja waħda, immigranti u popli lokali li jilqgħuhom, u lkoll għandhom l-istess jedd għall-użu tal-ġid tal-art, li d-destinazzjoni tagħha hi universali, kif tgħallem id-duttrina soċjali tal-Knisja.’

Biex noffru lil dawk li qed jitolbuna kenn, rifuġjati, immigranti u vittmi ta’ traffikar, possibbiltà biex isibu dik il-paċi li qed ifittxu, dan jitlob strateġija li tiġbor flimkien erba’ azzjonijiet:

  • nilqgħu: ‘Tinsewx tilqgħu lill-barranin; minħabba f’hekk xi wħud laqgħu l-anġli bla ma kienu jafu’ (Lhud 13:2),
  • nipproteġu: ‘Il-Mulej li jħares lill-barranin; hu li jżomm lill-iltim u lill-armla’ (Salm 146:9),
  • nippromovu: Il-Bibbja tgħallem li Alla ‘jħobb il-barrani u jagħtih ħobż u lbies.’ imbagħad issejjaħ: “Ħobbu l-barrani, għax intom barranin kontu fl-art tal-Eġittu.’ (Dewteronomju 10:18-19),
  • nintegraw: “Għalhekk ma għadkomx aktar barranin u frustieri, imma intom ċittadini flimkien mal-qaddisin u nies tad-dar ta’ Alla.’ (Efesin 2:19).

Għall-interċessjoni ta’ Santa Franġiska Saveria Cabrini, ħa jagħti l-Mulej lilna lkoll li nduqu kif ‘dawk li jfittxu s-sliem jiżirgħu fis-sliem u jkollhom il-frott tal-ġustizzja.’ (Ġakbu 3:18).”

Talba: Alla ħanin, Int ħeġġiġtna permezz ta’ Ibnek Ġesù, biex nitolbu l-għajnuna tiegħek fil-bżonnijiet kollha tagħna. Agħtina permezz tal-interċessjoni ta’ Santa Franġiska Saveria Cabrini, il-grazzja li ma nagħmlu l-ebda distinzjoni bejn bniedem u ieħor, imma li nħobbu u naqdu lil kulħadd, irrelevanti l-kulur, in-nazzjon jew il-lingwa. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.mothercabrini.org/who-we-are/mother-cabrini/

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-frances-xavier-cabrini/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Frances_Xavier_Cabrini

An old film on Saint Frances Xavier Cabrini:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

19 ta’ Awwissu: San Ġwann Eudes

Verżjoni Vidjo: San Ġwann Eudes

“L-għaqda tan-nisrani ma’ Ġesu’ Kristu hija aktar nobbli, aktar intima u aktar perfetta mill-għaqda tal-membri kollha tal-ġisem mar-ras tagħhom.” San Ġwann Eudes

maxresdefault (1)

SAN ĠWANN EUDES
Saċerdot
1601 – 1680

Tagħrif: San Ġwann twieled f’Ri, Normandija (Franza), fl-1601. Meta kellu 14-il sena, missieru daħħlu jistudja fil-Kulleġġ tal-Ġiżwiti ta’ Caen.

Fl-1623, daħal fil-Kongregazzjoni tal-Oratorju ta’ Franza. Ordna saċerdot fl-1625, u beda l-ħajja appostolika billi mar jaħdem man-nies li kienu mardu bil-pesta li kienet qed tagħmel straġi fin-Normandija.

Fl-1631, faqqgħet epidemija oħra, u Ġwanni reġa’ mar jgħin lill-vittmi. Biex ma jinfettax lil sħabu r-reliġjużi bil-marda, kien jgħix għalih waħdu f’daqxejn ta’ għarix f’nofs għalqa. Imbagħad għall-għaxar snin li ġew wara, intefa’ jiġri ma’ Franza kollha jippriedka l-missjonijiet fil-parroċċi.

Fl-1641, bil-għajnuna ta’ Madaleine Lamy, fetaħ dar għan-nisa u x-xebbiet li kienu jixtiequ jinqalgħu minn ħajja ħażina. Tliet snin wara fdaha f’idejn is-Sorijiet Visitaturi ta’ Caen.

Fl-1643 ħareġ mill-Kongregazzjoni tal-Oratorjani biex iwaqqaf il-“Kongregazzjoni ta’ Ġesù u ta’ Marija”, magħrufa wkoll bħala “tal-Ewdisti”, għall-formazzjoni tal-kleru u għax-xogħol tal-Missjonijiet. Il-Qaddis fetaħ numru ta’ Seminarji.

Fl-1650, waqqaf “is-Sorijiet tal-Karita’ tar-Rifuġju” li l-għan prinċipali tagħhom kien li jaħdmu għan-nisa penitenti. Din il-kongregazzjoni baqgħet dejjem tikber, u fl-1835 ħarġet minnha l-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Buon Pastur.

Waqqaf ukoll l-“Għaqda tal-Qalb tal-Omm l-aktar Ammirabbli”, li hi bħat-Terz Ordni ta’ San Franġisk.

San Ġwann kellu jħabbat wiċċu ma’ oppożizzjoni qawwija mill-Ġansenisti, u minn xi Oratorjani. Kien ġie kkalunjat speċjalment wara li waqqaf is-Sorijiet tal-Karita’ tar-Rifuġju. Għal xi żmien kien itteħidlu l-permess li jippriedka u jqarar. F’dak iż-żmien, intefa’ jikteb u jxerred id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù u lejn il-Qalb ta’ Marija. Fost il-kitba spiritwali tiegħu nsibu “Id-devozzjoni lejn il-Qalb Adorabbli ta’ Ġesù” u “L-Ammirabbli Qalb tal-Wisq Imqaddsa Omm Alla”.

Miet f’Caen, fid-19 ta’ Awwissu 1680, meta kellu 79 sena, u ġie kkanonizzat mill-Papa Piju XI fl-1925.

San Ġwann Eudes hu magħruf bħala wieħed minn tal-ewwel nett u mill-aqwa li xerrdu d-devozzjoni lejn il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù u l-Qalb Immakulata ta’ Marija.

Ħsieb: Għaliex qiegħed/qegħda hawn? Ma rridx infisser hawn f’dan is-sit, imma għaliex qiegħed/qegħda hawn f’din id-dinja? X’inhu l-iskop ta’ ħajtek? Din hija l-aktar mistoqsija importanti li wieħed għandu jistaqsi. U minkejja dan, huwa faċli li wieħed jinjora din il-mistoqsija meta jinqabad fid-dettalji tal-ħajja ta’ kuljum.

L-aktar tweġiba sempliċi għal din il-mistoqsija hija li: Int tinsab hawn għall-Imħabba. Int ġejt maħluq/a għall-imħabba. Anzi ġejt maħluq/a biex ikollok għaqda mal-Imħabba Nnifisha li hi Alla nnifsu. Għax kif jgħid San Ġwann: ‘Alla huwa Mħabba.’ (1 Ġwanni 4:8)

Hi propju din l-għaqda ma’ Alla Mħabba, li l-aktar tispikka f’dan il-qaddis tal-lum, Ġwann Eudes, li kellu devozzjoni speċjali lejn il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’. Araw ftit x’kiteb dwar l-għaqda ma’ Alla li tibda f’din id-dinja u tilħaq il-milja tagħha fis-Sema:

“M’hemmx ħajja vera għalik jekk mhux f’Ġesu’ Kristu, għax huwa Hu s-sors tal-ħajja vera. Irid ikun kemm is-sors kif ukoll l-iskop ta’ ħajtek. Int magħqud ħaġa waħda ma’ Ġesu’ kif il-ġisem hu magħqud mar-ras. Għalhekk għandu jkollok nifs wieħed miegħu, ruħ waħda, ħajja waħda, rieda waħda, moħħ wieħed, qalb waħda u Hu għandu jkun in-nifs tiegħek, qalbek, imħabbtek, ħajtek, kollox. Dawn id-doni kbar f’min qed jimxi wara Kristu, jibdew malli tirċievi s-Sagrament tal-Magħmudija. Jiġu miżjuda u msaħħa permezz tas-Sagrament tal-Konfermazzjoni (tal-Griżma) u billi wieħed jagħmel użu tajjeb minn grazzji oħra li jagħti Alla, (u billi ma jitraskurax is-Sagrament tal-Qrar). Permezz tas-Sagrament tat-Tqarbin, din l-għaqda tilħaq il-perfezzjoni.”

Hekk kitbilna San Ġwann Eudes. Inti temmnu dan? Verament temmnu? Inħeġġek iġġedded il-fidi tiegħek f’din ir-realta’ li inti tagħmel parti mill-Ġisem Mistiku ta’ Kristu. U issa, f’dak kollu li se tgħix, kun dak li verament int u għix dak li nħlaqt għalih.

Talba: O Mulej, Int ħlaqtni għalik, biex inħobbok u ngawdik, Tjubija infinita’, Sbuħija li ma tistax tiġi deskritta; tħallinix nitlef il-viżjoni sublimi tiegħek, li Int l-għan aħħari ta’ ħajti u r-raġuni għalfejn għandi nitqabad; tħallix li jiena nintilef fi pjaċiri tal-mument li mbagħad jisfgħu fix-xejn u li ħlejjaq oħra jistgħu joffruli. Ammen. (Talba ta’ San Ġwann Eudes)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2015/08/saint-john-eudes.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-john-eudes/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_Eudes

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Design a site like this with WordPress.com
Get started