11 ta’ Diċembru: San Damasu I

Verżjoni Vidjo: San Damasu I

“Dak li miexi fuq il-baħar seta’ jikkalma l-mewġ qawwi: Dak li jagħti l-ħajja liż-żerriegħa li qed tmut fil-ħamrija; Dak li kien kapaċi jħoll il-ktajjen tal-mewt, u wara tlett ijiem fid-dlam iġib lura fid-dinja lil ħu Marta; nemmen li hu għad iqajjem mill-ġdid lil Damasu mit-trab tal-art.” – Skrizzjoni li San Damasu I kiteb għalih stess.

55dc33cd71e021a896e6b698905b5c4dSAN DAMASU I
Papa
305 – 384

Tagħrif: San Damasu twieled aktarx f’Ruma għall-ħabta tas-sena 305. Missieru li kien Spanjol, wara l-mewt ta’ martu jew bil-kunsens tagħha sar qassis u kien jieħu ħsieb il-knisja ta’ San Lawrenz, f’Ruma.

Damasu sar Djaknu fil-knisja li kien qed jieħu ħsieb missieru, u wara sar qassis.

Fis-sena 366, meta kellu madwar 62 sena sar Papa. Miegħu sar l-antipapa Ursinu, iżda dan ġie eżiljat mill-Imperatur Valentinjanu. Matul il-papat twil tiegħu ta’ 18-il sena, San Damasu kellu jħabbat wiċċu ma’ ħafna nkwiet, speċjalment dak imqanqal mis-segwaċi ta’ Ursinu, u minn ħafna tagħlim falz sew f’Ruma u sew f’postijiet oħra fil-Knisja. B’danakollu, San Damasu ra ħwejjeġ sbieħ iseħħu fil-Knisja.

Fis-sena 380, l-Imperatur Teodozju tal-Lvant u Grazjanu tal-Punent ipproklamaw il-Kristjaneżmu bħala r-Reliġjon tal-Imperu Ruman. Kien hu l-ewwel Papa li sejjaħ il-Knisja bl-isem ta’ “Is-Sedja Appostolika.”

Hu ħatar lil San Ġilormu segretarju tiegħu u awtorizzah biex jagħmel reviżjoni b’reqqa ikbar tal-verżjoni Latina qadima tal-Bibbja, b’riżultat li llum għandna l-Vulgata. F’Sinodu tat-374, San Damasu ħareġ Kanoni importanti tal-Kotba tat-Testment il-Ġdid. Fi żmienu il-lingwa tal-Liturġija nbidlet mill-Grieg għal-Latin, f’Ruma.

Hu sab u rrestawra l-katakombi fejn bosta martri Nsara kienu midfuna, u għamilhom postijiet ta’ pellegrinaġġi. Huwa kiteb bosta skrizzjonijiet fuq lapidi ta’ oqbra u knejjes biex il-Fidili japprezzaw aħjar il-wirt Nisrani tagħhom.

San Damasu miet f’Ruma fil-11 ta’ Diċembru 384, u difnuh fil-qabar fejn kien hemm midfunin ommu u ħutu, fiċ-ċimiterju ta’ San Kallistu. Biex titpoġġa fuq qabru kiteb din l-iskrizzjoni: “Jien, Damasu, xtaqt nindifen hawn, iżda bżajt li noffendi l-fdalijiet ta’ dawn il-qaddisin.”

Ħsieb: L-istorja tal-papat u l-Knisja hija inseparabbilment imħallta mal-bijografija personali ta’ Damasu. F’perjodu problematiku u kruċjali tal-istorja tal-Knisja, huwa jispikka bħala difensur tal-fidi vera b’ħeġġa kollha żelu li kien jaf x’għandu jagħmel f’kull ċirkustanza li kellu jaffaċċja.

Damasu jagħmilna konxji ta’ żewġ kwalitajiet ta’ tmexxija tajba: viġilanza għat-tħeġġiġ tal-Ispirtu, u servizz. It-taħbit tiegħu għandu jfakkarna li Ġesù qatt ma wiegħed il-protezzjoni tal-blat tiegħu mir-riħ tal-uragani u lanqas li se jħares lis-segwaċi tiegħu mid-diffikultajiet. L-unika garanzija tiegħu hija r-rebħa finali. Kull Nisrani jinsab f’din it-taqbida ħarxa biex jaħdem għas-salvazzjoni ta’ ruħu fost tant taħbit u tiġrib li qatt ma jonqos.

Dawn huma siltiet minn kummentarju għat-talba tal-Missierna: “La ddaħħalniex fit-tiġrib” ta’ San Frangisk Anton Fasani:

“Mulej, fil-għerf ġust tiegħek, int għall-ġid tagħna ridt li ħajjet il-bniedem fuq l-art tkun taqbida, iżda din m’hijiex taqbida kontra d-demm u l-laħam, imma kontra l-prinċpijiet u l-mexxejja tad-dlamijiet. Hija ġlieda bejn l-ispirti l-ħżiena u l-ispirti tas-sema. Imma, Mulej, min jista’ jżomm sħiħ kontra x-xitan? Dak li kien maħluq biex ma jibża’ minn xejn, dak hu s-sultan ta’ wlied is-suppervja. U lkoll kemm aħna nintilfu, jekk ma tgħinniex int, Mulej. Tkun imbierka, mela, dejjem il-ħniena tiegħek, għax int dawwaltna, u aħna nitolbu l-għajnuna mingħandek, aħna u ngħidu: ‘u la ddaħħalniex fit-tiġrib.’

Jeħtieġ li wieħed jifhem sewwa żewġ kelmiet: sahra u talb. Jeħtieġ li nishru dejjem, għax l-għadu tagħna, ix-xitan, dejjem jishar fuqna biex jagħmlilna l-ħsara. Min jishar joqgħod attent u jaħrab mill-perikli. U t-talb ukoll hu meħtieġ b’mod speċjali, għax għalkemm l-ispirtu jrid, dan għadu mirbuħ mid-dgħufija tal-ġisem, li hu magħqud max-xitan li hu qawwi. Mela biex ir-ruħ tirbaħ lill-ġisem u lix-xitan, jeħtieġ li tilbes dik il-qawwa li ġejja minn fuq. U din tinkiseb biss bit-talb. Fhimt, ja ruħ?

Imma jaħasra, kemm jitqarrqu l-bnedmin meta jaħsbu li jistgħu jkunu fiż-żgur bla ma jishru. Imorru fil-periklu u dlonk jaqgħu. Hekk ukoll hemm dawk li jaħsbu li huma qawwijin mingħajr it-talb, iżda mbagħad meta jinqala’ t-tiġrib jintelqu f’idejn ix-xitan.

Meta ngħidu “Iddaħħalniex fit-tiġrib” inkunu nitolbu ‘l Alla biex ma jħalliniex naqbdu t-triq tad-dnub. B’din it-talba nitolbu l-Ispirtu jagħtina l-grazzja li nagħrfu t-tajjeb mill-ħażin, u l-qawwa biex nagħmlu t-tajjeb. Nitolbu wkoll li qalbna tishar dejjem fuq l-imġiba kollha tagħna u li niksbu l-perseveranza tal-aħħar.

  • U int, kemm tishar fit-talb?
  • Meta titlob lil Alla biex ma jdaħħlekx fit-tiġrib, tagħmel ħiltek kollha biex titbiegħed minn dak kollu li jista’ jwasslek għad-dnub?
  • Meta tinqabad fin-nassa tax-xitan minħabba d-dgħjufija tiegħek, tfittex li tinħeles bit-talb, u bis-Sagramenti tal-Qrar u t-Tqarbin li jagħtuna l-qawwa kontra l-Ħażin u l-qerq tiegħu?

Ejjew nitolbu biex il-Mulej jeħles mit-tiġrib kontinwu tax-xitan lill-Papa u l-isqfijiet, is-saċerdoti, il-patrijiet u s-sorijiet, dawk ta’ ħajja kkonsagrata u l-lajċi kollha. Nitolbuh jipproteġina minn kull tip ta’ tentazzjoni, iwaqqaf kull spirtu ta’ firda bejnietna u jħarisna mill-iskandli li jġibu kunfużjoni u taħwid qalb il-poplu. Nitolbuh ukoll biex jagħtina mexxejja tajba u qaddisa bħall-Papa li qed niċċelebraw it-tifkira tiegħu llum biex imexxuna bil-għaqal, bl-għerf u bil-qdusija.

Talba: Nitolbuk, Mulej, biex kif il-Papa San Damasu weġġah u ħabb il-martri tiegħek, hekk aħna niċċelebraw dejjem il-merti tagħhom. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/12/st-damasus-i.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-damasus-i/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Damasus_I

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut. Parti mill-Ħsieb huwa meħud minn Kummentarju għat-talba tal-“Missierna” ta’ San Frangisk Anton Fasani, maqlub għal Malti minn Patri Edmund Teuma OFMConv.

10 ta’ Diċembru: San Ġwann Roberts

Verżjoni Vidjo: San Ġwann Roberts

“Kieku kelli ngħix aktar, kont inkompli nagħmel dak li qed nagħmel.” – San Ġwann Roberts

_46854971_john_roberts282SAN ĠWANN ROBERTS
Saċerdot u Martri
1577 – 1610

Tagħrif: Ġwanni Roberts kien minn Wales. Huwa ħalla Oxford biex jistudja l-liġi, sar Kattoliku f’Pariġi. Hu sar qassis fi Spanja u kien Benedittin tal-Kongregazzjoni ta’ Valladolid. Hu reġa’ lura lejn l-Ingilterra ta’ 26 sena. Ħames darbiet ġie arrestat matul is-seba’ snin li dam ħaj wara. Hu kien ta’ karattru ferrieħi u xi ftit ġelliedi wkoll. Ġwanni baqa’ magħruf għad-dedikazzjoni tiegħu lejn dawk li ntlaqtu bl-epidemja ta’ Londra u għall-konverżjonijiet li għamel.

Ġwanni Roberts kien wieħed mill-fundaturi ewlenin tal-komunità oriġinali f’Douai, fi Franza, il-kulleġġ li kien iħejji żgħażagħ Ingliżi biex isiru saċerdoti u jmorru lura jaħdmu fl-Ingilterra waqt il-persekuzzjoni protestanta.

Hu ġie arrestat u ngħata s-sentenza tal-mewt. Lejlet mewtu, sinjura Spanjola xaħħmet lill-kalzrier u għamlet ċena kbira fil-ħabs li fiha ħadu sehem 20 ħabsi Kattoliku. Fr -Roberts ħaseb li ma kienx qed jedifika bil-ferħ kbir li kien qed juri. Iżda s-sinjura Spanjola qaltlu li kien qed jagħmel tajjeb għax b’hekk wera lil kulħadd b’liema ferħ u kuraġġ kien ser imut għal Kristu.

L-għada huwa ġie maqtul f’Tyburn flimkien ma’ qassis ieħor il-Beatu Tumas Somers. Kien nhar l-10 ta’ Diċembru, 1610, fl-età ta’ 35 sena. San Ġwann Roberts kien iddikjarat qaddis flimkien ma’ 39 martri oħra Ingliżi fl-1970 mill-Papa Pawlu VI.

Ħsieb: Id-determinazzjoni ta’ San Ġwann Roberts kif ukoll it-twettiq tas-sagrifiċċju straordinarju li għamel biex jibqa’ leali lejn l-obbligi tal-vokazzjoni saċerdotali tiegħu se jibqgħu jirriflettu l-konvinzjoni li kellu dwar il-fidi Kattolika Rumana. U aħna x’valur qed nagħtu lill-fidi tagħna, u b’mod speċjali lill-akbar Talba li għandna, li hi l-Quddiesa? Qabel xejn, x’inhi l-Quddiesa?

Il-quddiesa hija l-ogħla talba fit-talb kollu Nisrani. Għaliex? Qabel ma nwieġbu għal din il-mistoqsija ikun tajjeb jekk naraw x’jgħidu t-teoloġi u l-qaddisin fuq il-Quddiesa. Jekk il-liturġija hija r-ruħ ta’ kull tiġdid ekkleżjali kemm hu importanti li niskopru mill-ġdid iċ-ċentralità tal-Ewkaristija!

San Ġwann Marija Vianney, il-famuż Kurat ta’ Ars u l-qaddis Padrun tas-Saċerdoti, qal hekk fuq il-Quddiesa:

“Ix-xogħol tajjeb kollu fid-dinja mhuwiex daqs is-Sagrifiċċju Qaddis tal-Quddiesa. Għaliex ix-xogħol huwa ġej mill-bnedmin filwaqt li l-quddiesa hija x-xogħol ta’ Alla. Il-martirju lanqas joqgħod ħdejha għaliex huwa is-sagrifiċċju tal-bniedem lil Alla. Għall-kuntrarju l-Quddiesa hija s-sagrifiċċju ta’ Alla lill-bniedem.

San Massimiljanu Kolbe jgħid:

“Jekk l-Anġli jistgħu jgħiru għall-bnedmin huma jistgħu jkunu hekk għal raġuni waħda: It-Tqarbin.”

Waqt li l-Papa Pawlu VI qal:

“Il-Quddiesa hija l-iktar forma perfetta ta’ talb!”

Taqblu miegħi li minn din il-kwotazzjoni joħroġ biċ-ċar kemm il-quddiesa m’hijiex biss importanti imma essenzjali. Hija dik iċ-ċelebrazzjoni li mingħajrha ħajja spiritwali ta’ veru tkun fjakka, zoppa, u, f’ċertu sens, bla saħħa quddiem l-attakki tal-għadu! Jekk il-quddiesa hija daqshekk prezzjuża mela huwa għaqli li napprezzawha bil-għan li nsiru nħobbuha aktar ħalli niċċelebrawha b’iktar ferħ, żelu u fidi li jwassluna biex ngħixuha!

San Piju ta’ Pietrelcina kien jgħid illi kieku n-nies jifhmu xi tfisser il-quddiesa, żgur li kienu jkunu jiffullaw wara l-bieb tal-knisja biex jieħdu sehem fil-quddiesa. Darba qal ukoll:

“Id-Dinja kienet b’mod aktar faċli teżisti mingħajr ix-xemx milli mingħajr is-Sagrifiċċju tal-Quddiesa.”

  • U int, x’post ta’ valur qed tagħti lill-Quddiesa li hi l-Akbar Talba tagħna l-Insara?
  • Kemm tħejji ruħek spiritwalment għaliha, b’mod speċjali bis-Sagrament tal-Qrar?
  • Titqarben spiss bid-dispożizzjoni u d-devozzjoni kollha meħtieġa?
  • Kemm tinġabar wara t-Tqarbin biex tirringrazzja u toqgħod titkellem ftit mal-Iben t’Alla li jkun għadu kemm ġie ġo fik?

Talba: O Alla, li fik m’hemm l-ebda tibdil jew dell ta’ alterazzjoni, Inti li mlejt bil-kuraġġ lill-martri tiegħek San Ġwann Roberts. Agħtina, nitolbuk, li bl-interċessjoni tiegħu, aħna wkoll nagħrfu l-valur kbir tal-Quddiesa hekk li naslu napprezzawha iżjed u ngħożżuha. Agħtina wkoll il-qawwa biex inservuk f’kull ċirkustanza u sal-aħħar fuq l-eżempju tal-martri qaddisa tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/12/saint-john-roberts-martyr.html

Alternative Reading: http://saintsandrelics.co.uk/onewebmedia/St.%20John%20Roberts.pdf

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_Roberts_(martyr)

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Il-Ħsieb meħud minn kitba ta’ Patri Mario Attard OFM Cap.

9 ta’ Diċembru: San Ġwann Diego Cuauhtlatoatzin

Verżjoni Vidjo: San Ġwann Diego Cuauhtlatoatzin

Ġesù qabad u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok.” – Ġesù f’Mattew 11:26

151190226028SAN ĠWANN DIEGO CUAUHTLATOATZIN
1474 – 1548

Tagħrif: Ftit nafu dwar dan il-qaddis li San Ġwanni Pawlu II sejjaħlu bħala “l-Indjan sempliċi u umli.” Fil-bidu kien magħruf bħala Cuauhtlatoatzin, li tfisser ‘l-ajkla li titkellem.’ L-isem ta’ Ġwann Diego hu marbut mal-Madonna ta’ Guadalupe, fil-Messiku.

Il-Madonna kienet dehret l-ewwel darba lil Ġwann Diego, fid-9 ta’ Diċembru 1531, fuq l-għolja ta’ Tepeyac, fejn qaltlu biex jgħid lill-isqof li xtaqet li tinbena knisja għad unur tagħha. Fl-istorja, wisq magħrufa, ta’ dan il-qaddis, insibu li hu ġabar xi ward fil-mantar tiegħu, wara li l-Madonna talbitu jagħmel dan, u dawn inbidlu, fl-immaġini mirakuluża tal-Madonna ta’ Guadalupe.

Meta nbena s-Santwarju f’Tepeyac, Ġwann Diego, mar jgħix fil-qrib, fejn beda jgħallem il-katekeżi, waqt li kien ta’ xhieda bl-eżempju tajjeb tiegħu.

Huwa ġie kkanonizzat fil-31 ta’ Lulju 2000, mill-Papa San Ġwanni Pawlu II, fil-Bażilika ddedikata lill-Madonna ta’ Guadalupe. Il-Papa dakinhar qal li kien persuna sempliċi u umli, li aċċetta l-Kristjaneżmu mingħajr ma ċeda l-identità tiegħu bħala Indjan. San Ġwann Diego jfakkarna li “L-aħbar it-tajba ta’ Ġesù hi għal kulħadd.”

Id-Dehriet
Il-Verġni Marija dehret erba’ darbiet fl-1531 lil wieħed Indjos, Juan Diego (li kien dikjarat beatu fl-1990), fuq l-għolja Tepeyac, barra mill-belt tal-Messiku, u ordnatlu biex jgħid lill-isqof Zumarraga bix-xewqa tagħha li tinbena knisja għaliha hemmhekk. Wara xi sentejn, l-isqof għamel dak li kien mitlub, wara li kkonvinċa ruħu li d-dehriet kienu ġenwini meta ra x-xbiha ta’ daqs naturali tal-Verġni Marija stampat mirakolużament fuq il-fardal tal-Indjos.

Il-mantell li fih ix-xbieha tal-Madonna għadu ppreservat u hu merfugħ fil-bażilika ta’ Sidtna Marija ta’ Guadalupe, li għandu storja twila bħala ċentru ta’ devozzjoni u pellegrinaġġi fil-Messiku.

Il-Papa Benedittu XIV fl-1754 awtorizza quddiesa u talb għall-Uffiċċju Divin f’ġieħ il-Madonna taħt dan it-titlu biex tkun iċċelebrata fit-12 ta’ Diċembru. Ħatar ukoll lill-Madonna bħala Patruna ta’ Spanja l-Ġdida. Il-Madonna ta’ Guadalupe kienet iddikjarata Patruna tal-Amerika Latina minn Piju X fl-1910 u Patruna taż-żewġ Ameriki minn Piju XII fl-1945.

ĦsiebDan hu kliem Papa Franġisku meta kien fil-Belt tal-Messiku fis-Santwarju tal-Madonna f’Guadalupe nhar is-Sibt 13 ta’ Frar, 2016:

“Aħna jista’ jiġrilna dak li ġara lil Juan Diego, li nħarsu lejn l-Omm tagħna mil-lenti tat-tbatijiet tagħna, tal-biżgħat tagħna, id-disperazzjoni, in-niket, u ngħidulha: ‘X’nista’ nagħtik jien jekk m’iniex persuna mgħallma?.’ Inħarsu lejn l-Omm tagħna b’għajnejn li jgħidulha: ‘Huma ħafna s-sitwazzjonijiet li jixorbulek saħħtek kollha, li jġagħluna nħossu li m’hemmx lok għat-tama, għall-bidla, għat-trasformazzjoni.’

Għalhekk nemmen li l-lum jagħmlilna tajjeb xi ftit tas-silenzju, u noqogħdu nħarsu lejn ix-xbieha tal-Madonna ta’ Guadalupe, inħarsu ħafna lejha bil-kalma, u ntennulha l-kelmiet ta’ dak l-iben l-ieħor li kien iħobbha ħafna:

‘Sempliċement inħares lejk – ja Omm –,
inżomm biss ħarsti fuqek;
inħares lejk kollok kemm int bla ngħidlek xejn,
u ngħidlek kollox, bla kliem u bil-qima.

Iċċaqlaq xejn l-arja ta’ quddiemek;
bennen biss is-solitudni misruqa tiegħi
fl-għajnejn maħbuba tiegħek ta’ Omm
u fil-bejta ta’ l-art safja tiegħek.

Is-sigħat jiġru; imħarrka, u storbjużi
l-boloh bejn snienhom jomogħdu
ż-żibel tal-ħajja u tal-mewt.

Inħares lejk, ja Omm; u biżżejjed nikkontemplak,
b’qalb imsikkta mill-ħlewwa tiegħek,
fis-skiet tiegħek safi bħall-ġilji.’ (Innu liturġiku).

U fis-skiet, nibqgħu nikkontemplawha, u nħossuha għal darb’oħra ttennilna: ‘X’għandek, ibni, l-iċken fost kollha? X’qed inikket lil qalbek?’ (ara Nican Mopohua, 107, 118). ‘Forsi m’hawnx jien ħdejk, jien li għandi l-ġieħ li nkun ommok?’

Hi tgħidilna li għandha ‘il-ġieħ’ li tkun ommna. Dan jimliena biċ-ċertezza li d-dmugħ ta’ dawk li qed ibatu m’huwiex għalxejn. Hu talba siekta li titla’ sas-sema u li f’Marija dejjem sa ssib post taħt il-mant tagħha. Fiha u magħha, Alla jsir ħuna u sieħeb tagħna fit-triq, jerfa’ magħna s-slaleb biex ma jħalliniex nitgħattnu taħt l-uġigħ tagħna.

‘Forsi m’iniex ommok jien? M’iniex hawn ħdejk? Tħallix l-uġigħ tiegħek ikaxkrek miegħu, tħallix in-niket tiegħek jirbħek,’ tgħidilna. Il-lum terġa’ lura għandna mill-ġdid biex tibgħatna, bħal Juanito; il-lum mill-ġdid reġgħet hawn biex ittennilna: kun int il-messaġġier tiegħi, kun l-istedina tiegħi għall-bini ta’ tant santwarji ġodda, għat-tisħib ta’ tant ħajjiet, għall-ixxuttar ta’ tant dmugħ. Biżżejjed timxi fit-toroq ta’ fejn toqgħod, tal-komunità tiegħek, tal-parroċċa tiegħek bħala messaġġier tiegħi, messaġġiera tiegħi; ibni santwarji ġodda billi taqsam il-ferħ tiegħek għax taf li m’aħniex waħidna, li hi tinsab magħna. Kun il-messaġġier tiegħi – qed tgħidilna – billi tagħti x’jieklu lill-imġewħa, x’jixorbu lill-għatxana, kenn lil min hu fil-bżonn, ħwejjeġ lil min hu għarwien u żur lill-morda. Aqbeż għall-ħabsi, tħallihx waħdu, aħfer lil min għamillek id-deni, farraġ lill-imnikket, stabar bl-oħrajn u, fuq kollox, tkarrab u itlob lil Alla tagħna. U fis-skiet ngħidulha dak li nħossu tiela’ minn ġo qalbna.

‘Forsi m’iniex ommok jien? Jewwilla mhux hawn ninsab, miegħek?,’ qed tgħidilna mill-ġdid Marija. Mur ibni s-santwarju tiegħi, għinni ħa rrodd il-ħajja lil uliedi, ħutek.”

Talba: O Madonna ta’ Guadalupe, Warda Mistika, interċedi għall-Knisja Mqaddsa, ipproteġi lill-Papa, għin lil dawk kollha li jirrikorru għandek fi ħtiġijiethom, u itlob lil Ibnek għalina biex jagħtina li nibqgħu qawwija fil-fidi, mimlija bit-tama f’nofs il-qrusa tal-ħajja, imħeġġa fil-karità, u l-grazzja li nipperseveraw sal-aħħar f’ħajja qaddisa. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/12/saint-juan-diego.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-juan-diego-409

Vatican Biography: http://www.vatican.va/news_services/liturgy/saints/ns_lit_doc_20020731_juan-diego_en.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Juan_Diego

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

8 ta’ Diċembru: It-Tnissil Bla Tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija

Verżjoni Vidjo: It-Tnissil Bla Tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija

“Niċċelebraw it-Tnissil bla tebgħa tal-Verġni Marija: naduraw lil Kristu Sidna, Binha.” – Antifona tad-dħul mil-Liturġija tas-Sigħat tas-Solennità tat-Tnissil Bla Tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija

NossaSenhoraDaConceicao2IT-TNISSIL BLA TEBGĦA TAL-VERĠNI MQADDSA MARIJA

Tagħrif: Il-festa solenni tat-Tnissil bla Tebgħa tal-Madonna li tiġi disa’ xhur qabel il-festa tat-twelid tagħha fit-8 ta’ Settembru, tfakkarna fit-twemmin Nisrani li l-Madonna kienet meħlusa minn kull tebgħa tad-dnub oriġinali sa mill-bidu nett tat-tnissil tagħha fil-ġuf ta’ ommha, Sant’Anna, bis-saħħa tal-merti li kellu jikseb Ġesù. Għalhekk it-Tnissil bla Tebgħa tal-Madonna kien jiddependi mill-merti ġejjiena ta’ Binha Ġesù, għad li fi żmien sar qabilhom.

Billi Marija kienet il-magħżula ta’ Alla biex tkun Omm Ġesù, Alla żejjinha bi grazzji u rigali speċjali. Bħala Eva ġdida, hi ġabet ħajja ġdida fid-dinja permezz tal-Iben Divin tagħha.

Din il-festa kienet ilha tiġi ċċelebrata fil-Knisja tal-Lvant sa mis-seba’ seklu, u daħlet fil-Knisja tal-Punent fid-disa’ seklu. L-ewwel li għallmu d-duttrina tat-tnissil bla tebgħa ta’ Marija kienu Eadmer ta’ Canterbury u l-Patri Franġiskan Dun Scotus.

Fl-1854, il-Papa Piju IX ipprokklamaha bħala domma tal-Fidi. Fl-1858, f’Lourdes il-Madonna kkonfermat id-domma meta stqarret hi stess lil Santa Bernardina: “Jiena l-Immakulata Kunċizzjoni.”

Ħsieb: Dan li ġej huwa Qari mid-Diskorsi tal-isqof San Anselmu, bit-titlu: ‘Verġni, il-barka tiegħek hi barka għal kulħadd’:

O Verġni mbierka fuq li mbierka, il-barka tiegħek hi barka għal kulħadd għax bik jitbierek mhux biss il-ħolqien mill-Ħallieq iżda wkoll il-Ħallieq mill-ħolqien!

Alla minn ġo qalbu nissel lil Ibnu l-waħdieni u daqsu, ħabbu bħalma ħabb lilu nnifsu, u tah lil Marija: u minn Marija għamel għalih iben li kien l-istess wieħed, mhux ieħor; b’hekk wieħed hu l-iben naturali tat-tnejn, ta’ Alla u ta’ Marija. Il-ħolqien kollu ħareġ minn idejn Alla, u Alla twieled minn Marija. Alla ħalaq kollox, u Marija nisslet ‘l Alla. Alla għamel kollox, u hu għamel lilu nnifsu minn Marija; u b’hekk ġedded kull ma kien għamel. Dak li bis-setgħa tiegħu għamel il-ħlejjaq kollha mix-xejn, wara li tħassru ma riedx iġeddidhom mingħajr Marija.

Għalhekk Alla hu missier il-ħolqien, Marija omm il-ħolqien il-ġdid. Alla hu missier it-tqegħid ta’ kollox, Marija omm it-twaqqif mill-ġdid ta’ kollox. Alla nissel lil dak li bih sar kollox, Marija wildet lil dak li bih ġie salvat kollox. Alla nissel lil dak li mingħajru ebda ħaġa ma teżisti. Marija wildet lil dak li mingħajru ebda ħaġa ma hi sewwa.

Tassew il-Mulej miegħek, Marija, int li, bil-grazzja li tak hu, il-ħlejjaq kollha saru tant midjuna lejk talli reġgħu ngħaqdu miegħu.”

Hekk kif Alla għamel li l-Madonna tkun bla dnub xejn biex tkun tista’ tilqa’ ġo fiha lil Ġesù, hekk jixtieq li aħna wkoll nagħmlu l-parti tagħna mill-aħjar li nistgħu biex inneħħu kull dnub minn ġo fina qabel nitqarbnu ħalli nkunu denji li nirċievu l-Ġesù Ewkaristija kif tassew jixraq.

Imma f’hiex tikkonsisti l-qdusija ta’ Marija? Il-kobor ta’ Marija quddiem Alla hija l-IVA tagħha biex twettaq dak li xtaq minnha Hu u din l-iva baqgħet ittenniha anki jekk qalbha ġiet minfuda bis-sejf tan-niket. Iva, tassew jixirqielha kull qima u tifħir.

  • Imma x’tip ta’ qima tistenna min għandna din l-Omm tagħna tas-Sema?
  • Forsi trid il-briju u piki tal-festi fil-jum iddedikat għaliha?
  • Mhux aktar tridna nersqu lejn Binha, nindmu minn dnubietna u nirċievu s-Sagramenti tal-Qrar u t-Tqarbin b’mod frekwenti?
  • Mhux li nimitaw il-virtujiet tagħha, b’mod speċjali dik tal-umiltà u d-dispożizzjoni tagħha li tisma’ l-Kelma t’Alla u twettaqha?
  • Kemm qed nagħtu widen għall-Kelma t’Alla fil-Bibbja?
  • Mhux li ngħixu ħajja ta’ talb bħalha u ningħaqdu magħha fit-talba tant għal qalbha tar-Rużarju.
  • Kemm qed nixbhu lil Ommna li tiddi bil-barkiet għax kienet lesta li tħobb lil Alla, akkost ta’ kull sagrifiċċju u tbatija personali li wassalha sal-Kalvarju?

Illum tinsab glorjuża, għax ħadet il-premju li stħaqqilha. Il-qima vera li tixtieq minn għandna hi prinċipaljament dik li bħalha ngħixu dak li Alla kkmandana.

Talba: O Alla, bit-tnissil bla tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija int ħejjejt għamara xierqa għal Ibnek; kif int qist minn qabel il-merti tal-istess Ibnek biex ħarist lil Ommu minn kull tebgħa ta’ dnub, agħmel li aħna, bit-talb tagħha, naslu safja għandek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD  biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/immaculate-conception.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/immaculate-conception-of-the-blessed-virgin-mary/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Immaculate_Conception

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis/a huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

7 ta’ Diċembru: San Ambroġ

Verżjoni Vidjo: San Ambroġ

“Waqt li ma kontx nimpressjona ruħi mill-essenza ta’ tagħlimu, tqanqalt mill-ħlewwa ta’ kliemu.” – Dan il-kliem dwar San Ambroġ, qalu Santu Wistin għal meta kien għadu eretiku. 

St_AmbroseSAN AMBROĠ
Isqof u Duttur tal-Knisja
340? – 397

Tagħrif: San Ambroġ twieled fi Treviri, il-Ġermanja, minn familja aristokratika Rumana, fis-sena 340 jew ta’ qabilha.

Wara l-mewt ta’ missieru, ommu mat-tlett itfal li kellha, reġgħet lura f’Ruma. Ambroġ li kien l-iżgħar, kien għadu żgħir.

San Ambroġ irċieva edukazzjoni tajba mingħand ommu u mingħand oħtu Santa Marċellina, studja l-Grieg, sar poeta u oratur tajjeb. Meta kellu madwar 28 sena sar avukat fejn kiseb isem kbir. L-Imperatur Valentinjanu għaraf l-abiltà tiegħu u ħatru Gvernatur tal- Ligurja u Emilja, fis-sena 372.

Fis-sena 374, l-Isqof ta’ Milan, li kien Arjan, miet. Biex jagħżlu suċċessur tiegħu l-Insara li kienu maqsumin f’Kattoliċi u Arjani, ma setgħux jiftiehmu bejniethom lil min jagħżlu. Biex iġib il-paċi, Ambroġ mar il-knisja biex jindirizza l-ġemgħa. Waqt li kien qed jitkellem, xi ħadd għajjat: “Ambroġ Isqof.” F’daqqa waħda, kulħadd, Kattoliċi u Arjani bdew jgħajtu l-istess. Ambroġ li lanqas biss kien għadu tgħammed, irrifjuta, iżda b’insistenza qawwija mill-Imperatur, kellu jaċċetta u fi żmien qasir ġie mgħammed u kkonsagrat Isqof ta’ Milan, fis-7 ta’ Diċembru 374, meta kellu mal-35 sena.

San Ambroġ qeda dan il-ministeru tiegħu b’reqqa tal-għaġeb, l-aktar bl-imħabba li wera lejn kulħadd. Kien ukoll difensur kbir tal-Knisja u t-tagħlim tagħha. Bil-kitba u bl-għemil ħadha bil-qawwa kollha kontra l-Arjani biex iħares il-Fidi. Kien Isqof tassew kuraġġuż u qaddis, għex ħajja sempliċi u fl-istess ħin awstera.

Kien jikkonverti lil ħafna nies tant li permezz tiegħu ftit li xejn kienu baqgħu Arjani fid-Djoċesi tiegħu. L-ikbar konverżjoni kienet dik ta’ Santu Wistin fis-sena 387.

Meta l-Imperatur Valentinjanu ried jindaħal fl-affarijiet tal-Knisja, l-Isqof Ambroġ ipproklama: “L-Imperatur huwa fil-Knisja, mhux fuqha.”

Kien l-ewwel fost il-Padri tal-Knisja li uża l-Latin b’tali effett li sar l-ilsien uffiċjali tal-Knisja tal-Punent. Miet nhar Sibt il-Għid, 4 ta’ April 397, fil-għomor ta’ madwar 57 sena.

Ħsieb: Dan li ġej huwa Qari mill-Ittri tal-isqof San Ambroġ:

“Int ħadt fuqek id-dmir ta’ qassis, inxtħett bilqiegħda fil-poppa tal-Knisja, u qiegħed trieġi d-dgħajsa fuq il-mewġ. Żomm sewwa t-tmun tal-fidi, biex il-ħalel kbar ta’ din id-dinja ma jkollhomx ħila jħawduk. Tassew li l-baħar kbir u miftuħ, iżda xejn la tibża’, għax hu fuq l-ibħra waqqafha, u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħidha.

Għalhekk, fost it-taqlib ta’ din id-dinja, il-Knisja tal-Mulej mhux bix-xejn tibqa’ fis-sod: hija mibnija fuq il-blata tal-appostli u fuq dawn is-sisien qawwija tieqaf kontra l-ħalel tal-baħar imqalleb. Il-mewġ jitla’ għaliha, imma hi xejn ma titheżheż; u għalkemm sikwit l-elementi ta’ din id-dinja jaħbtu fuqha bi ħsejjes kbar, hija għandha port tassew żgur ta’ salvazzjoni biex fih tilqa’ lill-imħabbtin. Iżda barra milli hi dgħajsa miexja f’wiċċ il-baħar, hi wkoll tiġri fix-xmajjar; m’iniex ngħid iżjed għal dawk ix-xmajjar li fuqhom hemm miktub: jgħollu x-xmajjar leħinhom. Għax hemm xmajjar oħra, ħierġa minn min imur għand Kristu u jixrob u jirċievi l-Ispirtu s-Santu. Dawn mela huma x-xmajjar li jgħollu leħinhom meta jfuru bil-grazzja spiritwali.

Hemm xmara li tiġri mimlija u ħafifa fil-qaddisin tiegħu, xmara li s-swieqi tagħha jferrħu r-ruħ ta’ min hu fl-heda u s-sliem. Kull min jieħu mill-milja ta’ din ix-xmara jgħolli leħnu, kif għamel Ġwanni l-evanġelista, kif għamlu Pietru u Pawlu; u huwa jibda jxandar il-bxara t-tajba ta’ Sidna Ġesù, bħalma l-Appostli għollew leħen qawwi u xandru l-evanġelju lid-dinja kollha minn tarf għall-ieħor.

Imtela minn Kristu, ħalli int ukoll issemma’ leħnek. Ħu mill-ilma ta’ Kristu, dak l-ilma li jfaħħar lill-Mulej. Imla l-ilma minn kull fejn jinżel minn ġos-sħab tal-profeti.

Min jiġbor l-ilma tal-muntanji, min itella’ jew jieħu l-ilma tal-għejun, huwa wkoll isir qisu sħab li jniżżel ix-xita. Mela fawwar ħdan ruħek bl-ilma, biex l-art tiegħek ikollha t-tira u tissaqqa mill-għejun it-tajba.

Jekk xi ħadd jaqra ħafna u jifhem, dan jimtela; u, wara li jimtela hu, isaqqi lil ħaddieħor ukoll; għalhekk tgħid l-Iskrittura: ‘Jekk is-sħab jimtela, iniżżel ix-xita fuq l-art.’

Ħa jkunu d-diskorsi tiegħek ilma ġieri, ħa jkunu safja u ċari, biex bit-taħbit tajjeb tiegħek ixxerred il-ħlewwa f’widnejn il-bnedmin, u l-grazzja ta’ kliemek tħoll il-poplu biex minn rajh jimxi fejn tmexxih int.

Kun ta’ dehen kbir fid-diskorsi tiegħek. Għalhekk Salamun jgħid li xufftejn l-għaref huma l-armi tad-dehen; u xi mkien ieħor iwissik ukoll biex xufftejk ikunu marbuta mal-għaqal, jiġifieri, il-ħwejjeġ li tfisser bi kliemek għandhom ikunu mimlija bid-dawl biex dehnek ikun jiddi, u fit-taħdit u d-diskorsi li tgħid ma jkollokx bżonn min jagħmilha ta’ avukat difensur tiegħek; għax kliemek ikun jaf jiddefendi ruħu bil-mezzi tiegħu stess, u ebda kelma minn tiegħek ma toħroġ fil-fieragħ jew bla sens.”

  • U inti kemm tixbhu lil San Ambroġ f’li titkellem bil-ħlewwa wkoll ma’ dawk li ma jkunux jaqblu miegħek? Qatt m’għandna nkellmu lil ħadd bil-herra, imma dejjem bil-ħlewwa.

Talba: O Alla, int għamilt lil San Ambroġ mgħallem tal-fidi kattolika u eżempju ta’ qawwa appostolika; ibgħat fil-Knisja tiegħek bnedmin skont qalbek biex imexxuha bil-qawwa u bl-għerf. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/saint-ambrose.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-ambrose/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Ambrose

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis/a huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

6 ta’ Diċembru: San Nikola

Verżjoni Vidjo: San Nikola

“Nitolbok bil-ħerqa, quddiem Alla u Kristu Ġesù, li għandu jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin, f’isem id-Dehra tiegħu u s-Saltna tiegħu: xandar il-kelma, insisti f’waqtu u barra minn waqtu, ċanfar, widdeb, wissi, bis-sabar kollu u bit-tagħlim.” – 2Timotju 4:2 

maxresdefault1.jpgSAN NIKOLA
Isqof
Ir-Raba’ Seklu

Tagħrif: San Nikola twieled lejn is-sena 270, minn familja sinjura f’Patara, Liċja, fl-Asja ż-Żgħira fejn San Pawl kien ħawwel il-Fidi. Sar Isqof ta’ Mira, illum Dembre, raħal fit-Turkija. Kien mitfugħ il-ħabs fil-persekuzzjoni ta’ Djokleżjanu u ġie meħlus minn Kostantinu. X’aktarx li attenda l-Konċilju ta’ Niċea fis-sena 325, u miet f’Mira bejn 345 u 352.

Fl-1087, wara l-invażjoni tal-Asja ż-Żgħira mill-Musulmani, il-fdal tiegħu ġie miġjub f’Bari, l-Italja, fejn għadu hemm sal-lum. Bħal-lum f’Bari jsiru festi kbar lil dan il-Qaddis.

San Nikola hu magħruf mad-dinja kollha speċjalment għall-istejjer ta’ karità li xterdu dwaru. Fosthom meta darba sema’ b’wieħed raġel li ma kellux flus biżżejjed biex iżewweġ it-tliet xebbiet li kellu. San Nikola mar bil-lejl u tefagħlu mit-tieqa tliet boroż tal-flus biex ikun jista’ jżewwiġhom.

Storja oħra tgħid li San Nikola fi żmien Kostantinu rnexxielu jipprova l-innoċenza ta’ tliet żgħażagħ li kienu kkundannati għall-mewt mill-Gvernatur Estathius, u b’hekk ġew meħlusin. Stejjer bħal dawn għamluh popolari ħafna.

Ħsieb: Din li ġejja hija omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Festa ta’ San Nikola, is-Siġġiewi (25 ta’ Ġunju, 2017):

Ħa nieħu l-ewwel episodju li jimmarka lil San Nikola fl-ikonografija kollha, kemm tal-Oċċident, jiġifieri tan-naħat tagħna, kif ukoll tal-Orjent fejn trabba, fejn għex u fejn miet. Ġuvni li għandu aċċess għall-flus u li nduna li missier minħabba l-faqar kbir li safa fih m’għandux biex iżewweġ lit-tliet tfajliet tiegħu u bi qsim ta’ qalb il-missier jgħidilhom li biex ikollkom biex tgħixu aħjar tmorru ‘fit-triq.’ Illum ‘it-triq’ tfisser l-istess bħal ma’ kienet tfisser fi żmien San Nikola. Aħna għandna din l-espressjoni ta’ qsim il-qalb: ‘mara tat-triq.’ Anke meta nitkellem mar-residenti fir-rijabilitazzjoni mid-droga ta’ San Blas, għadhom jitkellmu fuq ‘it-triq.’ Issib id-droga ‘mit-triq.’ Mhux issib id-droga ħdejn il-bankina. It-triq huwa ambjent. U dan il-missier ikollu jagħmel deċiżjoni ta’ qsim il-qalb bħal kull missier li jgħidilhom: ‘m’għandix biex inżewwiġkom. Tridu tbigħu lilkom infuskom!’ Intom tifhmu li din mhix biss realtà tas-Seklu Tlieta biss jew tas-Seklu Erbgħa. U Nikola, kif tafu, jaqbad borża u jimlieha muniti tad-deheb u bil-moħbi jitfagħha mit-tieqa u tiżżewweġ l-ewwel tifla. U jerġa’ għat-tieni darba u jerġa’ għat-tielet. Dan il-lajk li bil-ġest tiegħu huwa ma’ Ġesù b’mod konkret għax għażel li jgħin lil dak il-missier li minflok iħalli lil uliedu tfajliet fit-triq, iqabbadhom it-triq taż-żwieġ.

U din hi l-ewwel tagħlima li nixtieq nislet minn dan l-episodu li intom tafuh tajjeb. Fl-ikonografija anke tal-istatwa titulari hemm wieħed mill-anġli jżomm il-ktieb bi tliet boroż tal-muniti tad-deheb bħala hemm anke fl-istatwa antika li qiegħda fis-sagristija. Lil San Nikola tagħrfu dejjem b’dan il-ġest li għamlu qabel sar isqof. Ta’ ġuvni li huwa ma’ Ġesù, lil dawn it-tliet tfajliet foqra għenhom biex jagħżlu ż-żwieġ u ż-żwieġ kif ħalqu Alla. U ż-żwieġ, tgħid x’tgħid il-liġi, jibqa’ l-għaqda dejjiema, esklussiva bejn raġel u mara li bl-imħabba u mill-imħabba ta’ bejniethom jitnisslu l-ulied.

Mela meta fl-ikonografija ta’ San Nikola taraw dawk it-tliet boroż ta’ flus li hu ċċaħħad minnhom biex tliet xebbiet isibu tlitt irġiel u jiżżewġu, ftakru li jekk kull wieħed u waħda minnkom iridu jkunu ma’ Ġesù, iż-żwieġ kif ħalqu Alla tridu tgħallmuh lil uliedkom u lil ulied uliedkom bir-rispett kollu lejn il-liġi. Aħna l-Insara ġabuna f’estremità li rridu ngħidu: ‘il-liġi tal-istat aħna ma nagħrfuhiex.’ Immaġinaw lil San Nikola kieku x’kien jgħid.

San Nikola, kif tafu, ġie magħżul isqof wara li miet l-Isqof ta’ Mira, u s-saċerdoti u l-presbiteri ma kinux jafu lil min se jagħżlu u għamlu lejl jitolbu u qalu: ‘il-Mulej irid jurihulna. Il-Mulej irid jagħżlu. L-ewwel wieħed li jidħol fil-knisja ikun hu.’ U dakinhar l-ewwel wieħed li daħal fil-knisja kien Nikola. Imma Nikola kien magħruf għall-għerf u l-ġenerożità tiegħu għax kif tafu, it-tielet darba, missier dawk it-tfajliet qagħadlu għassa u nduna min kien u xterdet mal-ambjenti tal-Asja Minuri, il-fama tal-għerf, il-kuraġġ u anke l-umiltà tiegħu li l-karità ma għamilhiex bid-daqq tat-trombi, ma għamilhiex biex jarawh in-nies, imma l-Mulej jagħraf il-qalb u għażlu lilu u għamlu tajjeb għax fihom kien hemm ir-rebħa tar-ragħaj u fir-rebħa tar-ragħaj kien hemm ir-rebħa tal-poplu – Nicholaus.

Nikola ddefenda l-verità li Ġesù huwa l-iben ta’ Alla, li Alla huwa l-missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. U Nikola kien dejjem mal-kelma qaddisa tal-verità. Mhux ta’ b’xejn li l-ewwel qari tal-liturġija ta’ din is-solennità tfakkarna fit-titlu tal-Mulej: ‘Qaddis, Qaddis, Qaddis.’ (Iżaija 6:3) U tfakkarna li l-Mulej jipparteċipa, jaqsam il-qdusija tiegħu ma’ min jagħżel u jippurifikah għax Nikola kien dgħajjef bħalna. Kien bniedem bħalna. Kien midneb bħalna. Minkejja l-leġġendi li nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ġimgħa kien isum, kien bniedem ta’ dgħjufija bħalna. Imma kien bniedem ta’ fedeltà. Kien bniedem li kien jaf joqgħod prostrat, għarkupptejh quddiem Ġesù jitolbu ħniena għal dnubietu u għad-dnubiet tal-poplu tiegħu. U kien bniedem li l-Mulej, permezz tiegħu, għamel għeġubijiet kbar.

L-aħħar ħsieb. San Nikola kien meqjum u dejjem kien meqjum bħala r-regola tal-fidi kanóna písteos – ir-regola tal-fidi. Min kien iħares lejh, min kien jarah jitħabat u jiġri biex isalva tliet kaptani kkundannati biex jaqtgħulhom rashom, min kien jarah jiddefendi l-innoċenza tat-tfal. Min kien jarah jagħti l-qamħ lill-poplu li m’għandux x’jiekol, kien jirrealizza li l-fidi ta’ Nikola kienet fidi konkreta u mhux tal-paroli. Mhux tal-eżortazzjoni biss. Kien ragħaj li fejn kien hemm il-bżonn jiddefendi d-dinjità tal-bniedem jew jgħinu konkretament, qatt ma ħarab, qatt ma nħeba. U aħna nistgħu nifhmu għax min kien jarah lil Nikola, jgħix, jitlob, jopera kien jgħid dan jgħallimna kif tkun il-fidi għax il-fidi turiha mill-opri, mill-imġiba tiegħek, mill-għażliet tiegħek, minn kemm inti kapaċi tagħraf lill-Mulej fil-fqir, fil-batut. Aħna nitolbu li aħna l-Insara nibqgħu komunità ta’ solidarjetà vera. Il-fidi tagħna mhux tal-paroli, lanqas hija tal-festi. Il-fidi tagħna hija tal-fatti, tal-karità.”

Mhux ta’ b’xejn li isem San Nikola hu hekk magħruf, u l-eżempju tiegħu u hekk imfakkar mad-dinja kollha! Kemm tkun ħaġa sabiħa li bil-karita’ tagħna nferrħu xi qalb li tkun tassew fil-bżonn, speċjalment fil-ġranet ħelwin tal-Milied!

Talba: O Alla, li glorifikajt lil San Nikola, Konfessur u Isqof, b’sinjali u għeġubijiet bla għadd; agħtina, nitolbuk, li aħna, bħalu ma nibżgħux nistqarru s-sewwa bla biża’ quddiem kulħadd u li niddefendu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem; tal-ħajja u tal-familja hekk kif riedhom ikunu Alla sa mill-bidu. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

San Nikola ta’ Bari, Isqof ta’ Myra: http://www.kappellimaltin.com/Kitbiet/Qaddisin/San_Nikola_ta-_Bari/san_nikola_ta-_bari.html

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/born-c.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-nicholas/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Nicholas

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis/a huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut. Il-Ħsieb huwa siltiet meħudin minn Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Festa ta’ San Nikola, is-Siġġiewi (25 ta’ Ġunju 2017)

5 ta’ Diċembru: San Saba

Verżjoni Vidjo: San Saba

“U meta titolbu, tkunux bħal dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawk iħobbu joqogħdu jitolbu bilwieqfa fis-sinagogi u f’salib it-toroq, biex jidhru quddiem in-nies. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħadtuh. Iżda int, meta titlob, idħol fil-kamra tiegħek ta’ ġewwa, agħlaq il-bieb warajk, u itlob lil Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu.” – Ġesù  f’Mattew 6:5-6.

Agios SavvasSAN SABA
Eremita
439 – 532

Tagħrif: San Saba huwa wieħed mill-figuri kbar tal-monastiċiżmu tal-Lvant, Huwa twieled fil-Kappadoċja għall-ħabta tas-sena 439. Fi tfulitu ħarab minn taħt il-ħarsien ta’ zijuh u daħal f’monasteru f’Mutalaska, pajjiż twelidu, ħdejn Ċesarea, fit-Turkija.

Ta’ 18-il sena mar Ġerusalemm fejn kien taħt id-direzzjoni tar-raħeb San Ewtimju. Mar miegħu jgħix fid-deżert, qrib il-Baħar Mejjet, minn fejn hu ħa l-formazzjoni spiritwali tiegħu.

Wara l-mewt ta’ Ewtimju, Saba għażel li jidħol aktar ‘il ġewwa fid-deżert u mar jgħix ġewwa għar fi rdum. Hu waqqaf komunità ta’ dixxipli li nġabru madwaru f’Mar Saba. Din il-kolonja ta’ eremiti fi żmien qasir kellha 150 membru. F’din il-komunità tiegħu l-irħieb kienu jgħixu maqtugħin minn xulxin għal ħamest ijiem mill-ġimgħa jitolbu u jaħdmu xogħol manwali, u mbagħad jiltaqgħu s-Sibt u l-Ħadd flimkien biex jiċċelebraw l-Ewkaristija.

Il-patrijarka Elija ta’ Ġerusalemm talab lil Saba biex jaċċetta l-ordinazzjoni saċerdotali ħalli jkun jista’ jservi lill-komunità. Kien ordnat saċerdot fl-492 u kien ukoll maħtur arkimandrita tal-irħieb kollha tal-Palestina. Xejn ma kien ħafif dan ix-xogħol billi kien hemm bejniethom qasmiet kbar minħabba l-ereżija monofiżita mibdija minn Ewtike li kienet tiċħad in-natura umana ta’ Kristu.

Saba ddefenda bil-qawwa t-tagħlim taż-żewġ naturi fi Kristu kif kien definit fil-Konċilju ta’ Kalċedonja. Minħabba f’hekk il-qaddis ivjaġġa mal-Palestina biex jipprietka kontra l-ereżija u mar ukoll Kostantinopli biex jipprova jikkonvinċi lill-Imperatur Anastasju li kien miġbud lejn l-ereżija.

Darba Saba ma rahiex bi kbira li jitlaq minn udjenza mal-Imperatur Ġustinu f’Kostantinopli għax kien sarlu l-ħin biex jagħmel siegħa talb. Kien magħruf għall-imħabba tiegħu lejn il-fqar u l-batuti.

Xwejjaħ ta’ 90 sena mar għand l-Imperatur Ġustinjanu jinterċedi favur is-Samaritani ribelli u ġabilhom il-maħfra.

San Saba miet fil-5 ta’ Diċembru 532 ta’ 93 sena, ġa miqjum matul ħajtu bħala qaddis. L-għadam tiegħu nġarr f’Venezja iżda, fl-1965, il-Papa Pawlu VI bi ftehim mal-Patrijarka ta’ Venezja, ta dan il-fdal prezzjuż lill-Patrijarka Ortodoss Grieg ta’ Ġerusalemm li tah lill-komunità ta’ 15-il raħeb f’Mar Saba. San Saba hu miqjum bħala wieħed mill-fundaturi tal-monastiċiżmu tal-Lvant.

Ħsieb: San Saba huwa figura ewlenija fil-monastiċiżmu bikri, u l-monasteru li huwa waqqaf, magħruf bħala Mar Saba, għadu jeżisti bħala l-eqdem monasteru abitat fid-dinja. Bir li kien ħaffer il-qaddis, għadu hemm sal-lum. Numru ta’ qaddisin kbar għexu bħala patrijiet fil-komunitajiet tiegħu għas-snin li segwew.

Imma x’għamel lil dan l-eremità qaddis? Probabbli li s-sinjal DO NOT DISTURB għenu jsib il-qdusija u l-paċi. Infatti, Saba ma rahiex bi kbira li jitlaq minn udjenza mal-Imperatur Ġustinu f’Kostantinopli għax kien sarlu l-ħin biex jagħmel siegħa talb. Minn naħa l-oħra, minkejja li t-talb u l-għaqda tiegħu ma’ Alla fis-solitudni kienu l-għaxqa ta’ qalbu, huwa kien jilqa’ bil-qalb lil kull min kien ifittex l-għajnuna jew il-gwida tiegħu, tant li spiċċa jgħix f’komunità. Infatti kien magħruf għall-imħabba tiegħu lejn il-fqar u l-batuti. Mhux biss, imma meta ħass il-bżonn li jinterċedi favur is-Samaritani ribelli, minkejja li issa kellu 90 sena, mar għand l-Imperatur Ġustinjanu u rnexxielu jġibilhom il-maħfra.

Ftit minna nixxenqu biex bħal Saba immorru fi grotta fid-deżert, iżda ħafna minna kultant jirreżistu għad-domanda tal-oħrajn fuq il-ħin li jkollna għad-diżpożizzjoni tagħna. Saba fehem dan. Meta fl-aħħar kiseb is-solitudni li għalih kien ħerqan, komunità immedjatament bdiet tinġabar madwaru, u kien imġiegħel jidħol għar-rwol ta’ tmexxija. Huwa qiegħed bħala mudell ta’ ġenerożità paċenzjuża għal kull min kellu bżonn il-ħin u l-enerġija tiegħu.

Dan kollu jurina li fil-ħajja tagħna bħala Nsara, għandna nagħmlu preċiżament żewġ affarijiet:

NITOLBU …
(jekk ikun hemm bis-sinjal DO NOT DISTURB quddiem il-bieb ta’ qalbna): quddies, adorazzjoni Ewkaristika, Rużarju, talb ieħor tal-fomm, u talb ta’ ftuħ il-qalb mal-Mulej, eċċ…

NAĦDMU …
billi nkunu ta’ servizz għal kull min jeħtieġ l-għajnuna tagħna skont l-istat ta’ ħajjitna u skont dak li l-Mulej isejħilna biex nagħmlu, kemm fil-parroċċi tagħna u forsi anki f’postijiet oħra.

Is-sigriet tal-ħajja perfetta huwa li aħna rridu nfittxu dejjem dak il-BILANĊ meħtieġ bejn il-mumenti ta’ talb u dawk ta’ ħidma. Il-Mulej jitgħaxxaq b’qalb ġeneruża li lesta li tkun offerta sabiħa għaliH u għaliH fil-proxxmu.

  • Inti trid tkun din l-offerta tfuħ quddiem Alla bħalma kien San Saba?

Talba: O San Saba, li dehert bħala wieħed li għandu qawwa kbira quddiem il-Mulej, itlob lil Alla għalina ħalli jkompli juri ħniena magħna midinbin; iqawwi fina l-fidi, ikabbar fina l-għerf u l-imħabba, jagħtina spirtu ta’ paċi u ferħ fl-Ispirtu s-Santu, jeħlisna mit-tiġrib u jagħtina l-qawwa negħelbu t-tentazzjonijiet, ħalli b’hekk naslu għas-salvazzjoni ta’ ruħna. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/saint-sabbas-sanctified.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-sabas/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Sabbas_the_Sanctified

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

4 ta’ Diċembru: San Ġwann Damaxxenu

Verżjoni Vidjo: San Ġwann Damaxxenu

“Urini l-ikoni li inti tqim, biex jien nista’ nifhem il-fidi tiegħek.” – San Ġwann Damaxxenu

Agios_Ioannis_DamaskinosSAN ĠWANN DAMAXXENU
Saċerdot u Duttur tal-Knisja
674? – 749?

Tagħrif: San Ġwann twieled għall-ħabta tas-sena 674, f’Damasku, il-belt ewlenija tas-Sirja. Missieru, li kien uffiċjal fid-Dipartiment tal-Finanzi tal-belt ta’ Damasku, xtaq jagħti edukazzjoni tajba lil ibnu, u fdah f’idejn patri Kożma.

Taħt patri Kożma ż-żagħżugħ għamel progress ġmielu kemm fix-xjenza reliġjuża u kemm fix-xjenzi profani.

Meta l-Insara tilfu l-kontroll ta’ Damasku, u l-Musulmani ħadu t-treġija tal-belt f’idejhom, missieru kompla jservi lill-Gvern Musulman. Hu mifhum li Ġwanni laħaq flok missieru.

Meta l-Musulmani bdew inaqqru d-drittijiet reliġjużi tal-Insara, Ġwanni ddeċieda li jkun jaqbel iktar għal ruħu u għall-ġid tal-komunità Nisranija li jirriżenja mill-post li kellu mal-Gvern, u daħal fil-monasteru ta’ San Saba, ħdejn Ġerusalemm, għall-ħabta tas-sena 715, u sar saċerdot.

Fis-sena 726, l-Imperatur tal-Lvant, Ljun minn Iżawrja, ikkundanna l-użu tax-xbihat reliġjużi mill-Insara. San Ġwann mill-ewwel ħadha kontra dan l-indħil minn Gvern sekular f’materji reliġjużi. Hu sostna li l-Insara kellhom kull dritt li jirrapreżentaw lil Ġesù, lill-Madonna u lill-Qaddisin permezz ta’ stampi u xbihat. Minħabba f’hekk Ġwanni ġibed fuqu l-korla tal-Imperatur, u tas-suċċessur tiegħu Kostantinu Kopronimu. Ġwanni kiteb ħafna wkoll kontra ereżija oħra li kienet qed tħabbat l-Knisja f’dawk iż-żminijiet.

Fost il-kitbiet tiegħu nsibu wkoll l-opri “Il-Għajn tal-Għerf,” “Dwar l-Ereżija,” “Tifsir bir-reqqa tal-Fidi Nisranija,” u bosta omeliji sbieħ fuq Marija, l-Omm t’Alla. Hu kien teologu brillanti, poeta u kittieb mill-aqwa u oratur elokwenti, tant li qala’ l-isem ta’ “Kriżorroas” (Xmara tad-deheb). Huwa l-aħħar wieħed fost is-Santi Padri Griegi.

Miet fl-4 ta’ Diċembru tas-sena 749. Il-kamra li fiha għex għadha ppreservata fil-monasteru tiegħu ħdejn Ġerusalemm. Il-Papa Ljun XIII iddikjarah Duttur tal-Knisja, fl-1890.

Ħsieb: San Ġwann Damaxxenu huwa famuż għax iddefenda l-għarfien tal-Knisja dwar il-venerazzjoni ta’ xbihat u spjega l-fidi tal-Knisja f’diversi kontroversji oħra. Għal aktar minn 30 sena, huwa kkombina ħajja ta’ talb ma’ dawn id-difiżi u l-kitbiet l-oħra tiegħu. Il-qdusija tiegħu esprimiet ruħha fit-tqegħid tat-talenti letterarji flimkien ma’ dawk tal-predikazzjoni għas-servizz tal-Mulej.

Il-Konċilju Ekumeniku ta’ Niċea II (887), fakkar it-tagħlim ta’ Missirijiet il-Knisja dwar l-ikoni, u l-aktar dwar it-tagħlim ta’ San Ġwann Damaxxenu, li tant iddefenda l-venerazzjoni lejn l-ikoni kontra l-kurrent tal-ikonoklasti li riedu jeqirdu x-xbihat qaddisa. L-ikona, skont dan it-tagħlim, fiha teoloġija, jew aħjar, titkellem dwar Alla ma min iħares lejha b’qima u fidi. L-ikona ssir sagrament, sinjal li jidher ta’ misteru. Il-qofol ta’ dan il-misteru li jiġi rivelat fl-ikona hu l-inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla, li x-xbieha qaddisa tirrappreżenta episodji mill-ħajja tiegħu, jew mill-ħajja ta’ qaddisin li ntrabtu ma’ Kristu b’mod speċjali.

Ir-regola tad-deheb tal-ikona hi x-xebh perfett (identità) tal-ikona mal-persuna li tirrappreżenta, hekk li nistgħu nsejħu l-ikona ritratt ta’ qdusija. L-iskop tal-ikona hu li jdaħħal lil min iħares lejha fis-sens ta’ qima lejn il-misteru, imma wkoll li jgħinu fl-imitazzjoni tal-persuna qaddisa raffigurata.

L-ikonografu jpitter l-ikona fi spirtu ta’ talb u sawm. Għandna l-eżempju ta’ ikonografu qaddis Russu, Sant’Andreij Rublev, awtur famuż tal-ikona tat-Trinità. Fl-ikona kollox jitkellem, u hemm regoli ta’ teknika, użu ta’ kuluri u atteġġjamenti tax-xbihat qaddisa li jiġu raffigurati. Fuq kollox l-ikona qatt ma għandha l-iskop li żżejjen il-post qaddis, imma pjuttost hi oġġett ta’ qima fil-liturġija u t-talb privat tal-Insara. Hawnhekk tinsab id-differenza radikali bejn ix-xbihat qaddisa fl-Orjent u l-arti sagra tagħna l-Oċċidentali, li ħafna drabi ħarisna aktar lejn l-aspett estetiku tar-raffigurazzjonijiet artistiċi tal-knejjes tagħna milli lejn l-aspett liturġiku, kateketiku u devozzjonali li għandu jkun il-bażi ta’ kull raffigurazzjoni sagra.

Biex wieħed japprezza l-Ikona, irid jifhem li din ma ssirx biex inħarsu lejha u nammiraw is-sbuħija u s-sengħa ta’ min għamilha. Kull ikona trid twassal messaġġ, iġġibna wiċċ-imb -wiċċ mal-misteru ta’ Alla. Napprezzawha kemm-il darba naqrawha b’għajnejn qalbna u nimmeditawha. Hija “ktieb” spiritwali. Eżempju, l-ikonografu li pinġa l-Kurċifiss ta’ San Damjan, ħa l-ispirazzjoni tiegħu mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.

  • U inti, tħalli l-ikoni, is-santi jew l-istatwi, ifakkruk li ruħ waħda għandek u li l-bżonnijiet ta’ ruħek għandhom jiġu l-ewwel u qabel kollox fil-ħajja?
  • Timmedita ta’ spiss bl-użu ta’ ikoni, santi jew statwi, kemm ħabbna l-Mulej tant li sab bniedem bħalna u lejn l-aħħar ta’ ħajtu, bata biex ipatti għad-dnubiet tagħna l-bnedmin?
  • Tipprova tgħix fuq l-eżempju tal-Mulej, tal-Madonna u tal-Qaddisin li tagħhom tqim ix-xbihat?

Talba: O Mulej, bit-tagħlim u l-eżempju ta’ ħajtu, San Ġwann Damaxxenu wriena li l-iktar xogħol importanti f’ħajjitna hu li nieħdu ħsieb ruħna billi ninsġu ħajjitna f’għaqda kontinwa miegħek. Agħtina, nitolbuk, għat-talb tiegħu għalina, li nużaw xbihat qaddisa bil-mod kif tixtieqna int, biex hekk naslu għal dik il-qdusija li trid tara fina. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/saint-john-of-damascus.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-john-of-damascus-407

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_of_Damascus

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis/a huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

3 ta’ Diċembru: San Franġisk Saverju

Verżjoni Vidjo: San Franġisk Saverju

“Il-ħsad kbir, imma l-ħaddiema ftit; itolbu mela lil Sid il-ħsad, biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu. Intom tiksbu qawwa, meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, u tkunu xhud tiegħi sa truf l-art.” – Ġesù f’Mattew 9:38 u f’Atti 1:8

St. Francis Xavier (2)SAN FRANĠISK SAVERJU
Saċerdot
1506 – 1552

Tagħrif: Dan il-qaddis jista’ jitqies bħala wieħed mill-akbar missjunarji tal-Knisja, uħud iqabbluh mal-appostlu San Pawl. Minħabba f’hekk ġie maħtur Patrun tal-Missjonijiet. Bħall-missier spiritwali tiegħu Sant’Injazju minn Loyola, Franġisk kien Spanjol ta’ razza Baska. Kellu f’moħħu li jagħmel isem bħala studjuż magħruf u duttur tal-filosofija.

San Franġisk Saverju twieled ħdejn Pamplona, Spanja, fil-Kastell Xavier, fis-7 ta’ April, 1506. Fl-1524, daħal l-Università ta’ Pariġi biex jistudja l-filosofija, u ħa l-Grad mill-Kulleġġ ta’ Santa Barbara. Hawn iltaqa’ u sar ħabib ma’ Sant’ Injazu ta’ Loyola.

Ta’ 28 sena ċeda għall-ideali għoljin t’Injazju, wara li kien ilu jgħix fl-istess kamra miegħu u mal-Beatu Pietru Favre fl-Università ta’ Pariġi għal erba’ snin. Fl-1537, San Franġisk flimkien ma’ Sant’ Injazju u erba’ Ġiżwiti oħra kien ordnat saċerdot f’Venezja. Hu sar wieħed mill-ewwel sitt kumpanni ta’ San Injazju li ħadu l-voti f’Montmartre, fl-1534. San Injazju kien jgħidlu: “Franġisk, x’jiswielek li tirbaħ id-dinja kollha, imbagħad titlef ruħek?”

Fl-1540, Sant’ Injazju talab lil Franġisku biex imur ma’ Patri Simon Rodriguez bħala l-ewwel missjunarji Ġiżwiti fl-Indja. Seba’ Ġiżwiti ntagħżlu għall-missjoni, iżda fl-aħħar minuta Franġisk kellu jieħu post wieħed minnhom li ma setax jagħmel il-vjaġġ. “Ix-xogħol f’idejk!” qallu Injazju. Franġisk kellu jħalli Ruma għall-Portugall fi żmien 24 siegħa. Hu aċċetta bil-ferħ u beda jraqqa’ qalziet qadim u suttana biex jeħodhom miegħu. F’dan kollu wera faqar, sempliċità u tfittxija għar-rieda ta’ Alla fl-ubbidjenza u t-talb li kkaratterizzaw il-ħidma tiegħu fil-missjoni.

Fl-1541, maħtur bħala Nunzju Appostoliku tal-Lvant, Franġisku telaq lejn l-Indja. Wara vjaġġ twil u diffikultuż li dam tlettax-il xahar wasal Goa li kienet kolonja Portugiża, f’Mejju tal-1542. Ħadem bla heda matul il-kosta tal-Indja u għammed numru kbir ta’ Indjani. Huwa żar Cape Camorin, Malabar, Travancor, Malakka, Molukkas ħdejn New Guinea u Montai ħdejn il-Filippini. Matul l-għaxar snin ta’ xogħol fil-missjonijiet hu vvjaġġa fil-biċċa l-kbira tal-Lvant imbiegħed bħala nunzju papali u superjur Ġiżwita. Hu ħalla warajh f’kull post li għadda knejjes jiffjorixxu, li diversi minnhom komplew sa żminijietna.

Meta kien fil-Malakka ltaqa’ ma’ Ġappuniż maħrub li tah l-idea li jmur il-Ġappun. Fil-15 ta’ Awwissu,1548 daħal il-Ġappun u bil-għajnuna ta’ Ġappuniżi kkonvertiti huwa qaleb fil-Ġappuniż xi tagħlim nisrani u kien jipprietka kif jista’. Dam sentejn fil-Ġappun. Għamel madwar 2000 Ġappuniż Nisrani li kellhom ikunu l-pedament tal-Knisja fil-Ġappun. Ħalliehom fil-kura ta’ Patri Cosmas u Fratell Fernandez, u rritorna fl-Indja fl-1551, meta nħatar l-ewwel Provinċjal tal-Ġiżwiti fl-Indja u fil-Lvant.

B’xewqa kbira li jwassal il-Vanġelu fiċ-Ċina li dak iż-żmien kienet magħluqa għall-barranin, Franġisku mar f’Sancian, gżira żgħira ħdejn Hong Kong, ftit ‘il bogħod miċ-Ċina. Imma Franġisk marad u miet bla ma laħaq irċieva s-sagramenti u mingħajr difna Nisranija, waqt li kien fuq il-gżira ta’ Sancian, ħdejn Hong Kong, jistenna lil wieħed negozjant li wegħdu li kellu jdaħħlu bil-moħbi fiċ-Ċina. Kien fit-3 ta’ Diċembru 1552, fl-età  ta’ 46 sena.

Għaxar ġimgħat wara, fetħu t-tebut u sabu li ġismu kien għadu talekwale. Wara ħaduh fil-Malakka, u minn hemm lejn Goa kważi sena wara mewtu, fejn it-tobba ċċertifikaw li ġismu kien għadu bla mittiefes. U hemm għadu miżmum fil-knisja ta’ Ġesù.

San Franġisk Saverju kien iddikjarat qaddis, flimkien ma’ Sant’ Injazju ta’ Loyola fl-1662 mill-Papa Girgor XV. Flimkien ma’ Santa Tereża ta’ Lisieux hu l-Patrun tal-Missjonijiet.

Ħsieb: Dan li ġej huwa qari mill-Ittra tas-saċerdot San Franġisk Saverju lil Sant’ Injazju:

“Morna nduru l-irħula fejn joqogħdu xi Nsara ġodda li f’dawn l-aħħar snin ħadu s-Sagramenti Mqaddsa. F’din l-art ma ssibx Portugiżi, għax hi art ħawlija u fqira mill-iżjed; l-Insara tal-post huma nieqsa mis-saċerdoti, u ma jafux ħaġ’oħra ħlief li huma Nsara. Ma għandhomx min jaqdihom fit-triq ta’ Alla; ma għandhomx min jgħallimhom il-Kredu, il-Missierna, is-Sliema u l-Kmandamenti ta’ Alla.

Għalhekk minn x’ħin wasalt hawn ma waqaft xejn: dort dawra sewwa mal-irħula, u għammidt it-tfal kollha li kienu għadhom bla magħmudija. Għammidt għadd kbir ta’ trabi li, kif jgħidu, ma jafux x’għandha x’taqsam idhom il-leminija max-xellugija. It-tfal ma kinux jitilquni qabel ma nkun għallimthom xi talba: u la kienu jħalluni ngħid l-uffiċċju divin, la niekol u lanqas nistrieħ. Kont inħoss tassew li ta’ min hu bħalhom hija s-saltna tas-smewwiet.

Għalhekk rajt li kien ikun nuqqas kbir tiegħi kieku kelli niċħdilhom ħaġa tajba bħal din li kienu jitolbuni; bdejtilhom mill-istqarrija tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u ħeġġiġthom jgħidu l-Kredu, il-Missierna, u s-Sliema. Intbaħt x’dehen kbir għandhom; ma għandi ebda dubju li kienu jkunu Nsara mill-aħjar kieku kellhom min jgħallimhom sewwa l-katekiżmu.

F’ħafna minn dawn il-postijiet, in-nies waħda żżommhom li ma jsirux Insara: għax ma hawnx min jagħmilhom Insara. Sikwit jiġini f’moħħi li mmur indur mal-universitajiet tal-Ewropa, l-aktar ta’ Pariġi, niġri ġirja magħhom u naqbad ngħajjat qisni wieħed iblah, biex inqanqal lil dawk li għandhom iktar għerf milli mħabba, u ngħidilhom: ‘jaħasra, kemm erwieħ minħabba n-nuqqas tagħkom qegħdin jibqgħu barra mis-sema u jimlew l-infern!’ Daqskemm huma moħħhom fl-għerf, daqshekk ieħor kellhom bżonn iżommu din il-ħaġa quddiem għajnejhom ħalli jkunu jistgħu jagħtu lil Alla kont tajjeb tal-għerf u t-talenti li ħadu.

Imma tabilħaqq, kien hemm ħafna fosthom li tqanqlu b’dan il-ħsieb; immeditaw fuq il-ħwejjeġ ta’ Alla, ħabirku biex jisimgħu x’kien qiegħed jgħidilhom il-Mulej ġewwa fihom, tefgħu wara spallejhom il-ġid tad-dinja u l-ġibdiet tagħha, u ngħataw kollhom kemm huma biex jagħmlu r-rieda ta’ Alla u dak li jogħġob lilu. Mhux li kienu jgħajtu wkoll minn qiegħ ruħhom: ‘Hawn jien, Mulej; xi tridni nagħmel? Ibgħatni kull fejn jogħġbok, mqar fl-Indja.’ “

Kristu bagħatna u qalilna: “Morru għallmu ‘l ġnus kollha.” Mhux bil-fors irridu nħallu x-xtut tagħna. Nistgħu nagħmlu hekk fid-dar tagħna, mal-mara, mar-raġel, mat-tfal, fuq il-post tax-xogħol jew tad-divertiment. Ngħallmu mhux biss b’fommna iżda wkoll bil-kitba, bl-imġiba tagħna, b’daqsxejn ta’ għajnuna, nisimgħu bis-sabar, nuru li qed nagħtu kas, nagħtu ftit mill-ħin tagħna għal ħaddieħor. San Franġisk ta ħinu kollu. Int kemm ser tagħti minnek innifsek?

Talba: O kbir Alla ta’ dejjem, nirringrazzjawk għall-qaddej tiegħek San Franġisk Saverju, li int sejjaħt biex ixandar l-Evanġelju lin-nies tal-Asja. Qajjem nitolbuk, f’din u fuq kull art, ħabbara u evanġelisti ta’ saltnatek biex il-knisja tiegħek tipproklama il-ġid bla qies tas-Sinjur tagħna Ġesù Kristu. Bl-istess Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2010/11/stfrancis-xavier.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-of-the-day/saint-francis-xavier/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Francis_Xavier

Nota: It-Tagħrif dwar il-qaddis/a huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

2 ta’ Diċembru: Beata Marija Anġela Astorch

Verżjoni Vidjo: Beata Marija Anġela Astorch

Waħdi ma’ Alla Waħdu.” – Beata Marija Anġela Astorch

blessed-maria-angela-astorchBEATA MARIJA ANĠELA ASTORCH
Verġni
1592 – 1665

Tagħrif: Il-Beata Marija Anġela Astorch twieldet fl-1 ta’ Settembru tal-1592, fi Spanja. Kienet ir-raba’ wild ta’ familja reliġjuża ħafna u trabbiet f’devozzjoni kbira.

Fis-16 ta’ Settembru tal-1603, fl-età ta’ 11-il sena, daħlet mas-sorijiet tal-Klarissi u sitt snin wara ħadet il-professjoni reliġjuża. Ftit snin wara waqqfet monasteru f’Żaragoza, fi Spanja, u fl-1627 saret il-Badessa. Imbagħad fit-2 ta’ Ġunju fl-1645, waqqfet monasteru ieħor fi Spanja wkoll, f’Murcia, fejn serviet ta’ Badessa sal-1661.

Kienet tgħaddi ħafna mill-ħin tagħha tistudja l-Kitbiet Sagri, kif ukoll il-kittieba kbar tal-Knisja. Dan ispiraha biex tikteb il-Brevjar, skema ta’ talb u innijiet għal kuljum.

Marija Anġela, kienet mistika u viżjunarja, kienet tara u tkellem l-Anġlu Kustodju tagħha.

Mietet fit-2 ta’ Diċembru, tal-1665 u fid-29 ta’ Settembru 1850, ġiet venerata mill-Beatu Papa Piju IX, għall-virtujiet erojċi tagħha. Kienet ibbeatifikata fit-23 ta’ Mejju 1982, mill-Papa San Ġwanni Pawlu II.

Ħsieb: Il-Beata Marija Anġela Astorch baqgħet magħrufa bħala “l-Mistika tal-Brevjar” minħabba d-devozzjoni tagħha lejn il-Liturġija. Hekk kien sejħilha l-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II fil-jum tal-beatifikazzjoni tagħha. Semma wkoll li hi kellha devozzjoni kbira lejn il-Passjoni u lejn il-Qalb ta’ Ġesù. Imma xi jkun dan il-Brevjar, l-Uffiċċju Divin jew it-Talba tal-Liturġija tas-Sigħat? Forsi tgħiduli li dan huwa ktieb li minn fuqu jitolbu s-saċerdoti, l-partijiet u s-sorijiet f’ħinijiet differenti tal-ġurnata. Iva, imma huma biss imsejħa jitolbuh?

F’hiex tikkonsisti t-Talba tal-Knisja Universali tal-Liturġija tas-Sigħat?

L-Uffiċċju Divin, jew il-Brevjar, hu talb u qari li l-Knisja trid li l-Insara jitolbu kuljum. Is-saċerdoti, id-djakni u r-reliġjużi kollha għandhom obbligu li jgħidu dan it-talb kuljum. Dan huwa magħruf ukoll bħala l-Liturġija tas-Sigħat għax huwa mqassam biex jintalab f’ħinijiet differenti tal-ġurnata.

It-talbiet prinċipali tal-Liturġija tas-Sigħat huma dawk li jsiru filgħodu u filgħaxija. Ta’ filgħodu magħruf bħala it-Tifħir ta’ Sbiħ il-jum propju għax biha n-Nisrani jagħti bidu għall-ġurnata tiegħu. It-talb ta’ filgħaxija, li huwa magħruf bħala l-Għasar jintalab ma’ nżul ix-xemx, meta l-jum ikun qed jintemm. Minbarra dawn it-talbiet prinċipali hemm talbiet oħra li huma iqsar li jintalbu f’ħinijiet differenti tal-jum. Hemm ukoll dak li huwa magħruf bħala l-Uffiċċju tal-Qari b’siltiet mill-Kotba Mqaddsa u l-aħjar siltiet minn awturi spiritwali. L-aħħar talb ta’ qabel l-irqad huwa it-Talb ta’ Għeluq il-jum magħruf ukoll bħala l-Kompjeta. Fit-talbiet kollha hemm Salmi u Kantiċi ta’ tifħir lil Alla.

Fil-Kostituzzjoni Appostolika, Laudis Canticum, 1 Nov. 1970, insibu dan li ġej:

“L-Insara kollha qegħdin jiġu mistiedna biex jgħidu t-talb tas-sigħat, ukoll dawk li mhumiex marbuta b’liġi li jgħiduh. Dawk imbagħad li laqgħu l-preċett tal-Knisja biex jiċċelebraw il-Liturġija tas-Sigħat, l-Uffiċċju jgħiduh kollu kuljum bil-ġabra tar-ruħ u, kemm jista’ jkun fil-ħin tassew li fih kull talba tiegħu jmissha tingħad; fuq kollox għandhom jagħtu lit-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum u lill-Għasar l-importanza kollha li tistħoqqilhom.”

Konsagrazzjoni tal-Ħin – Mill-Ordni ġenerali għal-Liturġija tas-Sigħat, 10:

“Kristu wissa lil dawk li huma tiegħu biex jitolbu dejjem bla ma jintelqu. (Luqa 18:1) Il-Knisja laqgħet din it-twissija bil-qalb kollha; hija qatt ma taqta’ mit-talb, u lilna tħeġġiġna u tgħidilna; ‘B’Ġesù ejjew noffru f’kull ħin lil Alla sagrifiċċju ta’ tifħir’ (Lhud 13:15). Dan il-preċett inħarsuh mhux biss biċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, iżda wkoll b’għemejjel oħra, l-aktar bil-Liturġija tas-Sigħat, li fost l-azzjonijiet liturġiċi l-oħra, għandha bħala ħaġa proprja tagħha li tqaddes il-medda kollha tal-jum binhar u bilejl.”

Għal min jixtieq jingħaqad mal-Knisja Universali b’din it-Talba tant prezzjuża tal-Liturġija tas-Sigħat, jista’ jidħol f’din il-paġna: https://l-ewkaristijaus-sacerdozju.home.blog/liturgija-tas-sighat-brevjar/

Talba: O Mulej, fuq l-eżempju u għat-talb tal-Beata Marija Anġela Astorch, agħtina li fil-silenzju profond tal-qlub tagħna, inkunu nistgħu nikkontemplaw lilek anke f’nofs il-ħsejjes u l-istorbju ta’ din id-dinja, hekk li naslu biex nagħtuk qima dejjem perfetta bi kliemna u b’għemilna. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2016/12/blessed-maria-angela-astorch.html

Alternative Reading: https://www.capdox.capuchin.org.au/saints-blesseds/blessed-maria-angela-astorch/ or http://www.therealpresence.org/eucharst/misc/Angels_Demons/ANGES_astorch.pdf

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maria_Angela_Astorch

INSTALLAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI TAL-BREVJAR BIL-MALTI:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Design a site like this with WordPress.com
Get started