21 ta’ Diċembru: San Pietru Kanisju

Verżjoni Vidjo: San Pietru Kanisju

“Għandek kemm għandek x’tagħmel, bil-għajnuna ta’ Alla, tista’ tlaħħaq ma’ kollox.” ~ San Pietru Kanisju

prt.stpetercanisius_2048xSAN PIETRU KANISJU
Saċerdot u Duttur tal-Knisja
1521 – 1597

Tagħrif: San Pietru twieled f’Nijmegen, l-Olanda fl-1521. Missieru kien is-Sindku tal-Belt.

Meta kellu 15-il sena mar jistudja fl-Università ta’ Cologne fejn iggradwa fil-filosofija. Hawhekk iltaqa’ ma’ San Pietru Faber, kumpann ewlieni ta’ San Injazju ta’ Loyola.

Minn Cologne mar fl-Università ta’ Louvain biex jistudja l-liġi, iżda hawnhekk ġietu l-ħajra li jsir saċerdot. Mar sab lil Patri Faber li kien f’Mainz, u għamel l-eżerċizzi spiritwali taħt id-direzzjoni tiegħu u daħal Ġiżwita.

Qaddes fis-sena 1546, u sar l-ewwel Ġiżwita Ġermaniż. Fetaħ dar tal-Ġiżwiti f’Cologne u ntefa’ jikteb u jipprieTka waqt li kien jgħallem fl-Università.

Attenda għall-Konċilju ta’ Trentu u tkellem fih darbtejn. Wara, mar Ruma fejn San Injazju ma damx ma bagħtu jgħallem fl-ewwel skola li l-Ġiżwiti kienu għadhom kemm fetħu f’Messina.

Fl-1549, il-Papa Pawlu III talab lil San Injazju jibgħat xi Professuri Ġiżwiti fl-Università ta’ Ingolstadt. L-għażla ta’ San Injazju waqgħet fuq San Kanisju.

Fl-1552, fuq talba tar-Re Ferdinand, San Kanisju mar jgħallem fl-Università ta’ Vjenna. Riduh isir Isqof tal-belt iżda m’aċċettax, u meta l-Papa Ġulju III għamlu amministratur tad-Djoċesi, irnexxielu jeħles minn din il-kariga wara sena. Fl-1556, ġie maħtur minn San Injazju l-ewwel Provinċjal tal-Ġermanja ta’ Fuq. Sadanittant baqa’ jaħdem bla heda għar-riforma kattolika kontra l-Protestantiżmu. Ipprietka fil-biċċa l-kbira tal-ibliet u l-irħula kollha tal-Ġermanja.

Il-lista tal-kitbiet tiegħu hi twila ferm. L-ittri biss ilaħħqu mat-tmien volumi. Hawn msemmi ħafna għat-tliet kotba tal-Katekiżmu li kiteb għat-tfal, għaż-żgħażagħ u għall-kbar.

Fl-1580 mar fi Fribourg, l-Iżvizzera biex iwaqqaf kulleġġ li llum sar l-Università ta’ Fribourg. Baqa’ fl-Iżvizzera għall-aħħar 17-il sena ta’ ħajtu, u miet fl-istess kulleġġ, fil-21 ta’ Diċembru, 1597. Ħalla warajh legat kbir enormi ta’ xogħol appostoliku li wettaq għall-Knisja li hu tant ħabb.

Il-Papa Piju XI żied ismu fil-lista tal-Qaddisin u ddikjarah Duttur tal-Knisja. Hu magħruf bħala “t-Tieni Appostlu tal-Ġermanja,” wara San Bonifazju.

Ħsieb: L-isforzi bla jaqtgħu ta’ Pietru Kanisju huma eżempju tajjeb għal dawk involuti fit-tiġdid tal-Knisja jew fit-tkabbir tal-morali fin-negozju jew fil-gvern. Huwa meqjus bħala wieħed li ħoloq l-istampa Kattolika, u jista’ faċilment ikun mudell għall-awturi jew il-ġurnalisti Nsara ta’ żminijietna. L-għalliema jistgħu jaraw fil-ħajja tiegħu passjoni għat-trażmissjoni tal-verità.

L-istemma tal-Ġiżwiti hi monogramma, it-tlitt ittri ta’ “Iesus Hominum Salvator” (IHS). Forsi dan nafuh diġà. Imma din l-istemma tfakkarna l-ħin kollu f’realtà li aħna m’għandna ninsew qatt: iċ-ċentralità ta’ Kristu, li Sant’Injazju ried proprju jsejħilha “ta’ Ġesù” biex juri il-punt ta’ riferenza. Mhux biss, imma fil-bidu tal-Eżerċizzi Spiritwali wkoll, iqegħedna quddiem il-Mulej tagħna Ġesù Kristu, quddiem il-Ħallieq u s-Salvatur tagħna “biex noħorġu mill-imħabba tagħna nfusna, mix-xewqat u l-interessi tagħna.”

M’hijiex għalxejn il-mistoqsija għalina lkoll:

  • Kristu huwa ċ-ċentru ta’ ħajti?
  • Inqiegħed jien tassew lil Kristu fiċ-ċentru ta’ ħajti?

Għaliex dejjem hemm it-tentazzjoni li naħsbu li nkunu aħna fiċ-ċentru. U meta nqiegħdu lilna nfusna u mhux lil Kristu fiċ-ċentru, niżbaljaw.  Kristu huwa l-ħajja tagħna!

Għaċ-ċentralità ta’ Kristu tikkorispondi wkoll iċ-ċentralità tal-Knisja: huma żewġ nirien li ma jistgħux jiġu mifrudin: jien ma nistax nimxi wara Kristu jekk mhux fil-Knisja u mal-Knisja. U f’dan il-każ ukoll, aħna qegħdin għall-qadi ta’ Kristu u tal-Knisja, l-Għarusa ta’ Kristu l-Mulej tagħna, li hija l-Knisja Qaddisa Ommna Ġerarkika.

Irridu nħallu lilna nfusna niġu mirbuħa minn Kristu u dan ifisser inkunu dejjem b’ħarsitna lejn dak li hemm quddiemna, lejn l-għan tagħna, li hu Kristu (ara Filippin 3:14) u nsaqsi lili nnifsi bil-verità u bis-sinċerità:

  • X’għamilt jien għal Kristu?
  • X’qiegħed nagħmel jien għal Kristu?
  • X’għandi nagħmel jien għal Kristu?

Ejjew nitolbu li San Pietru Kanisju jgħinna nqiegħdu dejjem fiċ-ċentru ta’ ħajjitna u tal-qadi tagħna lil Kristu u l-Knisja tiegħu; nitolbuh jgħinna nħallu lilna nfusna niġu mirbuħa minn Kristu biex nimxu warajh u naqduh f’kull sitwazzjoni. Ħa nimxu fuq l-eżempji u t-tagħlim tiegħu, u nitolbu lilu u lill-qaddisin l-oħra, biex jimxu magħna fi triqtna, u jkomplu jgħallmuna biex nagħmlu kollox bl-umiltà, għall-akbar glorja t’Alla!

Jekk għandna ħafna x’nagħtu, kif għamel Pietru Kanisju, jew jekk għandna biss ftit x’nagħtu, kif għamlet l-armla fqira fl-Evanġelju ta’ Luqa (ara Luqa 21:1-4), l-importanti hu li lkoll nagħtu milli għandna. Huwa b’dan il-mod li Pietru tant baqa’ eżemplari għall-insara f’erà ta’ bidla mgħaġġla meta aħna msejħa li nkunu fid-dinja imma mhux tad-dinja.

Talba: Għażiż San Pietru Kanisju, Duttur u Difensur tal-Knisja, li fost affarijiet oħra, ikkomponejt kotba li għenu u ispiraw għadd kbir ta’ nies f’ħafna artijiet, għin lil dawk li għandhom f’idejhom il-ministeru tal-katekiżmu biex jikkomunikaw it-tagħlim vera ta’ Kristu b’modi li jistgħu jinftiehmu fiż-żminijiet tal-lum sabiex kulħadd jitqanqal biex jimxi wara Kristu. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/12/saint-petrus-canisius.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-peter-canisius/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Peter_Canisius

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

20 ta’ Diċembru: San Vinċenz Romano

Verżjoni Vidjo: San Vinċenz Romano

“Tassew ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” ~ Ġesù f’Mattew 25:40

F_BeatoVincenzoSAN VINĊENZ ROMANO
Saċerdot
1751 – 1831

Tagħrif: San Vinċenz Romano kien ġej minn familja ta’ bdiewa f’Torre del Greco, qrib Napli. Huwa studja fis-seminarju Djoċesan ta’ Napli u fost dawk li kienu jgħallmuh kien hemm ukoll San Alfons M. de Liguori. Kien ordnat qassis Djoċesan fl-10 ta’ Ġunju, 1775.

Hu għadda kważi s-56 sena tiegħu bħala qassis fil-belt fejn kien twieled ta’ Torre del Greco. Kien iddedikat b’mod speċjali għat-tagħlim u għall-predikazzjoni u kien mezz biex ħafna żgħażagħ saru qassisin bħalu.

Ta’ 48 sena ġie nominat kappillan, imma minkejja li kien ilu ġa 24 sena bħala saċerdot, huwa ma riedx jidħol għal din ir-responsabbiltà ta’ kappillan u kien biss wara ordni formali mill-isqof tiegħu li aċċetta din il-kariga.

B’kollox għamel 33 sena (mill-1799 sal-1831) kappillan tal-unika parroċċa f’dik il-belt dak iż-żmien, il-knisja ta’ Santa Croce, illum bażilika pontifiċja. Bħala kappillan daħħal il-prattika li jqabbad saċerdoti bħala kappillani għas-sajjieda li jaħdmu fuq l-ibħra; kien iħabrek biex il-baħħara jkollhom paga ġusta u anki waqqaf arbitraġġ għall-kwistjonijiet li dawn kien ikollhom ma’ dawk li jimpjegawhom.

Wara l-eruzzjoni tal-Vessuvju tal-15 ta’ Ġunju, 1794 li qered il-belt kważi għal kollox, hu għen biex jerġgħu jinbnew id-djar imwaqqgħin. Hu kien mudell ta’ ragħaj.

Meta San Vinċenz Romano miet, fl-20 ta’ Diċembru, 1831, ta’ 80 sena, il-belt kollha ħarġet tagħti qima lill-missier maħbub u ġeneruż tagħha. Iddikjarah Beatu, il-Papa San Pawlu VI fis-17 ta’ Novembru, 1963 u Qaddis il-Papa Franġisku fl-14 ta’ Ottubru 2018.

Ħsieb: Għalkemm ħafna drabi kien oppress minn gruppi politiċi u minn dawk ta’ madwaru, Romano baqa’ reżiljenti matul iż-żmien tiegħu f’Santa Croce u aċċerta ruħu li dejjem jagħti attenzjoni bir-reqqa lill-edukazzjoni tat-tfal u lill-evanġelizzazzjoni tal-poplu. Kien predikatur li pproklama l-messaġġ tal-Evanġelju b’tali mod li kien sempliċi u mmirat lejn l-edukazzjoni tal-fidili kollha. Fis-sajjieda, hu ra x-xbieha ta’ Alla, u għalhekk iddefendihom kontra nuqqas ta’ paga ġusta u kontra inġustizzji oħra li kienu qed isofru minn dawk li jimpjegawhom.

Ġesù ġie biex jgħinna nidentifikaw ix-xbieha ta’ Alla f’kull bniedem, wkoll f’dawk il-persuni li hu diffiċli għalina naraw din ix-xbieha ta’ Alla fihom. Fil-Vanġelu huwa jsemmi dawk li huma bil-ġuħ, dawk bil-għatx, il-barrani, dak li huwa għeri, dak li hu marid u dak li qiegħed fil-ħabs. Hu jgħid lid-dixxipli tiegħu: “Tassew ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.”

Ovvjament, illum insibu forom oħra ta’ faqar: id-droga, ix-xorb alkoħoliku eċċessiv, it-tfal li jgħixu b’mod jew ieħor il-problemi jew il-kundizzjonijiet diffiċli tal-ġenituri tagħhom. Ġesù ma setax jagħtina kliem iktar qawwi biex in-Nisrani jħobb lil kulħadd iktar minn hekk. Wara dan il-kliem ta’ Ġesù, l-ebda Nisrani veru ma jista’ jsib raġuni biex ma jħobbx lil kulħadd, b’mod speċjali l-foqra u l-batuti.

Huwa ġie fid-dinja jfittex b’mod speċjali lil dawk li huma batuti u fqar. Għalkemm Alla l-Missier bagħat lil Ibnu għall-bnedmin kollha, għax ilkoll tbegħdu minnu, iktar u iktar bagħtu fost il-fqar u l-batuti għaliex Alla jweġġa’ kull darba li jara bniedem, magħmul xbieha tiegħu, qiegħed ibati. Kellu sensittività kbira għat-tbatija tal-bniedem. Dan jixhduh il-ħafna mirakli, b’mod speċjali għal dawk li d-dixxipli tiegħu kienu jippruvaw ibegħduhom minnu. Huwa mhux talli ma tbiegħedx, talli kien ifittex li jiġi f’kuntatt magħhom. Għalhekk narawh b’mod speċjali jfittex il-fqar, il-morda u t-tfal li kien iħallihom jersqu lejh. Sidna Ġesù Kristu tant jagħti valur lil din l-imħabba, li jgħaqqad il-ġudizzju ta’ kull bniedem mat-twettiq ta’ din l-imħabba. “Tassew ngħidilkom,” jgħid Ġesù, “kul ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi.” Dawn huma dawk li joqogħdu fuq il-lemin tiegħu fis-saltna.

Għal Alla, li tħobb tfisser ukoll li tgħin lil dawk li qegħdin ibatu. Fil-ktieb tad-Dewteronomju insibu: “la twebbisx qalbek u tagħlaqx idek għal ħuk fil-bżonn imma iftaħ idek miegħu. Iftaħ idek sewwa lil ħuk, lill-fqar u lill-miskin f’artek.” Il-faqar tal-oħrajn, għan-Nisrani huwa okkażjoni li l-Mulej jagħtih biex qalbu tinfetaħ għall-batut u, jgħid id-Dewteronomju, “la ssewwidtx qalbek meta tagħtih, għaliex minħabba f’dan ibierkek il-Mulej Alla tiegħek.” Din hija s-sejħa li San Pawl jagħmel lill-Kolossin u jagħmilha lilna, “U fuq kollox ilbsu l-imħabba li hi l-qofol tal-perfezzjoni. Jalla s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom . . . Kul ma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù u roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu.” (Kolossin 3:14.17).

  • Il-Mulej Ġesù, ir-Re u s-Sid fuq kulħadd ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi. Jien li ma jien xejn, x’qed nagħmel?

Itlob lill-Mulej, biex jagħtik il-qawwa u l-grazzji li għandek bżonn biex taqdi lilU fl-oħrajn bil-ferħ u bil-qalb anki meta affaċċjat/a ma’ bosta umiljazzjonijiet. Għidlu li tixtieq tħobbU ta’ veru kif ħabbna Hu!

Talba: Agħtina O Mulej, li fuq l-eżempju ta’ dan ir-Ragħaj tajjeb, is-saċerdot San Vinċenz Romano li kien figura sempliċi iżda b’saħħitha għan-nies ta’ Torre del Greco, aħna wkoll nieħdu ħsieb lil dawk li ġew fdati f’idejna, anki jekk huma biss il-membri tal-familja tagħna, ngħinuhom jikbru fil-fidi, u nagħtuhom xhieda tal-imħabba vera ta’ Alla bil-mod kif nittrattaw magħhom. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saltandlighttv.org/blogfeed/getpost.php?id=85494

Alternative Reading: http://www.italyonthisday.com/2017/06/the-blessed-vincent-romano-neapolitan-priest.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Vincent_Romano

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

19 ta’ Diċembru: Beatu Urbanu V

Verżjoni Vidjo: Beatu Urbanu V

L-imħabba ma tintefaħx biha nnfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn.” – 1Korintin 13:4

007968_Papa_Urbanus_Quintus_83BEATU URBANU V
Papa
1310 – 1370

Tagħrif: William de Grimouard, il-futur Papa Urbanu V, kien ġej minn familja nobbli Franċiża u twieled fi Grisac, fil-Languedoc (Franza). Daħal mal-Benedittini f’Chirac, u studja f’Montpellier, Toulouse, Pariġi u Avignon. Kien ordnat saċerdot u ħa d-dottorat fil-liġi, u kiseb fama kbira bħala professur tal-liġi f’Montpellier u f’Avignon, u serva bħala vigarju ġenerali fi Clermont u f’Uzés.

Ta’ 42 sena l-Papa Klement VI ħatru (1352) abbati ta’ St Germain f’Auxerre, u serva fuq ħafna missjonijiet diplomatiċi fl-Italja. Papa Innoċenz VI ħatru abbati ta’ San Vittore f’Marsilja fl-1361 u legat tar-reġina Ġwanna tal-Italja f’Napli. Kien hawn meta huwa ngħażel Papa fl-1362 f’Avignon meta l-kardinali ma setgħux jiftehmu biex jagħżlu wieħed minn fosthom wara l-mewt ta’ Innoċenz VI u ħa l-isem ta’ Urbanu V.

Urbanu kompla juri interess fl-edukazzjoni u waqqaf l-universitajiet ta’ Krakovja u ta’ Vjenna. Hu kien eżempju ta’ sempliċità u integrità, kien ħieles min-nepotiżmu u ħadem ħafna għar-riforma tal-Knisja. L-ikbar att tal-pontifikat tiegħu kien ir-ritorn tiegħu minn Avignon għal Ruma, minn fejn il-Papa kien ilu nieqes 60 sena. Għamel dan il-pass kuraġġuż minkejja l-oppożizzjoni tal-kardinali u l-qorti Franċiżi meta l-Kardinal Albornoz rebaħ mill-ġdid l-Istati tal-Papa fl-1367.

Urbanu V b’enerġija kbira beda jibni mill-ġdid il-bażilki l-kbar li kienu ġġarrfu. Iżda wara 3 snin, mifni mid-diżordnijiet lokali, ċeda għal diversi pressjonijiet, kif ukoll minħabba l-imħabba li kellu għal Franza, huwa reġa’ lura lejn Avignon minkejja t-twissija ta’ Santa Briġida li jekk jitlaq minn Ruma imut f’qasir żmien.

Mewtu ġrat f’Avignon fid-19 ta’ Diċembru 1370, f’inqas minn tliet xhur wara li ħalla Ruma. Il-kult lejh kien approvat minn Piju IX fl-1870.

Ħsieb: Is-sempliċità f’nofs il-poter u l-kobor li kellu tidher li tiddefinixxi lil dan il-qaddis, li aċċetta b’diffikultà l-papat tiegħu, iżda baqa’ patri Benedittin f’qalbu. Dak li jiċċirkundana m’għandux għalfejn jinfluwenzana b’mod negattiv.

Tassew li għall-Beatu Papa Urbanu V, nistgħu napplikaw dawn il-versi mil-1 Korintin 13:4-6:

“… l-imħabba ma tintefaħx biha nnfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li mhux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, … ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità.”

Imma xi jfisser eżatt dan u kif nistgħu bħal Papa Urbanu ma ninqdewx bil-pożizzjonijiet tagħna biex nitkabbru fuq l-oħrajn imma biex inservu lill-oħrajn u nwasslulhom il-Verità u l-Imħabba ta’ Kristu?

“L-imħabba ma tintefaħx bija nnfisha.” ma tagħmilx biex tidher hi, anzi l-imħabba tingħata b’mod li tikkonsma lil dak li jkun u għalhekk “l-imħabba ma titkabbarx fuq l-oħrajn.” Aħna, ħafna drabi, meta naħsbu fil-leaders ta’ din id-dinja, naħsbu li l-poter għandu x’jaqsam mal-arroganza, jew inkella mal-agressività, jew mal-vjolenza, imma l-imħabba, għaliex il-qadi huwa forma sabiħa tal-imħabba, “ma titkabbarx fuq l-oħrajn.” Ma tmegħekomx taħt saqajha, ma tikkalpestahomx.

“L-imħabba ma tagħmilx dak li mhux xieraq.” L-imħabba allura tgħożż l-onestà, l-integrità: l-imħabba tevita dak kollu li mhux xieraq, l-imħabba tgħin id-dinjità ta’ dak li jkun, tagħrafha, tippromoviha.

“L-imħabba ma tfittixx dak li hu tagħha.” L-imħabba ma toqgħodx tagħmel il-kontijiet. L-imħabba ma tgħidx, ‘dan huwa dritt tiegħi.’ L-imħabba tagħti lil hemm mill-eżiġenzi tal-ġustizzja.

“L-imħabba ma tifraħx bl-inġustizzja imma tifraħ bil-verità.” Jalla fuq l-eżempju tal-Beatu Urbanu V, aħna nifirħu bil-ġustizzja, nifirħu bil-verità, nifirħu b’dak kollu li huwa sewwa u nġibu l-ġid u l-barka fuq l-għażiż pajjiż tagħna.

Il-veri dixxipli ta’ Ġesù Kristu jħobbu jservu. Huma jafu li meta huma jaqdu lil ħaddieħor huma jkunu qed jesprimu l-imħabba vera tagħhom u jwettqu patt li huma għamlu fil-magħmudija. Hi x’inhi s-sejħa tagħhom fil-Knisja jew l-irwol tagħhom fil-komunità, huma jħossu fihom xewqa akbar li jħobbu u jaqdu lill-Mulej u lil xulxin.

  • U int, f’hiex int fl-imħabba tiegħek lejn l-oħrajn?
  • Tinqeda bil-pożizzjoni tiegħek (kemm jekk hi ta’ livell għoli u kemm jekk le) biex taqdi lill-oħrajn bla ma tfittex dak li hu tiegħek?
  • Kemm inti lest/a li tirsisti biex sakemm ikun possibli għalik, iġġib il-ġustizzja u tixhed għall-Verità u s-Sewwa anki jekk dan jiswielek ħafna?

Talba: Missier Etern, aħna nirringrazzjawk għal dak kollu li bil-qawwa tiegħek irnexxielu jwettaq il-Beatu Papa Urbanu V matul il-papat tiegħu. Agħtina aktar irġiel u nisa qaddisin fil-Knisja ta’ Ibnek, li jħabirku għall-kura u s-salvazzjoni tal-erwieħ fi żminijietna. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/12/pope-urban-v.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/blessed-pope-urban-v-89

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Urban_V

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

18 ta’ Diċembru: San Gatjanu

Verżjoni Vidjo: San Gatjanu

“Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat.” ~ Ġesù f’Mark 16:15-16

800px-La_Celle-Guenand_Notre-Dame_Vitrail_357SAN GATJANU
L-ewwel isqof ta’ Tours
ċ†337

Tagħrif: Aktarx kien ġej mill-inħawi ta’ Tours. Hawn, kien l-ewwel wieħed li daħħal il-fidi Nisranija, xi ftit għaxriet ta’ snin qabel San Martin, u kien l-ewwel isqof ta’ Tours.

Kiseb bosta għall-fidi. Għall-ewwel kien jiġbor il-merħla żgħira tiegħu fl-għerien, fejn kien iqaddes, biex jaħrab it-theddid tal-pagani. Dam jaħdem mal-ħamsin sena u miet fil-paċi madwar it-337 w.K.

Iżda meta San Martin mar Tours it-traċċi tal-appostolat ta’ San Gatjanu kienu għebu kważi għal kollox, għax Sulpizju Severu jgħid: “kważi ħadd ma kien jaf b’isem Kristu.” Iżda xi ftit kienu jiftakru f’San Gatjanu, li kien mar jipprietkalhom il-Vanġelu u li kien temm ħajtu hemm.

Skont leġġenda taż-żminijiet tan-nofs, San Gatjanu kien wieħed mir-rgħajja li marru jqimu ‘l Ġesù f’Betlem u wieħed mit-72 dixxiplu ta’ Kristu, u San Pietru nnifsu bagħtu l-Gallja. Din hi fi żgur invenzjoni, bħall-oħrajn tal-istess għamla.

San Girgor, isqof ta’ Tours, fis-seklu 6, jgħid fl-“Istorja tal-Franki”, li San Gatjanu kien wieħed mis-seba’ isqfijiet li l-Papa San Fabjanu bagħat minn Ruma, madwar nofs is-seklu 3. Iżda dan il-grupp ta’ seba’ isqfijiet, numru simboliku, hu wkoll leġġendarju.

Ħsieb: San Gatjanu stabbilixxa ospizju għall-foqra ‘l barra mill-ħitan ta’ Tours. Hemm hu, ħass l-għejja tegħlbu, wara ħames deċennji ta’ sawm, penanzi u tiġrib. U hemm, l-abbati Jaud jirrelata, li s-Salvatur deherlu, u qallu, “La tibżax! Il-kuruna tiegħek imħejjija u l-Qaddisin qed jistennew il-wasla tiegħek fil-Ġenna.” B’dawn il-kliem, is-Salvatur qarbnu u amministralu l-aħħar riti Hu nnifsu. Għalhekk, minn dan nafu li  San Gatjanu għamel suċċess kbir quddiem Alla u l-qaddisin tiegħu. Imma mhux hekk jingħad għas-suċċessi tiegħu hawn fuq l-art, għax il-predikazzjoni tiegħu donnha ma qabditx għeruq u l-frott tat-tagħlim tiegħu ntesa maż-żmien. Imma għal Alla, li ma jaħrablu xejn u li jara kull sforz minn naħa tagħna, Gatjanu kien ħaqqu l-kuruna tal-glorja mal-qaddisin. Kemm ikejjel b’mod differenti minna l-bnedmin il-Mulej! U mnalla li kien hekk! Għax ħafna minna, aktar jidhru telliefa milli rebbieħa f’għajnejn in-nies tad-dinja.

Id-dinja u s-soċjetà jriduk tagħmel u tkun suċċess. Is-suċċess li jrid minnek Alla hu differenti. Alla jridek tħobb u tibqa’ tħobb akkost ta’ kollox u tipprova u tibqa’ tipprova togħbod id-dnub akkost ta’ kollox. Dan tal-aħħar tagħmlu billi taħrab id-dnub bi mħabba lejH li ma jixtieqx li d-dnub jidħol bejnietkom u jifridkom.

Jekk jirnexxilekx u jekk tkunx suċċess f’dawn, għal Alla mhux importanti. Sa mewtek, jista’ jkun li f’għajnejn dawk li jiġġudikawk int se tibqa’ tidher falliment, imma għal Alla li jħares lejn l-isforzi moħbija tiegħek biex tegħleb id-dnub, biex tkun xhud veru tiegħu bil-kliem u bl-għemil u biex tħobb u taqdi lill-oħrajn, int jista’ jkun li jkun ħaqqek is-suċċess u l-premju tal-ġusti fil-Ġenna.

Fir-realtà, kul man-Nisrani għandu bżonn iżomm f’moħħu huwa li hu qiegħed f’din id-dinja biss għall-imħabba – biex iħobb. L-affarijiet l-oħra kollha (sitwazzjonijiet u azzjonijiet tan-nies) m’ humiex importanti u m’għandux bżonn jogħqod jieqaf jinkwieta dwarhom. Lanqas biss għandu jaħseb wisq dwar il-bżonnijiet u x-xewqat tiegħu stess. Filwaqt li minn naħa tiegħu, għandu jipprova jagħmel dak li jista’, għal dawn li huma r-riżultati, għandu jafda kompletament f’idejn Dak li wiegħed li jagħtini dak li għandna bżonn, filwaqt li nkunu qed nippruvaw b’ħilitna kollha, nobdu l-kmandamenti Tiegħu u nħobbu lin-nies kollha mingħajr kundizzjoni hekk kif ħabbna Hu.

Talba: Mulej Alla tagħna, int għażilt lil San Gatjanu biex ixandar il-misteru tal-imħabba tiegħek ġewwa Tours; ħares lil dawk li tajthom il-ġieħ ta’ wliedek u żommhom sal-aħħar qalb waħda u ruħ waħda, u agħmel li l-ġnus kollha jaraw is-salvazzjoni tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://www.newadvent.org/cathen/06392d.htm

Alternative Reading: https://anastpaul.com/2019/12/18/saint-of-the-day-18-december-saint-gatian-of-tours-c-251-301/

or http://logismoitouaaron.blogspot.com/2009/12/very-pious-god-fearing-manst-gatianus.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Gatianus_of_Tours

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

17 ta’ Diċembru: San Ġwann ta’ Matha

Verżjoni Vidjo: San Ġwann ta’ Matha

“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, … bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, … inrodd il-ħelsien lill-maħqurin” – Ġesù f’Luqa 4:18-19

mathaSAN ĠWANN TA’ MATHA
1160 – 1213

Tagħrif: San Ġwann twieled fi Provence (Franza). Għal xi żmien għex bħala eremit, imbagħad mar Pariġi fejn ħa d-dottorat fit-teoloġija u kien ordnat saċerdot fl-1197 ta’ 37 sena.

Hu ngħaqad ma’ San Feliċ ta’ Valois fl-eremitaġġ tiegħu ta’ Cerfroid u għarraflu bl-idea tiegħu li jwaqqaf ordni reliġjuża għall-fidwa tal-ilsiera Nsara minn taħt idejn il-Misilmin fi Spanja.

Lejn tmiem l-1197 it-tnejn marru Ruma u s-sena ta’ wara kisbu l-approvazzjoni tal-Papa Innoċenzju III għat-twaqqif tal-Ordni tat-Trinitari, bi Ġwanni bħala s-superjur. Huma wkoll kellhom l-approvazzjoni tar-re Filippu Awgustu ta’ Franza. L-ordni kiber u xtered fi Franza, Spanja, l-Italja u l-Ingilterra, u bagħat ħafna membri tiegħu fl-Afrika ta’ Fuq, u fdew għadd kbir ta’ lsiera.

It-Trinitari huma patrijiet kontemplattivi. L-ordni ħaddan elementi ta’ monastiċiżmu b’organizzazzjoni internazzjonali biex jixtru l-ilsiera Nsara, jeħduhom lura lejn djarhom u jipprovdulhom għall-ħtiġijiet spiritwali u temporali matul iż-żmien tar-ripatrijazzjoni.

Meta l-jasar intemm, l-ordni ndaħal għal xogħol edukattiv flimkien mal-forom tas-soltu ta’ ħidma pastorali, iżda dejjem b’enfasi ewlenija fuq id-devozzjoni lejn it-Trinità Qaddisa. Illum dan l-ordni fih xi 800 patri.

San Ġwann ta’ Matha miet Ruma fis-17 ta’ Diċembru 1213, u r-relikwi tiegħu ġew trasferiti minn Ruma għal Madrid fi Spanja fl-1655 u l-kult lejh kien approvat fl-1694. Xi kalendarji jfakkruh fit-8 ta’ Frar.

Ħsieb: San Ġwann ta’ Matha kien figura interessanti, storikament. Huwa kien l-ewwel li waqqaf komunità reliġjuża li ħalliet il-konfini tal-monasteru. Illum il-ġurnata mdorrijin b’din il-ħaġa, imma fi żmienu, lanqas kienet titwemmen. Huwa witta t-triq għall-Franġiskani u d-Dumnikani u l-Ordnijiet l-oħra kollha li għażlu appostolat attiv. U, fi żmien ta’ rabja, meta l-Insara kienu jagħmlu kuntatt mall-Misilmin u l-Misilmin mall-Insara bl-użu tax-xabla kontra xulxin, huwa għażel li jsib mod biex “iħobb lin-nies lura fejn jappartjenu.” Fi żmien ta’ rabja u korla, huwa tkellem dwar mgħodrija ġentili. Fi żmien ta’ gwerra u vjolenza, huwa ħareġ l-idejn tal-ħbiberija.

Fil-preżent, hu jrid jgħin lil kull wieħed u waħda minna biex neħilsu lilna nfusna bil-qawwa tal-Mulej, l-ewwel nett minn xi dnub li għadu jassarna, forsi minn nuqqas ta’ saħħa fiżika jew mentali, minn ċirkustanza li qed tgħakkisna jew forsi minn rutina bla produzzjoni li qed tisraqilna l-enerġija għall-Ħajja vera.

Ġesù ġie fid-dinja biex jeħlisna mill-jasar. F’Luqa 4:18-19, Hu qal hekk:

“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani, Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja, nrodd il-ħelsien lill-maħqurin u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej.”

Il-Mulej, għalhekk irid iġibilna ħelsien fil-ħajja tagħna; ħelsien mill-iskjavitù lix-Xitan tegħafna fih minħabba l-misħut dnub! L-għadu tagħna se jkompli jipprova jżommna marbuta u miżmuma fil-“jasar”. Jibqa’ jipprova jżommna oppressi u dipressi, konfużi, imqarrqa, b’nuqqas ta’ tagħlim veru u bla ħajja. Dan hu x-xogħol tiegħu li jagħmlu bla ma jaqta’ sakemm il-bniedem li jibqa’ skjav tiegħu, jasal għad-disperazzjoni, jitlef kull tama u forsi joħodha kontra Alla u jindanna. Din hi l-ħidma tax-Xitan li jgħir għalina. Jaf li hu tilef iċ-ċans li jmur fit-tgawdija tal-ġenna. Għalhekk irid itellef dan iċ-ċans lilna wkoll.

F’1Ġwanni 3:8 insibu li: “Kien għalhekk li deher l-Iben ta’ Alla, biex iħott kul ma għamel ix-Xitan.” U fi Ġwanni 8:36, insibu li: “Jekk l-Iben jeħliskom, tkunu tabilħaqq ħielsa.” 

  • Ġesù irid jeħlisna imma aħna rridu ninħelsu?
  • Immorru għandu fit-talb?
  • Nobdu l-Kmandamenti u t-Tagħlim tal-Knisja?
  • Nagħmlu użu mis-Sagramenti tal-Qrar u t-Tqarbin?
  • Infittxu li nitqaddsu bl-istil ta’ ħajja li ngħixu?

Il-Mulej se jibqa’ jħabbat fuq il-bieb tal-qalb tagħna imma jekk minn naħa tagħna ma niftħulux, ma jistax jidħol u jeħlisna minn dak li qed jassarna. L-għażla f’idejna.

Minħabba n-natura midinba tagħna, post ġie rriservat b’mod speċjali għalik fl-Infern. Permezz tat-tbatija tiegħu u l-mewt fuq is-Salib, Ġesù ħa fuqu l-piena li ħaqqek tad-dnubiet. Wara l-qawmien Tiegħu, Hu fetaħ il-bieb tal-Ġenna għalik, u għalhekk ġie rriservat post ieħor b’mod speċjali għalik hemmhekk ukoll. Dan tal-aħħar ma jeskludix il-post l-ieħor riservat fl-Infern. Issa aħna lkoll għandna żewġ postijiet immarkati bl-ismijiet personali tagħna. L-għażla titħalla f’idejna. Għal liema post qed timmira?

Talba: Trinità qaddisa u mbierka, qanqal f’qalbna dik l-imħabba li ħeġġet lil San Ġwann ta’ Matha biex jaħdem għall-libertà spiritwali u fiżika ta’ wliedek. Agħmel li nuru ħniena u ġenerożità profonda lejn il-foqra u dawk inqas ixxurtjati fis-soċjetà, u ibdilna f’dixxipli veri li jaħdmu għall-ġustizzja u l-paċi fis-Saltna tiegħek fid-dinja kollha. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintsresource.com/john-of-matha

Alternative Reading: http://faith.nd.edu/s/1210/faith/interior.aspx?sid=1210&gid=609&pgid=12460&cid=26590&ecid=26590&crid=0

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_of_Matha

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

16 ta’ Dicembru: Beata Marija tal-Anġli

Verżjoni Vidjo: Beata Marija tal-Anġli

“It-Tjubija ta’ Alla hija akbar minn kemm deni u dnubiet nistgħu nagħmlu, u qabel ma ngħejjew noffenduh hu jaħfrilna”. – Beata Marija tal-Anġli

220px-Anna_Maria_FontanellaBEATA MARIJA TAL-ANĠLI
Reliġjuża
1661 – 1717

Tagħrif: Kien jisimha Marianna Fontanella, u twieldet fis-7 ta’ Jannar, 1661 f’Augusta fil-provinċja ta’ Turin, l-Italja. Hija kienet bint familja nobbli mill-Pjemonte.

Minkejja l-oppożizzjoni tal-ġenituri tagħha, fl-1675, meta kien għad kellha 15-il sena, daħlet fil-monasteru Karmelitan Tereżjan ta’ Santa Kristina ta’ Turin.

Imma għall-ewwel ma setgħetx tidra bħala novizza u kienet tistmell il-mod ġdid ta’ ħajja u lill-majjistra tagħha.

Hi għaddiet minn stati għoljin ta’ talb u kienet tagħmel penitenzi ħorox. Il-fama ta’ qdusija ta’ din il-mistika Karmelitana ħarġet ukoll barra l-monasteru u ħafna kienu jfittxuha għall-pariri tagħha fosthom anki membri tal-familja rjali.

Hija kellha qima speċjali lejn San Ġużepp, li f’ġieħu hija waqqfet monasteru ġdid fil-belt ta’ Moncalieri li fetħet fl-1703 biex tilqa’ fih tfajliet li ma setgħux jingħaqdu magħhom bħala sorijiet f’Turin minħabba nuqqas ta’ wisa’.

Bosta drabi qdiet hawn bħala majjistra tan-novizzi u prijura u fittxet li tnissel fil-komunità l-imħabba mħeġġa lejn Alla wkoll meta kienet għaddejja minn provi kbar. Meta kienet ser tingħażel bħala prijura għall-ħames darba, hija ma ħassithiex kapaċi għal din il-kariga u talbet li, jekk kienet volontà ta’ Alla, hija tmut f’qasir żmien.

Fi żmien tliet ġimgħat hija mardet b’mod gravi u mietet fis-16 ta’ Diċembru, 1717 fl-għomor ta’ 56 sena. Kienet iddikjarata Beata mill-Beatu Piju IX fl-1865, bħala l-ewwel soru Karmelitana Taljana li telgħet għall-ġieħ tal-altari.

Ħalliet miktub: “It-Tjubija ta’ Alla hija akbar minn kemm deni u dnubiet nistgħu nagħmlu, u qabel ma ngħejjew noffenduh hu jaħfrilna.”

Ħsieb: Beata Marija tal-Anġli għexet bħala bint vera ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù, u żammet b’entużjażmu l-osservanza sħiħa tar-regola u l-kunsilli. Kienet distinta minn safa kbira – imqabbla ma’ dik ta’ San Alwiġi Gonzaga, li kienet relatata miegħu minn naħa ta’ ommha – bl-imħabba intensa tagħha biex tbati, mill-entużjażmu apostoliku li kellha, mis-suffraġji kontinwi li kienet tagħmel għall-erwieħ tal-Purgatorju, u mid-devozzjoni kbira li kellha lejn il-Verġni Marija u lejn San Ġużepp. Alla berikha wkoll b’diversi kariżmi straordinarji. Wara mewtha, hija ħalliet warajha ħafna ittri u xi rakkonti awtobijografiċi spiritwali.

Xtaqt nagħmel aċċen dwar id-devozzjoni li l-Beata Marija tal-Anġli kellha lejn San Ġużepp, hekk li f’ġieħu waqqfet monasteru ġdid fil-belt ta’ Moncalieri. Kif qatt setgħet il-Beata Marija tal-Anġli tinsa lil dak li tant kien iħobb lill-Omm l-aktar ħelwa tagħha Tereża ta’ Ġesù u li lilha kien jobdi b’fedeltà?

Għaliex għandu jkollna devozzjoni lejn San Ġużepp?
Bħalma San Ġużepp ħadem bl-għaraq ta’ xbinu u bata kemm felaħ biex jieħu ħsieb lil martu u jrabbi u jħares mill-perikli kollha, lil Ġesù afdat f’idejh, hekk ukoll aħna msejħa biex niddedikaw ħajjitna għal Ġesù u Marija. San Ġużepp huwa meqjum ukoll fil-Karmelu bħala mudell ta’ kontemplazzjoni, għax f’ħajtu kellu x-xorti li jgħix f’familjarità umana u spiritwali ma’ Ġesù u Marija.

Huwa għalhekk li Santa Tereża ta’ Ġesù (1515-1582), għalliema tal-ħajja tat-talb, fil-Ktieb tal-Ħajja (V/1.3; VI/3.6-8) tistqarr li meta bdiet tieħu bis-serjetà is-sejħa tagħha għall-ħajja ta’ talb ħadet bħala avukat u patrun tagħha lill-glorjuż San Ġużepp u ntelqet f’idejh bl-akbar ħeġġa fit-talb tagħha.

Mill-esperjenza tagħha, Santa Tereża tgħid li tixtieq tħajjar …

“lil kulħadd ħalli jkun devot ta’ dan il-Qaddis glorjuż, għax issa għandi esperjenza kbira tal-barkiet li jista’ jaqlgħalna mingħand Alla. Jiena ma naf b’ħadd li huwa tassew devot tiegħu u li jqimu b’qadi  partikulari, li ma mexiex sewwa ‘l quddiem fil-virtù, għax dan il-Qaddis jagħti għajnuna tal-akbar fejda lil dawk l-erwieħ li jintelqu f’idejh. Dawk li jitħarrġu fil-ħajja ta’ talb għandu dejjem ikollhom ġibda speċjali lejh. Jekk hemm xi ħadd li ma jistax isib surmast li jgħallmu kif jitlob, ħalli jieħu lil dan il-Qaddis glorjuż bħala għalliem tiegħu u żgur li ma joħroġx mit-triq it-tajba.”

  • U int, devot/a ta’ San Ġużepp?
  • Issejjaħlu biex iħarsek u jipproteġik kif għamel ma’ Marija u Ġesù?

Din li ġejja hi talba lil San Ġużepp, li tassew tajjeb li nitolbuha spiss:

“O Mqaddes Ġużeppi, fil-hemm li fih ninsabu, lejk nirrikorru u b’tama qawwija nsejħu l-patroċinju tiegħek, wara dak tal-Għarusa Mqaddsa tiegħek.

Mela f’ġieħ dik ir-rabta għażiża ta’ mħabba li biha kont marbut max-Xebba bla tebgħa, omm Alla, u f’ġieħ dik l-imħabba ta’ missier li biha ħabbejt lit-tfajjel Ġesù, nitolbuk li tħares ħarsa ħelwa lejn il-wirt għażiż, li Ġesù Kristu rebaħ b’demmu, u bis-setgħa u bil-għajnuna tiegħek tidħol għalina fil-bżonnijiet tagħna.

Kif int, O Ġużeppi, kont taħseb f’din l-art għall-Familja Mqaddsa u tħarisha, hekk ukoll ħu ħsieb tal-familja maħtura ta’ Ġesù Kristu. Eqred minn ġo nofsna, Missier ħanin, din il-pesta ta’ erruri u ta’ ħażen li qegħdin imarrdu d-dinja. Ieqaf magħna mis-smewwiet, f’din il-gwerra li għandna mal-qawwa tad-dlamijiet, O Protettur qawwi tagħna. U kif darba ħlist mill-mewt lill-Bambin Ġesù, hekk issa ddefendi l-Knisja Mqaddsa t’Alla mit-tnassis tal-għedewwa u minn kull hemm.

Xerred dejjem fuq kull wieħed u waħda minna l-patroċinju tiegħek, sabiex bl-eżempju u bil-għajnuna tiegħek, nistgħu ngħixu ħajja qaddisa, nagħmlu mewta tajba, u naqilgħu l-hena ta’ dejjem ġewwa l-ġenna. Ammen.”

Talba: Nitolbuk, O Ġesù, permezz tal-interċessjoni tal-Beata Marija tal-Anġli, sabiex il-ħajja ta’ qdusija tagħha tkun ta’ kontribut f’li tgħarraf lill-bnedmin l-għeġubijiet li Int kapaċi tagħmel ma’ min jintelaq f’idejk u jafdak b’qalbu kollha, bis-sempliċità u bl-umiltà. Agħtina li nimxu fuq il-passi ta’ din il-qaddejja tiegħek, sabiex bħalha, naslu ngawduk fil-hena tas-Sema. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://hagiomajor.blogspot.com/2012/12/december-16-feast-of-blessed-mary.html

Alternative Reading: https://anastpaul.com/2019/12/16/saint-of-the-day-16-december-blessed-mary-of-the-angels-fontanella-ocd-1661-1717-the-fragrant-rose-of-turin/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Marianna_Fontanella

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

15 ta’ Dicembru: Santa Pawla Marija Di Rosa

Verżjoni Vidjo: Santa Pawla Marija Di Rosa

“Ma nistax immur norqod b’kuxjenza kwieta jekk matul il-ġurnata nkun tlift ċans, żgħir kemm hu żgħir, li nipprevjeni l-imġiba ħażina jew li ngħin biex noħroġ xi ħaġa tajba.” – Santa Pawla Marija Di Rosa

MARIA CROCIFISSA DI ROSA - FONDATRICE - (1954)SANTA PAWLA MARIJA DI ROSA
Fundatriċi
1813 – 1855

Tagħrif: Kien jisimha Pawla Francesca Marija, u kienet ġejja minn familja tat-tajjeb minn Brescia. Ommha mietet meta hi kellha 11-il sena, u kienet edukata fl-iskola tas-sorijiet tal-Viżitazzjoni.

Meta ħalliet l-iskola ta’ 17-il sena, hi bdiet tieħu ħsieb ix-xogħol ta’ missierha, u billi kienet inklinata għall-ħajja reliġjuża, hi rruftat il-proposta ta’ missierha biex tieħu l-istat taż-żwieġ.

Bdiet tiddedika ruħha għal xogħol soċjali u ta’ appostolat fost ix-xebbiet li kienu jaħdmu fil-fabbrika tat-tessuti ta’ missierha. Kienet taħdem fi sptar fi Brescia, iddur bil-vittmi tal-kolera fl-1836, saret direttriċi ta’ dar għall-bniet abbandunati s-sena ta’ wara; waqqfet dar oħra hi nfisha għall-bniet u anki fetħet skola għall-bniet torox u muti.

Bdiet tifforma lil dawk li kienu jaħdmu magħha, f’komunità reliġjuża biex jieħdu ħsieb il-morda fl-isptarijiet. Fl-1840, ta’ 27 sena, id-direttur spiritwali tagħha Mons. Faustino Pinzoni ħatarha superjura tal-grupp tan-nisa, u ħadet l-isem ta’ Maria Crocifissa. Hekk twaqqfet is-soċjetà tal-Qaddejja tal-Karità ta’ Brescia.

L-istitut irċieva l-approvazzjoni tal-isqof ta’ Brescia fl-1843, u tul il-gwerer li xxukkjaw l-Ewropa fl-1848 kienu jduru bil-feruti fil-battalji fl-Italja ta’ Fuq u fl-isptarijiet ta’ Brescia. Fl-1850 kisbet l-approvazzjoni għall-kongregazzjoni tagħha mill-Papa.

Wara li ħliet saħħitha fis-servizz tal-proxxmu, hi mietet fi Brescia fil-15 ta’ Diċembru, 1855 u kellha 42 sena. Kienet iddikjarata qaddisa minn San Piju XII fl-1954.

Ħsieb: Il-ħajja ta’ Santa Pawla Marija Di Rosa kienet waħda ta’ disponibbiltà għal kull persuna fil-bżonn. Kienet tmur tgħin lil xi ħadd f’kull siegħa tal-ġurnata, kemm jekk kienet kura ta’ xi ħadd marid jew assistenza ta’ xi ħadd qed imut, kemm biex iġġib il-paċi fid-djar li kien ikollhom kwestjonijiet, jew biex tikkonforta lil xi ħadd f’diffikultà kbira. Kienet x’kienet il-ħtieġa, hija kienet iġġib l-imħabba u l-fejqan ta’ Alla lil kulħadd u kullimkien. Hija pprattikat b’devozzjoni u paċenzja kbira, il-virtù tal-karità fix-xogħol tagħha ta’ kuljum u l-imħabba tagħha lejn Kristu Kurċifiss urietha mill-mod kif ħabbet lill-membri tal-Ġisem Mistiku Tiegħu. Kienet qaddisa li tassew għexet l-Opri tal-Ħniena li kull Nisrani hu msejjaħ biex jgħix. Imma liema huma eżatt?

Hemm l-Opri tal-Ħniena li jmissu l-ġisem:

  • 1. Itma’ lil min hu bil-ġuħ.
  • 2. Isqi lil min hu bil-għatx.
  • 3. Libbes lil min hu għarwien.
  • 4. Ilqa’ lil min hu bla dar (frustier).
  • 5. Żur il-morda.
  • 6. Żur il-ħabsin.
  • 7. idfen il-mejtin.

u dawk li jmissu r-ruħ:

  • 1. Agħti parir tajjeb lill-ħosbien.
  • 2. Għallem lil min ma jafx.
  • 3. Widdeb lill-midinbin.
  • 4. Farraġ lill-imnikktin.
  • 5. Aħfer il-ħtijiet.
  • 6. Ħu sabar b’min idejqek.
  • 7. Itlob ‘l Alla għall-ħajjin u għall-mejtin.

Il-Papa Franġisku qal dan dwar l-Opri tal-Ħniena fil-5 ta’ Ġunju, 2017 f’Quddiesa f’Dar Santa Marta:

“Opra tal-ħniena mhix li tagħmel xi ħaġa biex isserraħ il-kuxjenza: nagħmel opra tajba u b’hekk inħossni kalm, qiesni neħħejt xi piż minn fuq spallejja….. Le! L-opra tal-ħniena tfisser li jien inbati t-tbatija ta’ ħaddieħor. Il-qsim u l-kumpassjoni jmorru flimkien. Il-bniedem ħanin hu dak li jaf jaqsam u jitħassar il-problemi tal-ieħor.

Minn hawn joħorġu l-mistoqsijiet:

  • Jiena naf naqsam?
  • Jien ġeneruż/ġeneruża?
  • Meta nara lil ħaddieħor qed isofri, jinsab f’diffikultà, insofri jiena wkoll?
  • Naf inqiegħed lili nnifsi minflok l-ieħor?

Min jagħmel opri tal-ħniena jaf isib min jiddieħak bih. Ma jimpurtax. L-opra tal-ħniena trid tiskomoda: eżempju, jien għandi ħabib, ħabiba, morda, nixtieq immur narahom imma m’għandix aptit… nippreferi noqgħod nara t-televixin, nistrieħ… noqgħod bi kwieti. L-opra tal-ħniena hi minnha nfisha skomda. Iżda l-Mulej skomda ruħu għalina bis-salib. Skomda ruħu biex jagħtina l-ħniena.

Min għandu ħila jagħmel opra tal-ħniena jaf li ħaddiehor kien ħanin miegħu qabel. Dan kien il-Mulej li wera ħnientu magħna. U jekk aħna nagħmlu dawn l-opri nafu li l-Mulej għamilhom magħna qabel. Naħsbu ftit fi dnubietna, fl-iżbalji tagħna, u kif il-Mulej ħafrilna: ħafrilna kollox, kellu dil-ħniena magħna, u aħna għandna nagħmlu l-istess ma’ ħutna.

L-opri tal-ħniena huma dawk li jneħħu l-egoiżmu minna u jagħmluna xbieha ta’ Ġesù għax inkunu qed nimitawh aktar mill-qrib.”

Talba: Mulej, isma’ t-talb ta’ dawk li jfakkru l-ħajja devota tal-Verġni Santa Pawla Marija Di Rosa. Igwidana tul it-triq u għinna nikbru fl-imħabba u l-qadi lejn ħutna l-bnedmin hekk li naslu nixbħu lil Kristu li fil-ħniena tiegħu lejna, qal li Hu ma ġiex (fid-dinja) biex ikun moqdi imma biex jaqdi u jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra. Nitolbuk dan bl-istess Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://www.newmanconnection.com/faith/saint/saint-maria-crocifissa-di-rosa

Alternative Reading: https://vitaesanctorum.wordpress.com/2012/12/15/st-maria-crocifissa-di-rosa/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maria_Crocifissa_di_Rosa

Film bit-Taljan ta’ Santa Pawla Marija Di Rosa:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

14 ta’ Dicembru: San Ġwann tas-Salib

Verżjoni Vidjo: San Ġwann tas-Salib

“Fejn ma hemmx imħabba, qiegħed int l-imħabba, u ssib l-imħabba.” – San Ġwann tas-Salib

Juan-de-la-CruzSAN ĠWANN TAS-SALIB
Saċerdot u Duttur tal-Knisja
1542 – 1591

Tagħrif: San Ġwann twieled f’Fontivers fl-1542 minn Gonzalvo d’Yepes u Katerina Alvarez. Missieru kien bniedem għani li kien ġej minn familja nobbli. Imma kien waqa’ f’tant faqar li kważi kienu jbatu l-ġuħ. Kellu żewġ aħwa oħra akbar minnu; Ġużeppi li hu venerabbli u anke kellu s-setgħa li jagħmel il-mirakli, u Lwiġi. Minn ċkunitu Ġwanni kien juri li hu mogħni b’moħħ tajjeb.

Ta’ erba’ snin waqa’ fi xmara u kien qed jegħreq għax kien għeb taħt l-ilma, u darba oħra, meta kellu ħdax-il-sena, waqa’ ġo bir bla ħorża waqt li kien qed jilgħab ma’ xi tfal oħra. Ommu Katerina għalkemm fqira u romlot kmieni għamlet kull sagrifiċċju biex tgħallmu l-iskola. Kienet tibagħtu f’kulleġġ tal-Ġiżwiti.

Wara li spiċċa l-iskola, Ġwanni ried jitgħallem sengħa. Ipprova jitgħallem ta’ mastrudaxxa, ta’ ħajjat, ta’ skultur u ta’ pittur. Imma ftit li xejn irnexxa f’dawn is- snajja. Fl-aħħar sar infermier biex jieħu ħsieb u jgħin lill-morda foqra. Kulħadd kien irid lilu biex idewwihom, daqskemm kellu qalbu tajba. Sadanittant l-istudju ma ħallieh qatt. Qabel ma kien jibda x-xogħol ta’ kuljum kien jisma’ l-quddiesa b’ħerqa kbira.

Bil-mod il-mod ħass ruħu miġbud lejn il-ħajja reliġjuża u ta’ 20 sena daħal Karmelitan. Kien novizz u student ta’ eżempju għal kulħadd. Għall-ubbidjenza kien lest li jagħmel kollox, u kellu ġibda kbira lejn it-tgħakkis tal-ġisem.

San Ġwann qaddes l-ewwel quddiesa fl-1563, u dakinhar kellu żewġ grazzji kbar; waħda li minn idejh iqarben lil ommu, u l-oħra l-grazzja li kien ilu jitlob żmien twil li f’ħajtu kollha qatt ma jaqa’ fid-dnub mejjet.

Imma San Ġwann qatt ma kien jgħid biżżejjed fejn tidħol l-imħabba ta’ Alla u t- tgħakkis tiegħu nnifsu. Għalhekk li kien trawwem fih il-ħsieb li jindifen għad-dinja billi jingħalaq maċ-Ċertosini sakemm Santa Tereża wrietu t-triq li Alla kien sejjaħlu għaliha.

Taħt it-tmexxija ta’ Santa Tereża u wara li qala’ l-permessi meħtieġa, flimkien ma’ Patri Tonin ta’ Ġesù u Fra Ġużepp ta’ Kristu, San Ġwann waqqaf l-ewwel dar tal-Karmelitani Riformati f’Duruelo, raħal l-aktar fqir u minsi li bħalu ħadd ma seta’ jsib. Il-kunvent kien dar mill-iżjed fqira, biex ikun għalihom ta’ għajnuna biex waqt li jgħakksu ‘l ġisimhom ħsiebhom jgħammar biss f’Alla. B’hekk waqt li jagħtu ‘l Alla t-tifħir li jistħoqqlu, ipattu għall-ħtijiet tad-dinja. Ħsiebhom kien li jgħixu għal Alla biss. B’tifkira ta’ din il-ħajja ġdida Patri Ġwann ta’ San Mattija biddel ismu u sar Patri Ġwann tas-Salib, biex ifisser li s-salib kellu jkun il-mera ta’ ħajtu.

It-tajjeb kulħadd iridu miegħu, u hekk ġralu Patri Ġwann tas-Salib. Il-kunventi kollha tal-Karmelitani Riformati kienu jriduh magħhom, imma fl-aħħar rebaħ il-monasteru tas-Sorijiet ta’ Avila. F’dan il-monasteru kien hemm aktar minn 190 soru. Il-ħajja tagħhom ftit li xejn kienet taqbel mal-ħajja reliġjuża. Għadda ħames snin hemmhekk u l-monasteru ta’ Avila nbidel bħal lejl minn nhar. It-talb, il-ġabra, is-skiet u t-tgħakkis bdew jiġu mħarsin, kif jixraq. San Ġwann għaraf inissel f’dawk il-Karmelitani x-xewqa li jgħixu biss għal Alla.

Wara ħafna taħbit u talb kollox kien jidher miexi sewwa f’dak il-monasteru, meta f’daqqa waħda San Ġwann u Patri Ġermano ġew maqbudin u mixħuta l-ħabs li f’dak iż-żmien kien ikollhom fil-kunventi. San Ġwann ġie meħud fil-ħabs tal-kunvent ta’ Toledo għax qalu li kien qed iġib il-ġlied u l-firda fost il-patrijiet. Santa Tereża malli saret taf, kitbet ittra qawwija lir-Re Filippu II ta’ Spanja, biex isir il-ħaqq kif imiss, imma għalxejn.

San Ġwann dam disa’ xhur fil-ħabs ta’ Toledo, magħluq f’kamra ċkejkna bla dawl, jiekol ħobż u ilma. Lanqas kienu jħalluh iqaddes u kienu jħalluh joħroġ darba kultant biex jagħti bil-ħabel fuq spallejh fir-refetorju quddiem il-patrijiet l-oħra. Fl-aħħar xhur li għamel magħluq f’dan il-ħabs, kien jieħu ħsiebu Fra li kellu qalbu tajba ħafna. Kien iġib musbieħ lil San Ġwann, pinna u xi ftit karti biex jikteb u kultant kien iħallih jippassiġġa xi ftit fil-kuritur. B’hekk San Ġwann kiteb, f’dan iż-żmien, l-aħjar poeżiji tiegħu li jfissru l-għaqda tar-ruħ ma’ Alla, fosthom il-poeżija: “L-Għanja tar-Ruħ.”

F’dawn id-disa’ xhur San Ġwann tas-Salib bata’ u sofra mhux biss minn nuqqas ta’ ikel imma I-aktar għax kien miżmum mit-tqarbin li kien tant iħobb. Għadda minn tiġrib bla qjies, imma kien dejjem ferħan għax kull ruħ magħquda ma’ Alla tgħix fil-paċi. Kien jaf x’iġifieri meta kiteb il-poeżija: “Lejl fid-Dlam” fejn fisser it-tiġrib minn kull naħa li trid tgħaddi minnu r-ruħ għatxana għal Alla.

Ftit jiem qabel il-festa ta’ Santa Marija, San Ġwann kellu dehra mill-Madonna li nebbħitu kif kellu jaħrab minn dak il-ħabs, u żguratu li fil-festa tagħha kellu jkun ħieles. Darba sema’ leħen jgħidlu: “Ġwanni x’titlob minni!” Malli żgura ruħu li kien il-Kurċifiss li qiegħed ikellmu, Ġwanni wieġeb: “Sinjur, jien nixtieq li nbati u li nkun immaqdar għall-imħabba tiegħek.”

U Ġesù laqa’ t-talba tiegħu, għax ftit wara sar il-Kapitlu fejn tela’ Provinċjal Patri Nikola Doria li kellu fehmiet strambi mhux ftit. San Ġwann tas-Salib kien bniedem sinċier u meta ra li s-sorijiet Karmelitani, li wara l-mewt ta’ Santa Tereża kienu mmexxija minn Madre Anna ta’ Ġesù ma kinux qed jiġu meqjusa kif imiss mill-Provinċjal talab li kollox jimxi kif suppost bil-ħaqq. Għax qal is-sewwa ġie mneħħi minn kull uffiċċju li kellu, u mibgħut lejn il-Messiku. San Ġwann ried kieku jobdi, imma marda serja li qabditu żammitu fi Spanja. Darb’oħra wara li ra li żewġ reliġjużi ma kinux qed jaqdu dmirhom kif imiss u kienu ta’ ħsara għall-oħrajn, talab li ċerti ħwejjeġ ma jibqgħux sejrin kif kienu. Imma għall-kuraġġ u reqqa tiegħu, Patri Ġwann ħallasha qares, għax qalgħu ħafna ħwejjeġ kontrih sakemm kellha ssir inkjesta fuq l-imġiba tiegħu. Sabuh bla ħtija, imma ħadd ma tah raġun.

Issa, Patri Ġwann kulma jmur kien qiegħed jikber. Għamel ġid kemm felaħ iżda sab ruħu minsi qabel il-waqt. Ġietu I-ordni biex imur l-Indja. Mill-ġdid ried jobdi, imma r-rieda ta’ Alla kienet xort’oħra. Sadattant baqa’ jikteb poeżiji biex ikantawhom is-sorijiet u fl-istess ħin jitgħallmu. Huma kienu jieħdu pjaċir ikantawhom imma sabuhom tqal wisq biex jifhmuhom, għalhekk talbu lil San Ġwann biex ifissirhomlhom. B’hekk kiteb: “It-Telgħa għall-Karmelu” u “Il-Fjamma tal-Imħabba Ħajja.”

Meta San Ġwann ma kienx jista’ jaħdem aktar tawh jagħżel kunvent fejn ried imur, iżda huwa kiteb u qal: “Min irid igawdi għandu bżonn ibati, biex tkun ferħan hemm bżonn ngħaddi mit-tiġrib, biex ikollok kollox trid tagħti kollox, ir-ruħ li trid lil Alla għandha tfittex mhux dak li jogħġobha imma dak li l-aktar iġagħalha ġġarrab.”

Għal daqshekk San Ġwann għażel il-kunvent ta’ Ubeda, fejn kien hemm superjur wieħed minn dawk ir-reliġjużi li għax ikkorreġieh kien tant ikkalunjah u għamillu ħsara. San Ġwann kien nesa kollox u ħafirlu, imma dak is-superjur baqa’ jżomm. U fl-aħħar jiem ta’ ħajtu Patri Ġwann ġarrab ferm minn dan il-bniedem, li kien jieħdu bil- herra u jimxi miegħu bħallikieku kien xi wieħed bla ġieħ. San Ġwann tas-Salib ma kien jilmenta qatt. Dejjem ferħan li jġarrab kollox għal Alla. Il-mard baqa’ dieħel ‘il ġewwa. Patri Ġwann talab maħfra lil kulħadd u f’nofs il-lejl tal-14 ta’ Diċembru, 1591 ittajjar lejn Alla.

Il-Knisja permezz tal-Papa Beneditt XIII għarfitu bħala qaddis; u l-Papa Piju XI għamlu Duttur tal-Knisja. San Ġwann tas-Salib huwa msejjaħ ‘Id-Duttur Mistiku’ għax hu l- aktar għaref tal-Knisja li jfisser kif il-grazzja tgħaqqad ir-ruħ ma’ Alla f’għaqda sħiħa u misterjuża. Il-festa ta’ dan il-qaddis kbir issir nhar l-14 ta’ Diċembru, il-jum li fih twieled għas-sema.

Ħsieb: Dawn li ġejjin huma ħsibijiet ta’ San Ġwann tas-Salib:

  • Iċħad ix-xewqat tiegħek, u ssib dak li tixtieq qalbek; għax int fejn taf jekk ix-xewqat u l-ġibdiet tiegħek humiex skont ma jridhom Alla?
  • Għemil tajjeb, magħmul għal kollox u fis-safa għal Alla, f’sider kollu safa, iħejji saltna sħiħa għall-imgħallem tiegħu.
  • Ir-ruħ imkebbsa bl-imħabba hija ħelwa, ġwejda, umli u kollha sabar.
  • Min jitlef okkażjoni tajba huwa bħal wieħed li jħalli għasfur jaħrablu minn idu, imbagħad ma jkunx jista’ jerġa’ jaqbdu.
  • Jiena ma għaraftekx, Mulejja, għax bqajt nixtieq nagħraf il-ħwejjeġ u nitgħaxxaq bihom.
  • Ħsieb wieħed biss tal-bniedem jiswa ħafna aktar mid-dinja kollha; mela jistħoqq biss lil Alla waħdu.
  • L-ispirtu tiegħi nixef ġewwa fija, għax jinsa jieħu l-ikel min għandek, Mulej.
  • Imbierek huwa dak li jqiegħed fil-ġenb il-gosti u l-ġibdiet tiegħu, u jħares lejn il-ħwejjeġ kollha fid-dawl tar-raġuni qabel ma jagħmilhom.
  • Int, Mulej, iddur bil-ferħ u l-imħabba lejn min joffendik ħalli terfgħu mill-ġdid, u jiena ma ndurx lejn min jirrabjani ħalli ngħollih u nagħtih ġieħ.
  • Mulej Alla tiegħi, Int ma tkunx barrani għal min ma jagħmilx lilu nnifsu barrani għalik; kif jistgħu jgħidu li Int ma tagħmilx preżenti lilek innifsek?
  • Jekk trid tasal biex tikseb ġabra qaddisa, int tiksibha, mhux billi tilqa’, iżda billi tiċċaħħad.
  • Jekk kull fejn immur, immur miegħek, Alla tiegħi, kullimkien kollox imurli tajjeb, ukoll kif nixtieq li jmur tajjeb miegħek.
  • La taħsibx li se togħġob lil Alla billi tagħmel ħafna għemil tajjeb daqskemm billi tagħmlu b’rieda tajba, u bla ebda rabta ma’ xi ħadd u mingħajr ma tħares lejn wiċċ ħadd.
  • Fil-għabex tal-ħajja għad jeżaminawk fl-imħabba. Tgħallem ħobb kif Alla jrid ikun maħbub u ħalli fil-ġenb it-temperament tiegħek.
  • Il-bniedem la jaf kif jifraħ sewwa u lanqas kif jitnikket sewwa, għax ma jagħrafx id-distanza li hemm bejn it-tajjeb u l-ħażin.
  • F’kull xorta ta’ tiġrib, ersaq malajr lejn Alla bil-fiduċja, u tkun imsaħħaħ u mdawwal u mgħallem sewwa.

Talba: O Alla, int tajtna lis-saċerdot San Ġwann tas-Salib b’eżempju mill-isbaħ taċ-ċaħda sħiħa tagħna nfusna u ta’ mħabba kbira għas-salib: agħmel li ngħixu dejjem bħalu, biex naslu li narawk wiċċ imb ’wiċċ fis-sebħ tiegħek ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/12/st.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-john-of-the-cross/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_of_the_Cross

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mis-sit tal-Parroċċa ta’ Fleur-de-Lys.

13 ta’ Dicembru: Santa Luċija

Verżjoni Vidjo: Santa Luċija

“Bqajt sħiħa sa l-aħħar u salvajt ħajtek, Luċija, għarusa ta’ Kristu: int seħħlek tobgħod kull ma hu tad-dinja, u b’demmek stess irbaħt lill-għadu; issa qiegħda tiddi bil-glorja mal-anġli.” – Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tat-Tifkira ta’ Santa Luċija

6f3dcdb4212686fcf88c1e6d9dc10194SANTA LUĊIJA
Verġni u Martri
283? – 304

Tagħrif: Skont tradizzjoni, jew forsi aħjar leġġenda, Santa Luċija twieldet Sirakuża, Sqallija, dwar is-sena 283, minn familja nobbli. Meta kienet għadha żgħira tilfet lil missierha, u rabbietha ommha, Ewtakja.

Meta kibret, Luċija ipperswadiet lil ommha li kienet ilha marida, biex jagħmlu pellegrinaġġ flimkien għal Katanja u jmorru fuq il-qabar ta’ Santa Agata li kienet mietet martri xi ħamsin sena qabel. Waqt li kienu qed jitolbu, l-omm fieqet f’daqqa waħda.

Luċija ddeċidiet li tħalli d-dinja u tikkonsagra ħajjitha kollha lil Alla, u tgħin lill-fqar. Għamlet il-vot tal-verġinità u ħassret iż-żwieġ li kienet ser tidħol fih ma’ żagħżugħ nobbli pagan. Dak iż-żagħżugħ ħassu mweġġa b’din l-azzjoni ta’ Luċija, u biex ipattihielha akkużaha quddiem il-Konslu Ruman li kienet Nisranija, u ma kinetx tosserva l-liġijiet tal-Imperu.

Santa Luċija b’kuraġġ kbir stqarret il-fidi tagħha u ġiet ikkundannata għat-torturi bin-nar u bl-ilma jagħli. Hi baqgħet soda minkejja t-torturi li sofriet sakemm fl-aħħar nifdulha griżmejha b’xabla. Hi baqgħet ħajja sakemm xi ħadd qarbinha, imbagħad mietet. Dan ġara fil-persekuzzjonijiet tal-Imperatur Djoklezjanu fis-sena 304.

Għalkemm ma hemm l-ebda evidenza storika ta’ din it-tradizzjoni dwar ħajjitha, ma hemm l-ebda dubju dwar il-kult tagħha u l-konnessjoni tagħha ma’ Sirakuża. Isimha hu mniżżel fil-Kanone tal-quddiesa.

Ħsieb: Dan li ġej huwa qari mit-Trattat fuq il-Verġnità, tal-isqof San Ambroġ:

“Int, waħda mill-poplu, waħda mill-kotra, fuq kollox waħda mill-verġni, int, li d-dija ta’ ruħek issebbaħ il-ħlewwa ta’ ġismek (għax għal ftit ma xebbahtikx mal-Knisja!) aħseb dejjem fi Kristu xħin tkun mistrieħa f’kamartek bil-lejl, u l-ħin kollu oqgħod stennieh ġej.

Hekk xtaqek Kristu, hekk għażlek Kristu. Hu jsib il-bieb miftuħ, u jidħol ġewwa; dan ma jistax jonqos, ladarba hu stess wiegħed li jidħol. Ħaddan mela lil dak li fittixt; ersaq lejh u ssir kollok dawl; żommu, itolbu biex ma jitlaqx malajr, għidlu bil-qalb biex ma jwarrabx. Għax il-Verb ta’ Alla jiġri, u ma jinqabadx minn min jiddejjaq bih, ma jinżammx minn min ma jagħtix kasu. Ersaq b’ruħek kollha lejn il-kelma tiegħu, imxi bla mistrieħ wara l-ħoss tal-kliem tiegħu tas-sema, għax malajr jgħaddi.

Taf x’qalet dik ix-xebba? Fittixtu, u ma sibtux, sejjaħtlu, u ma semagħnix. Imma int li sejjaħtlu, li tlabtu, li ħallejtlu l-bieb miftuħ, taħsibx li għandek għax issewwed qalbek jekk telaq malajr: hu sikwit iħallina niġġarrbu. X’qalilhom fl-Evanġelju lil dawk li talbuh biex ma jwarrabx minn pajjiżhom? Qalilhom: ‘Jeħtieġli nxandar il-kelma ta’ Alla lill-ibliet l-oħra wkoll, għax għalhekk ġejt mibgħut. U mqar jekk mingħalik ikun telaq, oħroġ, mur erġa’ fittxu.’

Iżda min, ħlief il-Knisja mqaddsa, għandu jgħallmek kif iżżomm lil Kristu? Anzi hi diġà għallmitek, jekk taqra u tifhem sewwa dan li hemm miktub: ‘Bilkemm ilħaqt għaddejthom meta sibt lill-maħbub ta’ qalbi; żammejtu, u ma tlaqtux.’

Mela biex inżommuh lil Kristu? La b’rabtiet ħżiena u lanqas b’għoqod ta’ ħbula. Lil Kristu norbtuh magħna bl-imħabba, niġbduh lejna bir-riedni ta’ moħħna, inżommuh bil-ġibdiet ta’ ruħna.

Għalhekk, jekk int ukoll trid iżżomm lil Kristu miegħek, mur fittxu, u xejn la taqta’ qalbek mit-tbatija; għax sikwit jiġri li lil Kristu nsibuh aħjar fost it-tbatijiet tal-ġisem u f’idejn l-istess persekuturi tagħna.

‘Bilkemm ilħaqt għaddejthom,’ qalet. U tassew, sakemm int ma tħallix is-setgħat tad-dinja jegħlbuk, tara li fi żmien qasir, f’waqt wieħed, malli tkun ħlist minn taħt idejn il-persekuturi tiegħek, Kristu jiġi jilqgħek minnufih, u ma jissaportix jarak tiġġarrab iżjed.

Dik li tfittex lil Kristu b’dan il-mod, u ssibu, tkun tista’ tgħid: ‘Żammejtu, u ma tlaqtux, sa ma daħħaltu fid-dar ta’ ommi, fil-kamra ta’ dik li nisslitni.’ Xi tkun id-dar u l-kamra ta’ ommok jekk mhux il-qalba ta’ qalbek moħbija ‘l ġewwanett?

Ħu ħsiebha sewwa din id-dar, naddafha tajjeb minn ġewwa biex, wara li tkun għamiltha għamara bla tebgħa, id-dar spiritwali tiegħek, marbuta sewwa fuq il-ġebla tax-xewka, tinbnielek f’saċerdozju qaddis u fiha jgħammar l-Ispirtu s-Santu.

Kristu ma jitlaqx lil dik il-verġni li tfittxu hekk, li titolbu dawn il-ħwejjeġ; mhux biss, imma jiġi jżurha sikwit; għaliex huwa magħna sa l-aħħar taż-żmien.”

Il-Papa Ġwanni XXIII, Il Tempio Massimo, fl-ittra lin-nisa reliġjużi, jgħidilhom hekk:

“Jalla l-imġiba tagħkom turi lil kulħadd li l-kastità mhix biss virtù possibbli iżda hi wkoll virtù soċjali, li għandha tkun imħarsa permezz tat-talb, tal-viġilanza u bit-tgħakkis tas-sensi.”

  • U int, kemm qed iżomm ruħek safi/ja quddiem Alla u quddiem il-bnedmin?
  • Lest/a li tagħti xhieda tal-fidi tiegħek sat-tixrid ta’ demmek?

Nitolbu lil Santa Luċija biex titlob għaż-żgħażagħ tagħna ħalli jżommu ruħhom safja u jgħixu sa minn żogħżithom ħajja li togħġob lil Alla. Nitolbuha wkoll tinterċedi għalina biex ikollna aktar xebbiet li fuq l-eżempju tagħha jikkonsagraw il-verġinità tagħhom u jgħixu ħajja f’servizz għal kull min hu fil-bżonn.

Talba: Agħtina l-għajnuna, Mulej, għat-talb qaddis li tressaq quddiemek għalina Santa Luċija, verġni u martri, biex il-glorja li hi għandha quddiemek niċċelebrawha kif jixraq fuq l-art, sa ma naslu li narawha fis-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/12/saint-lucy-saint-lucia.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-lucy/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Lucy

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

12 ta’ Diċembru: Santa Ġovanna Franġiska De Chantal

Illum il-Knisja tfakkar ukoll il-Madonna ta’ Guadalupe … ara aktar tagħrif …

Verżjoni Vidjo: Santa Ġovanna Franġiska De Chantal

“Minkejja s-sofferenzi kollha li ġarrbet, wiċċha qatt ma tilef is-serenità  tiegħu, u lanqas qatt darba ma naqset mill-fedeltà li Alla talab minnha.” – Dan il-kliem dwar Santa Ġovanna Franġiska de Chantal qalu San Vinċens de Paul li kien direttur spiritwali tagħha meta kienet Superjura tal-Kunvent ta’ Pariġi.

St-Jane-de-Chantal

SANTA ĠOVANNA FRANĠISKA DE CHANTAL
Armla u Reliġjuża
1572 – 1641

Tagħrif: Santa Ġovanna twieldet f’familja prominenti f’Dijon, Franza, fit-28 ta’ Jannar, 1572. Kellha żewġ ħutha subien, wieħed ikbar u l-ieħor iżgħar minnha. Omma mietet meta twieled it-tieni tifel meta Ġovanna kellha biss sena u nofs.

Ta’ 20 sena, missierha żewwiġha lill-Baruni de Chantal li kien seba’ snin ikbar minnha, u kellha sitt itfal li minnhom għexu erbgħa. Hija gawdiet żwieġ hieni sakemm disa’ snin wara li żżewġu sfat deżolata meta żewġha miet f’inċident waqt li kien għall-kaċċa, fl-1601.

Fl-1604, meta kellha 32 sena ltaqgħet ma’ San Franġisk de Sales u l-ħbiberija ta’ bejniethom baqgħet sal-mewt tiegħu fl-1622. Taħt it-tmexxija tiegħu hi ħaffet b’ħeġġa ‘l quddiem fit-triq tal-perfezzjoni, u ħabirket kemm felħet f’opri ta’ mħabba għall-foqra u l-aktar għall-morda.

Meta San Franġisk urieha l-proġett tiegħu li jifforma l-Kongregazzjoni tas-sorijiet tal-Viżitazzjoni, hija laqgħet bil-ferħ il-proposta tiegħu u offriet li tgħinu b’ħilitha kollha.

Bintha l-kbira żżewġet lil ħu San Franġisk de Sales, binha ta’ erbatax-il sena ħa ħsiebu ħuha li kien l-Arċisqof ta’ Bourges, u ż-żewġt ibniet l-oħra ngħaqdu magħha fil-Kongregazzjoni li waqqfet ma’ San Franġisk fl-1610, f’Annecy, meta l-Qaddisa kellha 45 sena.

Il-Qaddisa mexxiet il-Kongregazzjoni b’għaqal kbir, u ratha tikber hekk malajr li sa qabel ma mietet kienu ġa nfetħu 86 kunvent.

Santa Ġovanna mietet f’Moulins, f’wieħed mill-kunventi tagħha, fit-13 ta’ Diċembru,1641, fl-età ta’ 69 sena. Ġisimha ħaduh f’Annecy u difnuh ħdejn dak ta’ San Franġisk de Sales. Il-Papa Klement XIII iddikjaraha qaddisa fl-1767.

Ħsieb: Minn traġedja, jista’ joħroġ ħafna tajjeb, anke meta s-sitwazzjoni tidher bla tama. Santa Ġovanna Franġiska De Chantal tilfet lil żewġha u ġarrbet it-trattament krudili ta’ missieru, iżda spiċċat biex misset il-ħajjiet u l-qlub ta’ ħafna nies meta waqqfet l-Ordni tal-Viżitazzjoni tal-Madonna. Jekk int ukoll għaddejt minn traġedja fil-ħajja tiegħek, itlob lil Alla biex jgħinek titratta ma’ kwalunkwe feriti sentimentali jew psikoloġiċi, jew anki rabja li jista’ jkollok għal xi persuna/i. Importanti li aħna l-Insara ma nieqfux nagħmlu t-tajjeb u l-ġid lill-proxxmu tagħna anki meta aħna nkunu rċevejna xi forma ta’ deni mingħand min stennejna li se jħobbna. Meta aħna niltaqgħu mal-kuntrarju, wiċċna jrid jibqa’ bħalma baqa’ dak ta’ Santa Ġovanna (hekk kif qal fuqha d-direttur spiritwali tagħha San Franġisk de Sales), jitbissem biex jagħmel kuraġġ lill-oħrajn.

Santa Ġovanna Franġiska De Chantal kienet tgħid: “Żomm għajnejk fuq Alla u ħallih jagħmel Hu. Dan huwa dak kollu li għandek għalfejn tinkwieta dwaru.” Imma, tgħiduli, li aħna ngħidu wkoll: “Għin ruħek biex Alla jgħinek.” Mela kif ser nifhmu eżatt fejn għandna nagħmlu xi ħaġa u fejn għandna sempliċiment nafdaw u nintelqu f’idejn Alla?

Ċertament li għandna nitkellmu ma’ Alla b’kunfidenza, għax Ġesù stess qalilna nsejħulu ‘Missier!’ Irridu nitolbuh dak li nemmnu li neħtieġu. Minn naħa tagħna, għandna ngħinu rwieħna biex naslu għal dan. Is-sigriet ta’ ħajja ferħana li tħallilek wiċċek imbissem bħal ta’ Santa Ġovanna fost ħafna tiġrib, hu li: LIL ALLA NAFDAWH BIR-RIŻULTAT TAL-ISFORZI TAGĦNA, huma x’inhuma u jagħmel Hu! U dan li riedet tfisser il-qaddisa tal-lum għax Hu dejjem jifhem aħjar minna x’għandna bżonn!

Meta lill-Mulej nitolbuh xi ħaġa speċifika għax jidhrilna li hi tajba għalina, ir-risposti tiegħu jistgħu jkunu erbgħa: IVA, LE, STENNA jew SE NTIK XI ĦAĠA AĦJAR (ma jagħtikx dak li titolbu eżatt, biex jagħtik xi ħaġa aħjar li forsi int stess mhux qed taraha bħalissa). Għalhekk, wara li nkunu għamilna ħilitna kollha, jeħtieġ li nkomplu nafdawh bis-serjetà u bi mħabba filjali u Hu stess jurina maż-żmien x’kien l-aħjar għalina u b’mod speċjali għal ruħna, li hi l-aktar ħaġa prezzjuża għalih għax hi l-vera aħna u ser tibqa’ għal dejjem.

Tajjeb ukoll li bħal Santa Ġovanna Franġiska De Chantal, infittxu li jkollna direttur spiritwali tajjeb, għaqli u għaref ħalli jakkumpanjana fil-vjaġġ spiritwali tagħna lejn is-Sema pajjiżna.

TalbaO Alla, int żejjint b’merti kbar lil Santa Ġovanna Franġiska de Chantal f’kull stat ta’ ħajja li minnu għaddejtha; bit-talb tagħha, agħtina li nimxu dejjem fidili mas-sejħa tagħna li nxerrdu bla heda madwarna d-dawl tal-eżempji t-tajba. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-jane-frances-de-chantal/

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-jane-frances-de-chantal-567

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Jane_Frances_de_Chantal

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Design a site like this with WordPress.com
Get started